IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.7.2021
COM(2021) 414 final
2021/0234(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Iraq
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Skont l-Artikolu 25a(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni għandha tivvaluta regolarment il-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni u tirrapporta lill-Kunsill mill-inqas darba fis-sena.
Fl-10 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni adottat il-valutazzjoni tagħha, abbażi tad-data u l-informazzjoni tal-2019 ipprovduti mill-Istati Membri tal-UE u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u bagħtet ir-rapport lill-Kunsill.
Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, u filwaqt li jitqiesu r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-pajjiż terz partikolari ma jikkooperax biżżejjed u li għalhekk hija meħtieġa azzjoni. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li r-riammissjoni ta’ ċittadini proprji hija obbligu skont id-dritt internazzjonali.
F’każ li l-kooperazzjoni tkun insuffiċjenti, il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 25a(5), il-punt (a), tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward ta’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. F’kull ħin, il-Kummissjoni għandha tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat.
·Il-każ tal-Iraq
Il-Kummissjoni nnotat fir-rapport imsemmi hawn fuq li l-proċessi ta’ identifikazzjoni jagħtu riżultati mhux sodisfaċenti jew l-ebda riżultati għall-Istati Membri li jirrappreżentaw aktar minn żewġ terzi tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa lil ċittadini Iraqini u rarament iwasslu għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. L-awtoritajiet Iraqini jikkooperaw biss dwar ir-ritorn volontarju u f’każijiet eċċezzjonali ħafna (ċittadini Iraqini kkundannati għal reat kriminali) dwar ir-ritorn furzat. Barra minn hekk, minkejja l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq f’Awwissu 2018, l-obbligu skont dak il-ftehim għar-riammissjoni ta’ ċittadini proprji li huma preżenti illegalment fit-territorju tal-Parti l-oħra mhuwiex rispettat. Erba’ Stati Membri għandhom arranġamenti bilaterali, li rarament jiġu rispettati jew rispettati biss għar-ritorn volontarju jew għaċ-ċittadini Iraqini kkundannati għal reat kriminali.
Mill-2017 meta ġie stabbilit, l-UE u l-Istati Membri impenjaw ruħhom mal-Iraq dwar il-migrazzjoni fil-qafas tad-Djalogu Informali dwar il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Iraq. Fl-erba’ laqgħat li saru sa issa fil-qafas ta’ dak id-Djalogu, ir-ritorn u r-riammissjoni dejjem kienu prominenti fuq l-aġenda u l-UE esprimiet b’mod konsistenti tħassib dwar il-livell mhux sodisfaċenti ta’ kooperazzjoni fl-Iraq dwar ir-riammissjoni. Fl-aħħar laqgħa ta’ Djalogu dwar il-Migrazzjoni (Frar 2021), l-Iraq ikkonferma mill-ġdid li mhux ser jikkoopera dwar ritorni mhux volontarji.
F’dan l-isfond, l-UE enfasizzat lill-awtoritajiet tal-Iraq il-livell dejjem jikber ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon fost l-Istati Membri u l-konsegwenzi possibbli ta’ nuqqas ta’ titjib fis-sitwazzjoni, inkluż f’laqgħa mal-Ambaxxata tal-Iraq fi Brussell (Mejju 2021) u permezz ta’ ittra konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Kummissarju għall-Migrazzjoni indirizzata lill-Ministri għall-Affarijiet Barranin, l-Intern u l-Migrazzjoni u l-Persuni Spostati tal-Iraq (Ġunju 2021). Kopja tal-ittra ngħatat lill-Prim Ministru Kadhemi fis-17 ta’ Ġunju 2021.
Sa issa dawn il-passi ma wasslux għal riżultati sostanzjali konkreti u kooperazzjoni sostnuta abbażi tal-indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 25a(2), inkluż l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ persuni li joqogħdu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Abbażi ta’ dan, meta jitqiesu l-passi meħuda sa issa mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni, u b’kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali tal-UE mal-Iraq, huwa kkunsidrat li l-kooperazzjoni tal-Iraq mal-UE dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u li hija meħtieġa azzjoni.
