Brussell, 30.7.2024

COM(2024) 349 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi (l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE)




2019/1241)


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Implimentazzjoni tar-regolament

2.1.Il-kejl tal-progress lejn l-objettivi

2.2.L-implimentazzjoni reġjonali

2.2.1.Il-Baħar Baltiku

2.2.2.L-Ilmijiet tal-Punent

2.2.3.Il-Baħar tat-Tramuntana

2.2.4.Il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed

2.3.Kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni oħra

2.3.1.Regoli ta’ implimentazzjoni

2.3.2.Sajd dirett

3.L-innovazzjoni u r-riċerka xjentifika

3.1.Il-ħidma tal-STECF

3.2.Il-parir tal-ICES dwar l-irkapti innovattivi

3.3.Sajd għal skopijiet xjentifiċi

3.4.In-nefqa fuq l-innovazzjoni

4.Konklużjonijiet



1.Introduzzjoni 

L-Artikolu 31 tar-Regolament 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (“ir-Regolament”), jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament kull 3 snin.

Dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-Regolament matul l-aħħar 3 snin u jibni fuq l-ewwel rapport adottat 2 f’Settembru 2021 kif ukoll fuq ir-rapport dwar l-użu tas-setgħat delegati adottat f’Settembru 2023 3 . Huwa mħejji abbażi tal-miżuri meħuda u tal-iżviluppi xjentifiċi, tal-pariri mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) u mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Explorations of the Seas), u tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, mill-Kunsilli Konsultattivi u mill-inputs minn partijiet ikkonċernati oħra li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (mehmuża bħala l-Appendiċi I ma’ dan ir-rapport). Iħares ukoll lejn l-isforzi fis-seħħ f’termini ta’ riċerka u innovazzjoni bħala potenzjal biex jitkompla l-progress fit-twettiq tal-objettivi tar-Regolament.

2.Implimentazzjoni tar-regolament 

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (“PKS”) kif definiti fir-Regolament Nru 1380/2013 (ir-“Regolament PKS”) u li jikkontribwixxi għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni ambjentali, filwaqt li jinstab il-bilanċ it-tajjeb fost l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali skont il-PKS. Is-sajd b’rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield) b’miżuri tekniċi xierqa jagħti kontribut importanti għal attività aktar sostenibbli fl-ibħra u għal settur tas-sajd reżiljenti u kompetittiv li jipproduċi ikel ta’ kwalità 4 . L-użu ta’ prattiki tas-sajd aktar selettivi u li jirrispettaw l-ambjent jgħin biex jiżdied ir-rendiment mill-istokkijiet tal-ħut fil-mira, filwaqt li jitnaqqsu l-qabdiet (sekondarji) mhux mixtieqa u l-impatti fuq ħabitats sensittivi.

Is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-baħar titlob il-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u l-limitazzjoni tal-impatt tas-sajd fuqhom. Il-miżuri tekniċi effettivament jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Huma mfassla u regolati bl-għan li jillimitaw l-impatti fuq speċijiet u ħabitats sensittivi mħarsa mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, bħaż-żoni ta’ Natura 2000, u li jnaqqsu l-impatti fuq l-ekosistemi tal-baħar bħala kontribut għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD, Marine Strategy Framework Directive). Dan huwa partikolarment rilevanti fid-dawl tal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità 5 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Baħar 6 .

Ir-Regolament attwali żamm l-elementi essenzjali eżistenti tar-regolamenti tekniċi tal-passat u pprovda possibbiltà għall-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-miżuri meħtieġa għal implimentazzjoni koerenti. Barra minn hekk, ir-Regolament jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien, fil-kuntest tal-gruppi reġjonali, biex jiddefinixxu miżuri reġjonalment rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tadotta permezz ta’ atti delegati u jipprovdi lok biex l-Istati Membri individwalment jadottaw miżuri nazzjonali għall-ilmijiet jew għall-flotot tagħhom.

Dan ir-Regolament huwa għodda importanti biex jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-isfidi klimatiċi u tal-bijodiversità, u għalhekk huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Baħar, adottat fi Frar 2023 bħala riżultat tanġibbli skont l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità 2030 u ppreżentat bħala parti mill-“Pakkett dwar is-Sajd fl-Oċeani” 7 .

2.1. Il-kejl tal-progress lejn l-objettivi 

Dan ir-rapport iħares lejn l-implimentazzjoni reġjonali tal-miżuri bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-Regolament: biex jiġu ottimizzati l-mudelli ta’ sfruttament, biex jingħata kontribut ħalli jiġu minimizzati l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet tal-baħar sensittivi u l-impatti ambjentali negattivi tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar u biex ikun hemm fis-seħħ miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd għall-finijiet ta’ konformità mad-Direttivi ambjentali 8 .

Fl-2020, l-STECF irreveda l-aktar indikatur xieraq li għandu jintuża biex ikejjel jekk il-mudelli ta’ sfruttament humiex ottimizzati. Dan ġie kkomplementat mill-JRC 9 fi Frar 2024, li analizza 34 stokk ta’ ħut li jikkorrispondu għall-ispeċijiet elenkati fir-Regolament. Din l-analiżi wriet li fl-Atlantiku s-selettività aggregata ilha titjieb għal dawn l-aħħar 20 sena. Madankollu, fl-2021 ftit inqas minn nofs l-istokkijiet ivvalutati mill-ICES urew selettività aħjar (jiġifieri, protezzjoni ogħla għall-frieħ tal-ħut) minn dik li tikkorrispondi għar-rendiment tal-ekwilibriju massimu taħt il-mortalità attwali mis-sajd. Fir-rigward tal-Mediterran, 2 minn kull 10 stokkijiet urew selettività aħjar minn dik li tikkorrispondi għar-rendiment massimu ta’ ekwilibriju massimu taħt il-mortalità attwali mis-sajd.

Għall-objettivi marbuta mal-leġiżlazzjoni ambjentali, il-miri konkreti huma derivati mid-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats, li jinkludu protezzjoni speċifika għaż-żoni tan-Natura 2000 u għal ċerti speċijiet, kif ukoll mill-valuri ta’ limitu adottati fil-qafas tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD). F’dawn l-aħħar snin, sar progress notevoli fl-adozzjoni ta’ tali limiti, speċjalment għad-deskritturi biex jiddeterminaw jekk il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar humiex fi status ambjentali tajjeb 10 . Il-valuri ta’ limitu tal-MSFD marbuta mal-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet tal-baħar sensittivi għad iridu jiġu adottati u għalhekk għadhom mhumiex disponibbli l-miri konkreti għal dan l-objettiv.

Filwaqt li l-miri li jistgħu jitkejlu mhumiex kompletament disponibbli, il-parir xjentifiku joffri informazzjoni rilevanti dwar is-sitwazzjoni delikata ta’ ċerti speċijiet u ħabitats u għalhekk l-elementi meħtieġa biex isostnu l-adozzjoni ta’ miżuri konkreti.

