|
23.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 263/32 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1212
tat-22 ta’ Lulju 2021
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 fir-rigward ta’ twissijiet skattati minn theddid transkonfinali serju għas-saħħa u għat-traċċar tal-kuntatti ta’ persuni esposti identifikati fil-kuntest tal-mili tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/858 (2) emendat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 (3) billi stabbiliet infrastruttura teknika maħsuba biex tippermetti l-iskambju sigur, f’waqtu u effikaċi tad-data personali miġbura permezz ta’ Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (“PLF”) bejn l-awtoritajiet kompetenti tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons (l-“EWRS”) tal-Istati Membri, imsejħa “l-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs”. Din l-infrastruttura teknika tippermetti t-trażmissjoni ta’ informazzjoni mis-sistemi tal-PLFs diġitali nazzjonali eżistenti tal-Istati Membri lil awtoritajiet kompetenti oħra tal-EWRS b’mod interoperabbli u awtomatiku. |
|
(2) |
Il-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri jiskambjaw settijiet definiti sew ta’ data miġbura permezz tal-PLFs, għall-iskop uniku tat-traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 ta’ persuni esposti minn dawk l-awtoritajiet. Tippermetti wkoll l-iskambju ta’ data epidemjoloġika limitata meħtieġa għat-traċċar tal-kuntatti, f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali. |
|
(3) |
Bħalissa d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 ma tippermettix l-iskambju ta’ data personali ta’ persuni li mlew PLF u li kienu f’kuntatt mill-qrib (4) ma’ passiġġier infettat li wkoll mela PLF, minkejja li l-iskambju ta’ din id-data huwa meħtieġ għal traċċar tal-kuntatti effikaċi wara l-identifikazzjoni ta’ każ pożittiv tal-COVID-19, kif meħtieġ skont l-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE. |
|
(4) |
L-iskambju tad-data relatata ma’ dawn il-persuni esposti huwa meħtieġ meta dawk il-persuni joqogħdu għal żmien limitat f’destinazzjoni partikolari, u bħala riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri ta’ dik id-destinazzjoni ma jkunux jistgħu jikkuntattjaw u jittestjaw dawk il-persuni matul is-soġġorn tagħhom. Dan l-iskambju tad-data huwa wkoll meħtieġ fejn l-awtoritajiet tal-EWRS tal-Istati Membri ta’ residenza huma kompetenti biex jikkuntattjaw u jipprovdu aktar struzzjonijiet lill-persuni esposti. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, u dment li dawk il-persuni jkunu mlew ukoll il-PLFs, l-Istat Membru li jkun identifika passiġġier infettat u beda l-miżuri tat-traċċar tal-kuntatti, jenħtieġ li juża l-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs biex jibgħat twissijiet lill-Istati Membri tat-tluq inizjali jew dak tal-aħħar jew lill-Istat Membru tar-residenza ta’ dawk il-persuni esposti. Jenħtieġ li d-data personali li għandha tiġi skambjata f’dawn il-każijiet tkun limitata għal data ta’ identifikazzjoni u ta’ kuntatt. |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li d-data personali relatata mal-passiġġieri infettati u d-data personali relatata mal-persuni esposti jkunu distinti b’mod ċar, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jindikaw jekk id-data skambjata tkunx qed tirreferi għal passiġġier infettat jew għal persuna esposta. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-iskambju tad-data personali ta’ persuni esposti jkun soġġett għall-istess rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali, li japplikaw ukoll għall-iskambju tad-data personali tal-passiġġieri infettati. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jikkondividu d-data li għandhom, fir-rigward tat-taqsimiet li għalihom l-Istati Membri jiġbru l-informazzjoni fil-PLFs tagħhom, jekk huwa meħtieġ biss biex jiġu identifikati l-persuni esposti. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li ma hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jiġbru informazzjoni għat-taqsimiet kollha ta’ vjaġġ. |
|
(8) |
Is-sistemi nazzjonali tal-PLFs tal-Istati Membri jistgħu jkunu temporanjament indisponibbli f’ċerti sitwazzjonijiet, pereżempju, minħabba interruzzjonijiet tekniċi. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS, permezz tal-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs, ikunu jistgħu jiskambjaw l-istess sett ta’ data personali li tkun ġejja minn sorsi għajr dawk tal-PLFs nazzjonali tagħhom, jiġifieri mill-operaturi tat-trasport, mill-passiġġier infettat jew mill-persuni esposti. Jenħtieġ li l-ġbir tad-data personali minn dawn is-sorsi ikun ibbażat fuq il-liġi nazzjonali u jkun f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(9) |
Fl-Anness I, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/858 tiddefinixxi s-sett minimu ta’ data tal-PLF li għandu jinġabar permezz tal-PLF nazzjonali, li huwa meħtieġ għat-traċċar tal-kuntatti transfruntiera effikaċi bbażat fuq id-data tal-PLF. Jenħtieġ li fl-Anness I jiġi ċċarat li l-post tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll il-ħin tat-tluq, mhumiex meħtieġa peress li dik l-informazzjoni tista’ tinkiseb min-numru ta’ identifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport, billi dik l-informazzjoni hija biżżejjed għall-fini tat-traċċar tal-kuntatti. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 tiġi emendata skont dan. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, ġie kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u ta l-opinjoni tiegħu fit-13 ta’ Lulju 2021. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 2a(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Pjattaforma għall-iskambju sigur tad-data tal-PLF ta’ passiġġieri infettati u ta’ persuni esposti għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 ta’ persuni esposti mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS (“il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF”) hija stabbilita skont l-EWRS bħala komplement tal-funzjonalità ta’ trażmissjoni selettiva tal-messaġġi li teżisti f’dik is-sistema.”; |
|
(2) |
l-Artikolu 2b huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/858 tas-27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 fir-rigward ta’ twissijiet skattati minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u għat-traċċar tal-kuntatti ta’ passiġġieri identifikati permezz tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 106).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/253 tat-13 ta’ Frar 2017 li tistabbilixxi l-proċeduri għan-notifika ta’ twissijiet bħala parti tas-sistema ta’ twissija bikrija u ta’ reazzjoni stabbilita b’rabta mat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa u għall-iskambju ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ koordinazzjoni ta’ reazzjonijiet għal theddid bħal dan skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 37, 14.2.2017, p. 23).
(4) Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (“ECDC”) ipprovda gwida dwar id-definizzjoni ta’ kuntatt mill-qrib. Ara d-dokument tal-ECDC dwar “ Contact tracing: public health management of persons, including healthcare workers, who have had contact with COVID-19 cases in the European Union – third update ’, datat it-18 ta’ Novembru 2020.
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
ANNESS
L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
il-punt (7) jitħassar; |
|
(2) |
il-punt 8 huwa emendat kif ġej:
|