·Ir-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Iraq
Ir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Iraq huma ggwidati mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li daħal fis-seħħ fl-2018. L-istrateġija tal-UE għall-Iraq (2018) tafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għal sħubija b’saħħitha bejn l-UE u l-Iraq, u għal appoġġ tal-awtoritajiet Iraqin fil-fażi ta’ rikostruzzjoni u fl-indirizzar tal-fatturi politiċi, soċjali u ekonomiċi sottostanti tal-instabbiltà fil-pajjiż. L-UE hija sieħba ekonomika u ta’ sigurtà importanti għall-Iraq. Il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni hija komprensiva, u tiffoka b’mod partikolari fuq il-governanza tal-migrazzjoni inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-iżvilupp, il-migrazzjoni irregolari u r-ritorn. Dawn il-kwistjonijiet huma diskussi fid-Djalogu Informali dwar il-Migrazzjoni msemmi hawn fuq u l-aħħar laqgħa fil-qafas ta’ dak id-Djalogu saret fi Frar 2021.
F’diskussjonijiet ta’ livell għoli bejn l-UE u l-Iraq f’Ġunju 2021, in-naħa Iraqina esprimiet ir-rieda tagħha li timpenja ruħha mal-Istati Membri affettwati dwar ir-ritorn u r-riammissjoni inkluż ir-ritorni volontarji. Il-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi bħala l-ewwel pass.
·Il-miżuri tal-viża
Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward ta’ ċittadini tal-Iraq. Is-sospensjoni, madankollu, ma tapplikax għall-membri tal-familja ta’ ċittadini (mobbli) tal-UE koperti mid-Direttiva 2004/38/KE u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda u l-pajjiżi terzi kkonċernati min-naħa l-oħra.
Il-kontenut tal-miżuri tal-viża
In-nuqqas tal-Iraq li tikkoopera dwar ir-riammissjoni jiġġustifika l-attivazzjoni tal-miżuri kollha stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 25a(5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għal viża msemmija fl-Artikolu 14(6), is-sospensjoni tal-perjodu ġenerali ta’ proċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) (li bħala konsegwenza jeskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola dwar l-estensjoni ta’ dan il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum f’każijiet individwali), is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu (MEVs, multiple entry visas) f’konformità mal-Artikolu 24(2) u (2c) u s-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz skont il-punt (b) tal-Artikolu 16(5).
Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri tal-viża
Il-Kodiċi dwar il-Viżi jistipula li l-miżuri tal-viża għandhom japplikaw b’mod temporanju iżda ma hemm l-ebda obbligu li jiġi indikat perjodu speċifiku ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 25a(6) il-Kummissjoni għandha kontinwament tivvaluta l-progress fil-kooperazzjoni għar-riammissjoni abbażi tal-indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 25a(2), inkluż l-identifikazzjoni f’waqtha ta’ persuni li joqogħdu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta jekk jistax jiġi stabbilit titjib sostanzjali u sostnut fil-kooperazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar ir-riammissjoni u, b’kont meħud ukoll tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni ma’ dak il-pajjiż terz, tista’ tippreżenta proposta lill-Kunsill biex titħassar jew tiġi emendata d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Jekk, b’kuntrast ma’ dan, il-miżuri tal-viża skont id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni wrew li huma ineffettivi, jenħtieġ li jitqies li jiskatta t-tieni stadju tal-mekkaniżmu (previst fl-Artikolu 25a(5), il-punt (b)).
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 25a(7), il-Kummissjoni għandha - mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni - tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fil-kooperazzjoni tal-pajjiż terz partikolari dwar ir-riammissjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti mas-sett ta’ regoli armonizzati tal-politika komuni dwar il-viżi li jirregolaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal soġġorni previsti fit-territorju tal-Istati Membri li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
L-UE tippromwovi approċċ komprensiv dwar il-migrazzjoni u ċ-ċaqliq sfurzat, ibbażat fuq valuri u responsabbiltajiet kondiviżi. Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Asil jipprevedi l-iżvilupp u l-approfondiment ta’ sħubiji komprensivi u bbilanċjati mfassla apposta biex titrawwem il-kooperazzjoni dwar l-aspetti rilevanti kollha:
–L-għoti ta’ protezzjoni lil dawk li jeħtieġu protezzjoni u appoġġ lill-pajjiżi u l-komunitajiet ospitanti;
–Il-bini ta’ opportunità ekonomika u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u ċ-ċaqliq sfurzat;
–Appoġġ lis-sħab għat-tisħiħ tal-governanza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni;
–It-trawwim tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni;
–L-iżvilupp ta’ perkorsi legali lejn l-Ewropa.