2.2.L-implimentazzjoni reġjonali 

L-implimentazzjoni reġjonali hija l-pedament ta’ dan ir-Regolament u qed tagħmel progress b’veloċità u b’livell differenti u hija mmirata lejn il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ kull baċir tal-baħar. Il-miżuri jistgħu jiġu adottati bħala miżuri nazzjonali jew bħala att delegat abbażi ta’ rakkomandazzjoni konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati.

Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali, l-Istati Membri kollha infurmaw lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-flotot tagħhom biex jilħqu l-objettivi konkreti fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Ir-rapport ta’ Settembru 2023 dwar l-użu tad-delega tas-setgħat skont ir-Regolament enfasizza li fil-perjodu mill-14 ta’ Awwissu 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2023, ġew adottati 12-il att delegat, u wieħed kien fil-proċess li jiġi adottat. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġew adottati żewġ atti delegati oħra li issa jġibu t-total għal 14-il att delegat adottati li jikkonċernaw varjetà wiesgħa ta’ miżuri.

L-approċċ, il-veloċità u l-kontenut tal-implimentazzjoni reġjonali jvarjaw ħafna minħabba ċ-ċirkostanzi u l-isfidi pjuttost differenti f’kull wieħed mill-baċiri tal-baħar u l-ambitu u l-potenzjal li joffri l-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni. Pereżempju, fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed l-aktar approċċ effettiv huwa li l-miżuri jiġu adottati mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM, General Fisheries Commission for the Mediterranean) u għalhekk japplikaw għall-istati kollha li jmissu ma’ dawk l-Ibħra, u b’hekk jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. B’riżultat ta’ dan, hemm ħtieġa jew spazju limitati għall-użu tar-reġjonalizzazzjoni skont ir-Regolament PKS. Fejn meħtieġ għat-traspożizzjoni tal-miżuri tal-GFCM jew bħala komplement, l-Istati Membri marru lura l-aktar għall-miżuri nazzjonali. Għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Ilmijiet tal-Punent, is-sitwazzjoni tvarja. Filwaqt li hemm ambitu sħiħ għall-użu tar-reġjonalizzazzjoni, l-Istati Membri, kif ukoll il-Kunsilli Konsultattivi rilevanti, jilqgħu l-ħidma teknika li għaddejja bejn l-UE u r-Renju Unit dwar il-miżuri tekniċi.

Ir-rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri jistgħu jsibu l-bażi tagħhom kemm fl-Artikolu 11 tar-Regolament PKS kif ukoll fir-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi li t-tnejn li huma għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-PKS u b’hekk għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u pereżempju jillimitaw l-impatt tas-sajd fuq il-ħabitats tal-baħar sensittivi jew jimminimizzaw il-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, ir-Regolament jipprovdi wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni għall-protezzjoni ta’ speċijiet sensittivi, kif kien il-każ għall-protezzjoni tad-denfil iswed tal-Baltiku.

Barra minn hekk, ir-Regolament joffri protezzjoni speċjali lil xi speċijiet ta’ ħut elenkati fl-Anness I billi jiġu pprojbiti milli jinqabdu. Filwaqt li teżisti l-possibbiltà li l-lista tiġi emendata u jiżdiedu speċijiet addizzjonali, dan sal-lum għadu ma seħħx.

Bi tweġiba għall-konsultazzjonijiet li saru għal dan ir-rapport, il-Kunsilli Konsultattivi kkontribwew informazzjoni dettaljata dwar il-ħidma mwettqa matul dan il-perjodu ta’ rapportar biex juru l-impenn u l-involviment kemm fl-adozzjoni ta’ miżuri volontarji kif ukoll fil-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni.

Xi wħud mill-partijiet ikkonċernati indikaw li r-reġjonalizzazzjoni mhijiex miexja bil-pass it-tajjeb, filwaqt li oħrajn enfasizzaw il-kumplessità tar-Regolament.

2.2.1.Il-Baħar Baltiku

F’termini ta’ selettività, il-kooperazzjoni reġjonali dwar l-irkaptu selettiv biex jitnaqqas drastikament il-qbid inċidentali tal-bakkaljaw tal-Baltiku u l-adozzjoni tal-Att Delegat u l-att ta’ implimentazzjoni relatat huma imminenti bis-saħħa tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku (BSAC, Baltic Sea Advisory Council).

Fil-qasam tal-minimizzazzjoni tal-qbid inċidentali ta’ speċijiet sensittivi, il-ħidma kompliet bil-ħsieb ta’ protezzjoni aħjar tad-denfil iswed tal-Baħar Baltiku (ġew ippreżentati żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti għal dan l-għan) inklużi miżuri ta’ kontroll addizzjonali. Qed tiġi kkontemplata wkoll ħidma fuq miżuri għal-Lvant tal-Baħar Baltiku b’għeluq f’ħin reali. Barra minn hekk, xi Stati Membri qed jaħdmu fuq miżuri li għandhom l-għan li jimminimizzaw l-impatt tad-depredazzjoni tal-foki u l-interazzjoni mas-sajjieda u ħadu miżuri volontarji biex jillimitaw l-impatt tas-sajd fuq speċijiet sensittivi. Il-BSAC informa wkoll li s-sajjieda membri tagħhom qed jieħdu sehem individwalment fi proġetti ta’ riċerka.

F’dak li jikkonċerna l-kontribut usa’ għall-objettivi ambjentali u l-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar, l-Istati Membri tal-Baħar Baltiku qed jimplimentaw ċerti restrizzjonijiet nazzjonali għas-sajd tal-qiegħ u l-użu tax-xbieki statiċi fiż-żoni tan-Natura 2000. Barra minn hekk, xi Stati Membri ħejjew rakkomandazzjoni konġunta biex jipproteġu qiegħ il-baħar fil-parti Ġermaniża tal-Baħar Baltiku (att delegat li qed jitħejja abbażi ta’ rakkomandazzjoni konġunta għall-protezzjoni ta’ 6 żoni tal-baħar protetti (MPAs, marine protected areas) fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) Ġermaniża tal-Baħar Baltiku).

L-Istati Membri bħalissa qed jaħdmu fuq żewġ rakkomandazzjonijiet konġunta li jissuġġerixxu miżuri ta’ konservazzjoni għal madwar 25 sit tan-Natura 2000 jew żoni tal-MSFD tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku (fuq terminu qasir, medju u twil).

2.2.2.L-Ilmijiet tal-Punent

Bħala kontribut għas-selettività, l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw miżuri biex jimminimizzaw il-qbid inċidentali tal-bakkaljaw fil-Baħar Ċeltiku u, b’rabta ma’ riżultati simili fil-Baħar tat-Tramuntana, għaddejjin diskussjonijiet biex jiżdied id-daqs tal-malji fis-sajd għall-klamari (minn 40 mm għal 80 mm jew 90 mm skont iż-żona tas-sajd). Ġew implimentati miżuri addizzjonali permezz ta’ Atti Delegati biex tiżdied il-protezzjoni tal-paġella ħamra fil-Golf tal-Biskalja (żieda fid-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni u l-għeluq).

Fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi minimizzat il-qbid inċidentali ta’ speċijiet sensittivi fil-Golf tal-Biskalja, fl-2021 Franza u Spanja adottaw miżuri nazzjonali biex jipproteġu d-denfil komuni, bl-użu ta’ apparat akustiku deterrenti fil-Golf tal-Biskalja għal ċerti bastimenti tat-tkarkir. Minbarra l-użu tal-apparat akustiku deterrenti fuq il-bastimenti tat-tkarkir, Franza qed tuża dejjem aktar kameras abbord u miżuri ta’ monitoraġġ oħra biex ittejjeb l-għarfien dwar il-popolazzjoni tad-dniefel fil-Golf tal-Biskalja. Franza qed taħdem ukoll fuq diversi proġetti dwar miżuri tekniċi biex jiġi evitat li d-dniefel jinqabdu b’mod inċidentali fl-għażel. Il-Portugall u Spanja qed jaħdmu fuq miżuri ta’ mitigazzjoni tekniċi, bħall-apparat akustiku deterrenti, għall-għażel fil-qafas tal-Proġett Cetambicion 11 . Madankollu, huwa meħtieġ aktar progress, peress li l-adozzjoni ta’ miżuri reġjonali fiż-żoni kollha ttejjeb il-konservazzjoni tad-denfil komuni.

L-Istati Membri qed jorganizzaw ukoll korsijiet u taħriġ għall-industrija tas-sajd immirati lejn fehim u rikonoxximent aħjar tal-qbid assoċjat ma’ ċertu sajd.

Dwar proġetti futuri għall-protezzjoni ta’ speċijiet sensittivi, diversi Stati Membri huma involuti fis-CIBBRiNA 12 , u f’attivitajiet ta’ riċerka differenti mmirati lejn il-protezzjoni ta’ speċijiet sensittivi fis-sajd irregolat mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, bħall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku. Xi Stati Membri rrapportaw ukoll dwar proġett li se jinkludi stħarriġiet dwar l-aċidu Deossiribonuklejku (DNA) u monitoraġġ akustiku passiv.

Fil-qasam tal-kontribut għall-protezzjoni ambjentali, l-Istati Membri estendew l-MPAs attwali u qed jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet ambjentali lejn l-elaborazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għal diversi MPAs taħt Natura 2000.

2.2.3.Il-Baħar tat-Tramuntana

L-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana implimentaw diversi miżuri ta’ selettività biex jikkomplementaw l-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni adottat staġun magħluq għas-sajd matul il-quċċata riproduttiva tal-ħalibatt tal-Atlantiku 13 . Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jimplimentaw miżuri oħra fuq il-flotot tagħhom, li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet obbligatorji attwali (eż. l-użu tal-pannell Fjamming fil-bastimenti tat-tkarkir bit-travu li jistadu għall-gambli, programm ta’ kokampjunar addizzjonali għall-monitoraġġ tal-qabda ta’ speċijiet soġġetti għal kwoti fis-sajd għall-gambli).

L-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana rrapportaw diversi miżuri nazzjonali mmirati lejn it-tnaqqis tal-impatt fuq speċijiet sensittivi, bħal miżuri temporali spazjali fl-MPAs jew il-limitazzjoni ta’ ċerti rkapti. Ġiet irrapportata wkoll żieda fil-kopertura tal-osservaturi biex wieħed iserraħ fuq data robusta u affidabbli.

L-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana jipparteċipaw fil-proġett CIBBRiNA (li jinkludi wkoll il-Polonja, il-Portugall u Spanja) li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jnaqqas il-mortalità fil-qbid inċidentali ta’ speċijiet sensittivi. Dan il-proġett beda f’Diċembru 2023 u se jibqa’ għaddej sal-2029.

Fil-qasam tal-kontribut għall-protezzjoni ambjentali, ġew adottati żewġ atti delegati bbażati fuq 5 rakkomandazzjonijiet konġunta li jissuġġerixxu miżuri ta’ konservazzjoni għat-18-il sit ta’ Natura 2000 jew għaż-żoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina fl-Ibħra tat-Tramuntana: Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/952 u r-Regolament Delegat (UE) 2023/340.

Id-diskussjonijiet attwali mill-Istati Membri huma ffukati fuq erba’ rakkomandazzjonijiet konġunti. Il-Ġermanja u n-Netherlands issottomettew waħda għad-Dogger Bank (evalwata reċentement mill-STECF fil-laqgħa plenarja tar-rebbiegħa — PLEN 24–01 14 ), oħra li qed titħejja min-Netherlands għal 6 MPAs fil-parti Netherlandiża tal-Baħar tat-Tramuntana (Cleaver Bank, South Dogger Bank, Central Oyster Grounds, Frisian Front MSFD, Brown Ridge u Borkum Reef Grounds), waħda li qed titħejja mill-Belġju għal 3 żoni ta’ ġestjoni fil-parti Belġjana tal-Baħar tat-Tramuntana u waħda li qed titħejja mid-Danimarka għal 5 siti ta’ Natura 2000 fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak.

2.2.4.Il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed

Fil-qasam tas-selettività, l-Istati Membri b’interessi tas-sajd fil-Baħar l-Iswed jimplimentaw il-miżuri adottati fil-livell tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-GFCM, inklużi l-għeluq tax-xbieki tat-tkarkir għall-protezzjoni tal-frieħ tal-ħut u l-użu tal-għażel bil-monofilament.

Fil-Mediterran, l-Istati Membri implimentaw firxa wiesgħa ta’ miżuri tekniċi nazzjonali biex jipproteġu l-ispeċijiet kummerċjali, bħal miżuri spazjali u temporali għall-protezzjoni taż-żoni riproduttivi tal-ispeċijiet ewlenin (il-merluzz, l-iskampu), il-limitazzjonijiet tat-tkarkir tal-qiegħ, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-GFCM jew f’konformità mal-ġestjoni tal-MAP tal-WestMed 15 , u regoli aktar stretti dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-irkaptu (xi Stati Membri jimplimentaw daqsijiet akbar tal-malji biex jimmiraw għall-ispeċi pelaġiċi żgħar), il-projbizzjoni taċ-ċineg tondi u taċ-ċineg tal-irfigħ u tul minimu tal-manka ta’ 3 m.

Bejn l-2022 u l-2024, l-Istati Membri bdew iwettqu provi biex jiżviluppaw irkapti aktar selettivi u effiċjenti, u dawk il-provi se jrendu r-riżultati fil-perjodu ta’ rapportar li jmiss. Dawn l-istħarriġiet jinkludu l-ittestjar ta’ konfigurazzjonijiet differenti fuq id-daqsijiet tal-malji f’irkapti demersali u xbieki statiċi, jew saħansitra, irkaptu innovattiv kompletament ġdid. Hija prevista wkoll żieda fil-kopertura tal-osservaturi u fl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-kameras REM/CCTV.

