|
27.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 312/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-26 ta’ Novembru 2010
li ma taċċettax is-soluzzjoni proposta mill-Awstrija taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 rigward il-kalkolu tal-komponent ta’ użu privat ta’ kumpens fil-konfront tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT li jirriżulta mir-restrizzjoni tad-dritt ta' tnaqqis tal-VAT skont l-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8206)
(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)
(2010/719/UE, Euratom)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 10(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar Riżorsi Proprji,
Billi:
|
(1) |
Il-kumpens għall-bażi tar-riżorsi tal-VAT hu bbażat fuq l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, li jipprovdi li fejn Stat Membru jirrestrinġi jew jeskludi, fuq il-bażi tal-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (2), id-dritt li titnaqqas l-input VAT, imbagħad il-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT jista' jiġi ddeterminat daqs li kieku d-dritt tat-tnaqqis ma ġiex ristrett. Dan japplika biss fir-rigward tax-xiri ta’ prodotti petroliferi u karozzi tal-passiġġieri użati għal skopijiet ta' negozju, u ta’ nefqa li ssir fir-rigward tal-kiri, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ karozzi bħal dawn. L-Awstrija pproponiet soluzzjoni għall-kalkolu tal-komponent ta’ użu privat ta’ kumpens bħal dan għall-bażi armonizzata tar-riżorsi proprji tal-VAT. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, is-soluzzjoni proposta mill-Awstrija kienet eżaminata mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji waqt il-laqgħa tiegħu tal-26 ta' Ottubru 2010. L-eżami tal-metodoloġija żvela differenza ta' opinjoni fi ħdan il-Kumitat. Abbozz ta’ deċiżjoni li ċaħdet is-soluzzjoni ppreżentata mill-Awstrija ġiet ippreżentata lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji li ta opinjoni pożittiva fis-26 ta' Ottubru 2010. |
|
(3) |
Meta jiġi kkalkulat l-użu privat, fin-nuqqas ta’ dejta attwali, jistgħu jintużaw metodi alternattivi. Biex jiġi ggarantit li dawn il-metodi jikkontribwixxu għal uniformità fil-kalkolu tal-kumpens huma għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet ġeneralment aċċettati. |
|
(4) |
L-Awstrija tirrikjedi li l-persuni taxxabbli jamministraw dejta attwali dwar l-użu privat tal-karozzi tan-negozju. Madankollu, għal raġunijiet ta’ sempliċità amministrattiva, l-Awstrija pproponiet soluzzjoni għall-kalkolu ta’ użu privat li tinkorpora dejta statistika ġenerali flimkien ma’ ammonti ta’ deprezzament fil-valur, li mhumiex imfassla biex jiddeterminaw l-użu privat bħala tali. Peress li s-soluzzjoni proposta tirriżulta f’fattur ta' użu privat notevolment aktar baxx mill-proporzjon użat minn Stati Membri oħra, din hija f’kontradizzjoni mal-uniformità rikjesta fil-kalkolu tal-kumpens. Is-soluzzjoni proposta mill-Awstrija dwar il-kalkolu tal-proporzjon tal-użu privat ta’ karozzi akkwistati min-negozji għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-soluzzjoni proposta mill-Awstrija dwar il-kalkolu tal-proporzjon tal-użu privat ta’ karozzi akkwistati min-negozji qiegħda tiġi miċħuda.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awstrija.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Janusz LEWANDOWSKI
Membru tal-Kummissjoni