F’dak li jikkonċerna speċijiet sensittivi, il-GFCM adottat diversi rakkomandazzjonijiet rigward iċ-ċetaċji, l-elażmobranki, l-għasafar tal-baħar u l-fkieren, l-ippjanar ta’ proġetti pilota, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni reġjonali għall-monitoraġġ u għall-mitigazzjoni tal-interazzjonijiet bejn is-sajd u l-ispeċijiet vulnerabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed 16 . Dan il-pjan għandu l-għan li jiżviluppa sistemi ta’ monitoraġġ adegwati kif ukoll li jittestja miżuri ta’ mitigazzjoni għall-qbid inċidentali ta’ speċijiet vulnerabbli u attivitajiet ta’ depredazzjoni tal-megafauna tal-baħar fl-irkaptu tas-sajd.

Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-Baħar l-Iswed daħħlu fis-seħħ diversi miżuri nazzjonali biex jimminimizzaw l-impatt tas-sajd fuq id-denfil iswed, bħall-użu tal-għeżula b’monofilamenti fis-sajd għall-barbun imperjali, li għandu l-għan li jnaqqas il-qbid inċidentali taċ-ċetaċji u li ħa sentejn ta’ implimentazzjoni progressiva, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-protezzjoni tad-Dniefel Suwed tal-Baħar l-Iswed. Qed jiġu implimentati wkoll diversi MPAs fl-ilmijiet nazzjonali li fihom l-użu tal-għeżula għas-sajd għall-barbun imperjali se jiġi awtorizzat biss meta tali xbieki jkunu mgħammra bl-apparat akustiku deterrenti. Madankollu, ta’ min jinnota li l-miżuri kollha mmirati lejn dan l-objettiv għandhom jitqiegħdu f’kuntest reġjonali, b’mod partikolari l-ħidma tal-GFCM li għaddejja, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ma’ pajjiżi riparji oħra.

Biex jipproteġu speċijiet sensittivi fil-Mediterran, l-Istati Membri qed jagħmlu progress fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jipproteġu l-ispeċijiet f’riskju ogħla (bħall-garnija tal-Baleariku, inklużi miżuri ta’ ġestjoni għas-sajd u l-identifikazzjoni tas-siti Natura 2000 kif ukoll iż-ZEPAS (żoni għall-protezzjoni speċjali tal-għasafar) u issa jinsabu fil-proċess li jistabbilixxu miżuri ta’ ġestjoni għal dawn iż-żoni.

L-ikkomplementar tal-miżuri adottati mill-GFCM u mill-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri huma involuti fi proġetti ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-qbid inċidentali, it-tixrid ta’ prattiki tajba fost is-sajjieda, l-iżvilupp u t-traduzzjoni ta’ gwidi ta’ prattika tajba dwar it-tnaqqis tal-qbid inċidentali, l-ittestjar ta’ apparat li jnaffar l-għasafar (tajr u bagi), ir-riċerka dwar il-lettijiet bl-infafar użati fil-bastimenti tar-Renju Unit li jistadu għall-merluzz fi Gran Sol 17

Fir-rigward tal-kontribut għall-protezzjoni ambjentali fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, diversi Stati Membri jimplimentaw projbizzjoni fuq it-tkarkir tal-qiegħ u t-tħammil fl-MPAs u permezz taż-żoni ristretti għas-sajd (FRAs, fisheries restricted areas) tal-GFCM 10, żona ta’ aktar minn 1,75 miljun km² ta’ ħabitats tal-baħar huma protetti fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. Madwar 31 000 km² tal-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar huma protetti fil-Baħar Mediterran, ikkomplementati minn FRA waħda kbira tal-baħar fond, li tirrappreżenta madwar 60 % tat-total ta’ qiegħ il-baħar tal-Mediterran li fih l-użu ta’ gangmi rmunkati minn dgħajsa u ta’ xbieki tat-tkarkir fl-ilmijiet kollha b’fond ta’ aktar minn 1 000 metru huwa pprojbit biex jiġu protetti l-ħabitats tal-qiegħ tal-baħar fond. Ix-xbieki tat-tkarkir fl-ilmijiet kollha b’fond ta’ aktar minn 1 000 metru huma pprojbiti biex jiġu protetti l-ħabitats tal-qiegħ tal-baħar fond.

Għaddejja ħidma biex jiġu stabbiliti FRAs ġodda, kif ukoll biex il-limitu tal-fond tal-FRA f’ilmijiet fondi jiġi rivedut għal 800 m fil-futur, abbażi tar-riżultati ta’ proġett pilota tal-GFCM. B’mod parallel, qed isiru sforzi biex jinbnew networks koerenti u effettivi ta’ MPAs u l-GFCM nediet valutazzjoni interna bil-ħsieb li titwettaq il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (BBNJ, biodiversity of areas beyond national jurisdiction).

2.3.Kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni oħra

2.3.1.Regoli ta’ implimentazzjoni

Minbarra l-implimentazzjoni reġjonalizzata, ir-Regolament jagħti wkoll xi setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti elementi li huma rilevanti jew meħtieġa 18 biex jinżammu l-istandards ta’ selettività.

Tali regoli dettaljati qed jitħejjew u huma importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-implimentazzjoni tar-Regolament bejn l-Istati Membri, u biex jiġi żgurat kontroll koerenti u effettiv. Dawn jikkonċernaw speċifikazzjonijiet dwar l-apparati użati biex jiġu evitati l-frieħ tal-ħut fil-qabda u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ xi apparati li jintużaw biex jipprevjenu t-tkagħbir bl-użu tal-irkapti rmunkati.

L-għan huwa li jiġu stabbiliti mill-ġdid xi wħud mill-kundizzjonijiet applikati qabel li huma essenzjali għall-implimentazzjoni effiċjenti tar-Regolament. Sabiex jingħata l-aktar parir xjentifiku aġġornat, u wara diskussjonijiet tekniċi mal-Istati Membri, l-STECF ġie kkonsultat dwar uħud minn dawn l-elementi u ħareġ il-parir tiegħu f’Marzu 2024 19 .

Għaddejjin konsultazzjonijiet mal-Istati Membri bil-ħsieb li l-abbozz tar-regolament ta’ implimentazzjoni jiġi ppreżentat lill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mingħajr dewmien.

2.3.2.Sajd dirett 

Aspett importanti ieħor tal-implimentazzjoni tar-regolament huwa li jiġi definit aktar it-terminu ta’ sajd dirett għal ċerti speċijiet kif stabbilit fl-Artikoli 6(3) u 27(7) tar-Regolament: “l-isforz ta’ sajd maħsub hħsl speċi jew grupp ta’ speċijiet speċifiċi u jistgħu jiġu speċifikati b’mod ulterjuri fil-livell reġjonali f’atti delegati.”

Dan huwa rilevanti għal ħafna sajd, għalkemm mhux għas-sajd kollu. Għal xi sajd l-istandards huma ċari u ma hemm l-ebda riskju li l-prattiki ta’ implimentazzjoni jbaxxu l-istandards ta’ selettività, pereżempju, bl-użu ta’ għarbiel jew kwalunkwe apparat ta’ selettività ieħor. Meta ma jkunx hemm standards jew dispożizzjonijiet ulterjuri għas-sajd li jirregolaw l-użu tal-iżgħar daqsijiet tal-malji, ir-Regolament, fl-Artikolu 27(7) tiegħu, jitlob lill-Istati Membri li għandhom interess dirett b’rabta mal-ġestjoni fil-qasam tas-sajd ikkonċernat biex jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti, għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-15 ta’ Awwissu 2020 20 .

Ir-Regolament jistabbilixxi daqs tal-malja ta’ referenza, meqjus bħala l-aktar xieraq biex joffri l-aħjar standards ta’ selettività, u jipprovdi żewġ għażliet biex issir deroga minn dak id-daqs tal-malja ta’ referenza: L-Istati Membri jistgħu jew jiddefinixxu l-modifiki fis-selettività bl-istess standards ta’ selettività (minimi) bħal dawk previsti fil-leġiżlazzjoni attwali u vvalutati mill-STECF, jew, għal ċertu sajd u sal-punt li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet u l-kompożizzjonijiet tal-qbid tar-Regolament, jiddefinixxu d-daqsijiet speċifiċi għall-malji (normalment tagħmir ta’ selettività).

Il-gruppi reġjonali tal-Istati Membri ilhom jaħdmu fuq dan is-suġġett u l-Kummissjoni kkonsultat lill-STECF diversi drabi biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu progress u wara l-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet konġunti minn erba’ mill-gruppi reġjonali tal-Istati Membri. Madankollu, sal-lum, ma hemm l-ebda miżura kkonfermata mix-xjenza u adottata bħala leġiżlazzjoni.

Aspett ieħor li jista’ jkollu impatt fuq il-kisba ġenerali tal-objettivi jikkonċerna l-fatt li kważi ma hemm l-ebda reġim ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ għal kwalunkwe daqs speċifiku għall-malji fi kwalunkwe reġjun. Fin-nuqqas tar-reġimi ta’ awtorizzazzjoni biex jirregolaw l-użu ta’ daqsijiet speċifiċi għall-malji, il-bastimenti tas-sajd kollha huma awtorizzati awtomatikament li jużaw kwalunkwe daqs speċifiku għall-malji fi kwalunkwe ħin.

Jista’ jkun hemm konsegwenzi ta’ konservazzjoni sinifikanti ta’ dawn is-suġġetti u għalhekk il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex imexxu dawn il-kwistjonijiet ’il quddiem fil-kuntest tal-gruppi reġjonali tagħhom u, għas-suġġett tal-awtorizzazzjonijiet, fil-livell nazzjonali.

3.L-innovazzjoni u r-riċerka xjentifika

L-isfidi attwali li jaffettwaw l-ekosistemi tal-baħar tagħna ma jistgħux jiġu indirizzati bl-irkapti tradizzjonali biss. F’dan ir-rigward, l-innovazzjoni hija kruċjali u r-Regolament jipprovdi bażi solida biex tiġi xprunata din il-bidla, peress li jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu derogi għall-ittestjar ta’ teknoloġija ġdida u, sussegwentement, jiżviluppaw il-miżuri applikabbli taħt ir-reġjonalizzazzjoni.

L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-operaturi kollha li jiżviluppaw l-attività tagħhom fl-ambjent tal-baħar huma kruċjali u essenzjali biex jinkisbu r-riżultati. Il-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fil-konsultazzjoni (mill-Istati Membri għall-Kunsilli Konsultattivi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet oħra) enfasizzaw l-impenn tagħhom li jipparteċipaw fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Proġetti bħal CIBBRiNA (immirat biex jimminimizza l-impatt fuq speċijiet sensittivi), Marine Beacon 21 (li l-objettiv tiegħu huwa li jiżviluppa u jittestja għodod u tekniki innovattivi għal monitoraġġ aħjar ta’ speċijiet importanti u l-mitigazzjoni tar-riskji tal-qbid inċidentali), u DecarbonyT 22 (li jivvaluta l-użu ta’ rkaptu tat-tkarkir ottimizzat fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed biex iwassal għal konsum ta’ fjuwil aktar baxx) huma eżempji tajbin ta’ proġetti pan-Ewropej li jiġbru flimkien l-istituzzjonijiet xjentifiċi, l-organizzazzjonijiet tas-sajd u l-partijiet ikkonċernati.

Dawn il-proġetti se juru kif jistgħu jittejbu t-tekniki tas-sajd attwali (minn modifiki tal-irkaptu għal miżuri temporali spazjali) sabiex jiġi minimizzat l-impatt tal-attività tas-sajd fuq l-ambjent. Ir-riżultati tal-proġetti se jidhru matul il-perjodu ta’ rapportar li jmiss.

3.1.Il-ħidma tal-STECF

Mill-adozzjoni tar-Regolament, l-STECF, permezz ta’ Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti ddedikat, jiltaqa’ kull sena biex jiddiskuti, jivvaluta u jagħti pariri dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi bħala mezz biex tinbena l-bażi xjentifika għal implimentazzjoni msaħħa.

Bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet mill-STECF, il-ħidma f’dan il-qasam kompliet tagħmel progress dwar l-indikaturi tas-selettività (ara l-Kapitolu 2.1), filwaqt li esplorat id-diskrepanza bejn is-selettività attwali u dik ottimali li tipprovdi l-ogħla rendiment sostenibbli possibbli. Fl-2021 23 , l-STECF ivvaluta s-selettività fl-età tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet rilevanti 24 u qabbilha ma’ dik ottimali (jiġifieri, dik li tipproduċi l-ogħla rendimenti fit-tul). Fl-2022 25 l-STECF iffoka fuq l-evalwazzjoni tas-selettività fit-tul tal-popolazzjoni ta’ dawk l-ispeċijiet, sabiex ikun jista’ jorbotha mas-selettività tal-irkaptu tas-sajd proprja bbażata fuq id-daqs u joffri soluzzjonijiet ta’ ottimizzazzjoni.

L-STECF issa qed jaħdem fuq dawn is-soluzzjonijiet ta’ ottimizzazzjoni, peress li huwa meħtieġ li jitfassal liema bidliet ikunu meħtieġa (u fattibbli) biex jintlaħqu dawn l-ogħla rendimenti. L-approċċ li għandu jiġi segwit għas-snin li ġejjin jeħtieġ li jidentifika l-passi meħtieġa għall-operazzjonalizzazzjoni ta’ valutazzjoni bijoekonomika dwar il-bidliet fit-tekniki/xejriet tas-sajd li huma fattibbli u x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi (il-bidliet soċjoekonomiċi fil-qabdiet, il-valur tal-qbid u l-ambjent).

3.2.Il-parir tal-ICES dwar l-irkapti innovattivi    

Fuq talba tal-Kummissjoni, fl-2023, l-ICES aġġorna l-katalgu tiegħu dwar l-irkapti innovattivi għall-2020 26 , ipprovda valutazzjoni tal-livell ta’ użu ta’ rkapti innovattivi mill-industrija tal-UE (għal kull baċir tal-baħar, u għal kull tip ta’ sajd). Għal dawk l-innovazzjonijiet mhux implimentati, huma identifikaw il-fatturi ewlenin li ma ppermettewx l-użu tagħhom, inkluża l-analiżi tal-kompromessi soċjoekonomiċi u pproponew modi biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom. Dan il-parir 27 jipprovdi konklużjonijiet rilevanti ħafna, speċjalment f’dak li jikkonċerna l-adozzjoni mill-industrija. Pereżempju, f’terz tat-teknoloġiji innovattivi ppreżentati, l-irkaptu jeħtieġ investiment baxx u jwassal għal redditu pożittiv fuq l-investiment, li jfisser li huwa ekonomikament vijabbli.

Biex jevalwa l-ostakli u l-opportunitajiet biex l-irkaptu innovattiv jintuża b’mod sistematiku, l-ICES uża l-qafas PESTEL 28 , li jħares lejn:

•Fatturi Politiċi: il-livell ta’ appoġġ għas-sajjieda għall-politiki u l-leġittimità perċepita tagħhom, ir-regolamenti minn fuq għal isfel, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi meta l-irkapti jintużaw b’mod volontarju.

•Fatturi Ekonomiċi: il-kost tax-xiri tal-irkaptu, id-disponibbiltà tal-kapital biex jintuża għall-investiment, il-bidla fil-kostijiet operazzjonali u d-dħul, il-prijorità għall-benefiċċji fuq terminu qasir fuq il-benefiċċji fuq żmien itwal tal-użu tal-irkaptu l-ġdid, il-preżenza ta’ għotjiet jew ta’ sussidji, ir-reżiljenza finanzjarja.

•Fatturi Soċjali: in-nuqqas ta’ rieda għall-bidla, l-użu tal-irkaptu minn oħrajn, l-effettività tas-sensibilizzazzjoni dwar l-irkaptu l-ġdid, id-demotivazzjoni minħabba l-iżviluppi tal-politika, il-fehim differenti tal-problema bejn is-sajjieda u partijiet ikkonċernati oħra (eż. il-qbid skartat, l-impatti tax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ), l-involviment fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-fiduċja bejn is-sajjieda u partijiet ikkonċernati oħra (eż. dawk li jfasslu l-politika jew ix-xjenzati).

•Fatturi Teknoloġiċi: l-għarfien tekniku; irkaptu li diffiċli jintuża jew li jeħtieġ għarfien jew taħriġ speċjalizzat; l-irkaptu jieħu ż-żmien biex jiġi ssettjat u aġġustat biex jaħdem b’mod effettiv; il-firxa tal-adattabbiltà tal-irkaptu għal disinji differenti tal-bastimenti.

•Fatturi Ambjentali (Environmental): it-tnaqqis fil-fjuwil, it-tnaqqis fil-qbid inċidentali mhux mixtieq ta’ ħut, it-tnaqqis fil-qbid mhux mixtieq ta’ speċijiet tal-baħar oħrajn (il-bentos, il-mammiferi tal-baħar, it-tjur tal-baħar), impatt aktar baxx ta’ qiegħ il-baħar.

•Fatturi Legali: irkaptu li bħalisssa mhuwiex awtorizzat (eż., ittestjat b’deroga, restrizzjonijiet reġjonali), rekwiżiti biex jintlaħqu standards legali minimi tal-irkaptu u l-eżistenza ta’ infurzar xieraq.

Filwaqt li l-parir tal-ICES jagħti indikazzjonijiet importanti, huwa evidenti li l-livell attwali ta’ adozzjoni mill-industrija għad irid jiġi identifikat. Fit-tweġibiet għall-konsultazzjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati indikaw id-diffikultà li jiġu adottati teknoloġiji innovattivi. Filwaqt li jaqblu li r-reġjonalizzazzjoni hija kruċjali għal dan u ppreferuta fuq l-approċċi volontarji, huma jqisu li t-tranżizzjoni għall-użu ta’ rkapti ġodda għadha twila wisq u kkumplikata. Bħala medja, l-użu tar-reġjonalizzazzjoni jfisser sentejn biex jiġi adottat l-irkaptu, inkluż il-proċess tan-negozjati fi ħdan il-gruppi reġjonali, il-konsultazzjoni tal-STECF u l-proċess ta’ adozzjoni.

3.3.Sajd għal skopijiet xjentifiċi

L-Artikolu 25 tar-Regolament jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu derogi mir-regoli għall-fini tat-twettiq ta’ sajd xjentifiku. L-għan ta’ dan l-artikolu huwa li jinċentiva lill-operaturi biex jipparteċipaw fir-riċerka xjentifika. Filwaqt li hemm artikoli oħra 29 fir-Regolament li jistgħu jintużaw biex jiġu introdotti soluzzjonijiet innovattivi, l-Artikolu 25 huwa l-aktar użat.

Ir-riċerka hija organizzata, imwettqa u konkluża minn istituzzjoni xjentifika tal-Istati Membri. Matul l-aħħar 3 snin, kien hemm parteċipazzjoni akbar ta’ bastimenti kummerċjali fl-Istati Membri fir-riċerka xjentifika u l-Kummissjoni organizzat laqgħa teknika mal-Istati Membri fis-6 ta’ Lulju 2023 biex iżżid it-trasparenza bejn l-Istati Membri u biex tfakkarhom fl-obbligu tagħhom li jirrapportaw l-istħarriġ lill-Kummissjoni.

Il-maġġoranza tal-proġetti nnotifikati qed jinvestigaw metodi alternattivi biex jimminimizzaw il-qbid tal-friegħ tal-ħut u huma ddedikati għas-sejbien ta’ soluzzjonijiet biex jittaffa l-impatt fuq speċijiet sensittivi jew jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Filwaqt li l-Artikolu 25 jaġixxi bħala xprun pożittiv biex jinċentiva r-riċerka u l-ittestjar ta’ teknoloġija innovattiva b’deroga mir-rekwiżiti tekniċi fir-Regolament, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati nnutaw li tali possibbiltajiet huma nieqsa f’regolamenti oħra tal-PKS li f’xi każijiet jistgħu jfixklu l-possibbiltajiet u jdewmu l-introduzzjoni tal-bidliet. Huma jinnotaw, pereżempju, li mhuwiex possibbli li jiġu pprovduti derogi għar-riċerka għall-permess għall-qbid, għaż-żamma abbord, jew għall-ħatt l-art tal-ispnott taħt id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni, anke meta dan ikun mixtieq għall-programmi ta’ monitoraġġ.

Barra minn hekk, l-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi u l-partijiet ikkonċernati nnutaw il-proċess ikkumplikat li jeħtieġ li jiġi segwit mill-mument li tiġi żviluppata teknika jew teknoloġija ġdida tal-irkaptu sal-adozzjoni finali tagħha permezz tal-leġiżlazzjoni.

3.4.In-nefqa fuq l-innovazzjoni

Filwaqt li l-Artikolu 25 jippreżenta kif ir-Regolament jista’ jinċentiva l-parteċipazzjoni fir-riċerka xjentifika, l-użu tal-fondi tal-UE jipprovdi perspettiva usa’ tal-proġetti li fihom ikunu involuti bastimenti kummerċjali, li jmorru lil hinn mid-deroga dwar il-miżuri tekniċi. Pjuttost hija marbuta mal-varjetà ta’ miżuri li l-Istati Membri qed idaħħlu fis-seħħ bħala mezz biex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-PKS u r-rwol tagħha fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali.

L-ittestjar tar-riċerka u l-innovazzjoni skont ir-Regolament bħalissa huwa appoġġat finanzjarjament taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) u qabel taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS). Dawn il-fondi fihom varjetà ta’ opportunitajiet biex jipprovdu appoġġ finanzjarju biex titħeġġeġ l-innovazzjoni fis-settur tas-sajd, permezz ta’ proġetti ta’ innovazzjoni, appoġġ għas-sħubijiet bejn ix-xjenzati u s-sajjieda, billi jappoġġaw it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali, u biex jillimitaw l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar kif ukoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali (inkluż għas-siti ta’ Natura 2000).

Ir-riżultati ta’ dawn il-proġetti se jfittxu li joffru soluzzjonijiet ġodda u innovattivi dwar kif l-attività tas-sajd tista’ timminimizza l-impatt fuq l-ambjent.

Meta wieħed iħares lejn il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FEMS (bejn l-2014 u l-2020), total ta’ EUR 438 038 353 ġew impenjati għal miżuri ta’ innovazzjoni relatati mas-sajd, jiġifieri 7,87 % tal-impenji kollha tal-FEMS, bl-ishma li ġejjin:

B’mod ġenerali, taħt il-FEMS, 5 592 proġett ġew appoġġati finanzjarjament bi kważi 2 000 bastiment involuti.

Miżura (Artikolu) 

Numru ta’ operazzjonijiet 

Numru ta’ bastimenti ffinanzjati skont l-artikolu 

Impenji mill-FEMS (EUR) 

Art. 26 Innovazzjoni 

336 

130 

51 038 696 

Art. 28 Sħubijiet 

200 

128 

54 311 695 

Art. 37: Miżuri ta’ konservazzjoni u kooperazzjoni reġjonali 

373 

1 

32 563 570 

Art. 38: L-ambjent tal-baħar, il-protezzjoni tal-ispeċijiet 

1 774 

1 545 

23 865 290 

Art. 39: Innovazzjoni marbuta mal-konservazzjoni 

195 

66 

40 103 657 

Art. 40(1)(b)–(g) u (i): Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar 

2 714 

38 

236 155 446 

Total: 

5 592 

– 

438 038 353 

Biex tappoġġa t-tħejjija ta’ dan ir-rapport, FAMENET ipproduċiet ukoll skedi informattivi li juru xi eżempji ta’ innovazzjoni li qed jiġu żviluppati u li huma marbuta direttament mal-objettivi tar-Regolament 30 .

Il-programmi tal-FEMSA tal-Istati Membri l-ġodda 31 adottati għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 joffru bosta opportunitajiet biex jappoġġaw tipi differenti ta’ azzjonijiet immirati lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni u jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għalhekk tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward.

Filwaqt li jikkomplementaw il-miżuri speċifiċi għas-sajd, l-Istati Membri ħarsu wkoll lejn opportunitajiet ta’ finanzjament oħra. Il-programm qafas għar-riċerka Orizzont Ewropa (bejn l-2021 u l-2027) jappoġġa l-azzjonijiet ta’ riċerka u l-innovazzjoni għas-sajd sostenibbli u l-akkwakultura. Dan jinkludi pereżempju t-tranżizzjoni diġitali li tappoġġa l-ispezzjoni u l-kontroll tas-sajd, bl-għan li tnaqqas l-impatt ambjentali tal-irkapti tas-sajd, timminimizza l-impatt klimatiku fuq is-sajd u tifhem u tnaqqas il-qbid inċidentali ta’ speċijiet protetti.

L-Orizzont 2020 preċedenti, il-programm ta’ finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE mill-2014 sal-2020, ikkontribwixxa għat-titjib tas-sajd sostenibbli. Fil-fatt, l- evalwazzjoni finali ta’ Orizzont 2020 , adottata fid-29 ta’ Jannar 2024, issemmi li l-fond għamel kontribuzzjonijiet sinifikanti għal impatti soċjetali f’bosta oqsma, u wera l-influwenza u l-effettività wiesgħa tiegħu, fosthom is-sajd sostenibbli billi tejjeb il-metodi tas-sajd u naqqas il-qbid skartat li kkontribwixxa għal prattiki tas-sajd aktar sostenibbli, filwaqt li bbilanċja l-interessi ekonomiċi mal-konservazzjoni ambjentali.

Fl-aħħar nett, il-Missjoni tal-UE “Nirrestawraw l-Oċean u l-Ilmijiet Tagħna sal-2030” 32  qed tappoġġa l-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni pereżempju fir-rigward ta’ rkapti tas-sajd intelliġenti u b’impatt ambjentali baxx, flotot tas-sajd fuq skala żgħira effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-programm ta’ ħidma tal-Missjoni għall-2024, li se jiġi adottat dalwaqt, ser ikompli jappoġġa attivitajiet ta’ dimostrazzjoni in situ għar-rikonċiljazzjoni tas-sajd u tal-protezzjoni tal-baħar.

4.Konklużjonijiet 

Fil-proċess tal-kisba tal-objettivi tar-Regolament, l-Istati Membri enfasizzaw li qed jadottaw miżuri nazzjonali u s-settur indika li l-miżuri volontarji qed jintużaw dejjem aktar, xi partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa għal ambizzjoni kontinwa.

Il-progress fil-kisba tal-objettivi tar-Regolament ma jiddependix (u ma għandux) jiddependi biss fuq l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. L-għarfien akbar u mifrux, l-impenn u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u tal-inizjattivi volontarji jibqgħu essenzjali u jaġixxu bħala komplement għall-adozzjoni ta’ regoli komuni permezz tar-reġjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-attività tas-sajd li qed tinbidel u ta’ sfida jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod dinamiku u għalhekk id-diskussjonijiet kontinwi u l-konsiderazzjoni tal-aktar miżuri xierqa huma indispensabbli.

L-innovazzjoni hija kruċjali, mhux biss biex ikun hemm konformità mal-għanijiet tar-Regolament, iżda wkoll għal settur tas-sajd tal-UE reżiljenti u kompetittiv li jipprovdi lill-konsumaturi Ewropej bi prodotti tal-frott tal-baħar tal-ogħla kwalità.

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati qed jinvestu fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament. Filwaqt li għad iridu jidhru riżultati aktar notevoli fil-perjodu li jmiss, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom ikomplu jaħdmu flimkien biex isibu l-aktar modi effettivi ’l quddiem biex jimplimentaw u jkomplu jappoġġaw ir-riċerka dwar l-irkaptu u l-innovazzjoni kif ukoll id-distribuzzjoni u l-użu proprju tagħhom fuq l-art.



APPENDIĊI I: SOMMARJU TAL-KONSULTAZZJONI

 

1. Strateġija ta’ konsultazzjoni.

 

L-objettiv tal-konsultazzjoni kien li tinġabar l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-implimentazzjoni tar-Regolament UE 2019/1241 f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 31(1). Biex jiġi żgurat feedback sħiħ, il-konsultazzjoni tal-Istati Membri u tal-Kunsilli Konsultattivi ġiet ikkomplementata minn konsultazzjoni mmirata online. 

2. Metodoloġija u għodod għall-ipproċessar tad-data.

Il-metodoloġija użata kienet differenti skont it-tipoloġija tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati.  

L-Istati Membri huma l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni u mill-infurzar tar-Regolament. Għalhekk, intbagħat kwestjonarju ddedikat 33 .  

Bl-istess mod, meta jitqies ir-rwol speċifiku tal-Kunsilli Konsultattivi fil-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni u bħala korpi rappreżentattivi ewlenin taħt il-PKS, intbagħat kwestjonarju speċifiku 34 .  

Il-konsultazzjoni online saret bl-użu tal-pjattaforma “EUSurvey” 35 . F’dan il-każ, il-pubbliċità saret permezz tas-sit web tad-DGMARE, il-bullettin u n-networks soċjali tad-DGMARE, bħal Twitter.  

Għat-3 każijiet, il-konsultazzjoni tnediet fit-2 ta’ Ottubru 2023, u t-tul ta’ żmien kien sal-24 ta’ Novembru 2023.  

Fit-3 każijiet kollha, ġiet ipprovduta l-possibbiltà li tiġi inkluża dokumentazzjoni ta’ sostenn.  

3. Riżultati  

Waslu tweġibiet minn 18-il Stat Membru, minn 5 Kunsilli Konsultattivi u minn 10 organizzazzjonijiet oħra (permezz ta’ konsultazzjoni online).  

Meta wieħed iqis l-iskop tar-rapport, it-tweġibiet li waslu ġew miġbura fil-qosor u, sa fejn possibbli, is-suġġetti sostantivi tiegħu ġew inklużi fir-rapport innifsu. Minħabba li ma kienx indikat b’mod speċifiku fl-ittri mibgħuta kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kunsilli Konsultattivi, it-tweġibiet individwali ma għandhomx jintwerew.  

It-tweġibiet mill-Istati Membri u mill-Kunsilli Konsultattivi huma ppreżentati bir-referenza speċifika għal “SM”/“AC”. Meta l-kummenti jiġu mill-konsultazzjoni online mmirata, dawn jissejħu “partijiet ikkonċernati”.  

(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(2) Ir-rapport: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52021DC0583 u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tiegħu: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=SWD:2021:268:FIN  
(3)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023DC0520  
(4) Ara COM(2024)235final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2025.
(5)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A52020DC0380  
(6)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023DC0102  
(7)   https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/policy/common-fisheries-policy-cfp_en?prefLang=mt  
(8) L-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/1241
(9)   https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC137030  
(10) Għal ħarsa ġenerali lejn il-valuri ta’ limitu jekk jogħġbok ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-valuri ta’ limitu stabbiliti skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/848 (COM(2024) 2078).
(11)   https://www.cetambicion-project.eu  
(12) Iffinanzjat taħt il-programm LIFE: https://webgate.ec.europa.eu/life/publicWebsite/project/LIFE22-NAT-NL-LIFE-CIBBRiNA-101114301/coordinated-development-and%E2%80%AFimplementation-of%E2%80%AFbest-practice-in%E2%80%AFbycatch%E2%80%AFreduction%E2%80%AFin-the%E2%80%AFnorth-atlantic-baltic-and-mediterranean-regions  
(13) Ir-Regolament Delegat (UE) 2024/1060, dwar il-miżuri tekniċi għall-ħalibatt tal-Atlantiku.
(14) Il-laqgħa plenarja tal-STECF 24–01
(15) Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014
(16) Ir-Riżoluzzjoni GFCM/46/2023/4
(17) Il-proġett MedBycatch.
(18) L-Artikoli 8(5) u 24(1) tar-Regolament
(19) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) 75 ir-Rapport Plenarju (STECF-PLEN-24-01)
(20) L-Artikolu 27 tar-Regolament
(21)   https://marinebeacon.eu/  
(22)   https://decarbonyt.eu/  
(23) STECF-21-07
(24) Speċijiet elenkati fl-Anness XIV tar-Regolament
(25) STECF 22-19
(26)   https://www.ices.dk/news-and-events/news-archive/news/Pages/InnovativeFishingGear.aspx  
(27)   https://www.ices.dk/news-and-events/news-archive/news/Pages/InnovativeGear.aspx  
(28) (Fatturi) Politiċi, Ekonomiċi, Soċjali, Teknoloġiċi, Ambjentali u Legali.
(29) L-Artikolu 20, irkaptu għas-sajd innovattiv, l-Artikolu 23, proġetti pilota dwar id-dokumentazzjoni sħiħa tal-qabdiet u tal-qbid skartat.
(30)   Fisheries innovations under the European Maritime and Fisheries Fund 2014-2020 - European Commission (europa.eu)  
(31)   Il-Programmi tal-FEMSA 2021–2027 — Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(32)   Portal tas-Servizz tal-Missjoni għall-Oċean u l-Ilmijiet | Riċerka u Innovazzjoni (europa.eu)
(33) Ittra mibgħuta lill-Istati Membri fit-2 ta’ Ottubru 2023 (ARES (2023)6664125))
(34) Ittra mibgħuta lill-Kunsilli Konsultattivi fit-2 ta’ Ottubru 2023 (ARES(2023)6664226))
(35)   https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/consultations/targeted-stakeholder-consultation-technical-measures-regulation-fisheries-2023_en?prefLang=mt