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu illegalment hija element importanti ta’ din il-politika. Biex tirrinforza sħubijiet komprensivi bħal dawn u tiżgura kooperazzjoni sħiħa minn pajjiżi terzi, l-UE teħtieġ li timmobilizza l-għodod kollha disponibbli, inklużi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ jew il-viża.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), l-Artikolu 25a(5), il-punt (a).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
mhux applikabbli
•Proporzjonalità
Il-miżuri proposti li l-għan tagħhom huwa li jistimulaw l-Iraq biex itejjeb il-kooperazzjoni tiegħu dwar ir-riammissjoni ta’ migranti irregolari huma proporzjonati mal-objettiv segwit. Dawn il-miżuri ma jaffettwawx il-possibbiltà li l-applikant japplika għal viżi u jingħatawlhom, bħala tali, iżda jkopru ċerti aspetti tal-proċedura għall-ħruġ tal-viża jew il-livell tat-tariffa tal-viża.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-miżuri proposti ma jaffettwawx il-possibbiltà li wieħed japplika għal viżi u jingħataw viżi u jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-applikanti, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja tal-familja.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
mhux applikabbli
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
2021/0234 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Iraq
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(5), il-punt (a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2018, itenni l-obbligu abitwali għaż-żewġ Partijiet li jaċċettaw mill-ġdid iċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu preżenti illegalment fit-territorju tal-Parti l-oħra (l-Art. 105 3.). L-Iraq ma josservax dan l-obbligu, kif tixhed il-pożizzjoni ddikjarata tiegħu li ma jikkooperax fuq ir-ritorn mhux volontarju. L-Istati Membri jiffaċċjaw ukoll kooperazzjoni fqira min-naħa tal-Iraq fl-aspetti kollha tal-proċess ta’ ritorn.
(2)Il-Kummissjoni ripetutament appellat lill-Iraq biex itejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu illegalment u biex jagħti implimentazzjoni sħiħa lid-dispożizzjonijiet dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini proprji tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq, b’mod partikolari fil-qafas tad-Djalogu Informali dwar il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Iraq (stabbilit fl-2017), kif ukoll fi skambji bil-fomm u bil-miktub mar-rappreżentanti tal-gvern tal-Iraq, filwaqt li jesprimi speċifikament tħassib dejjem akbar f’dan ir-rigward u jagħti pariri dwar il-konsegwenzi possibbli tan-nuqqas ta’ titjib fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni.
(3)B’kont meħud tal-passi li ttieħdu sa issa mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Iraq, huwa meqjus li l-kooperazzjoni tal-Iraq mal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni mhijiex biżżejjed u li għalhekk jenħtieġ li tittieħed azzjoni.
(4)Jenħtieġ għaldaqstant li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tiġi sospiża temporanjament għaċ-ċittadini tal-Iraq. Din hija meqjusa bħala l-aktar azzjoni effiċjenti li għandha tittieħed bil-ħsieb li l-awtoritajiet tal-Iraq jiġu stimulati jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex itejbu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni. Is-sospensjoni temporanja ma tapplikax għal ċittadini tal-Iraq li japplikaw għal viża u huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u pajjiż terz min-naħa l-oħra.
(5)Il-miżuri temporanjament sospiżi huma stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 25a(5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi: is-sospensjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għal viża msemmija fl-Artikolu 14(6), is-sospensjoni tal-perjodu ġenerali ta’ proċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) (li bħala konsegwenza jeskludi wkoll l-applikazzjoni tar-regola dwar l-estensjoni ta’ dan il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum f’każijiet individwali), is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu (MEVs, multiple entry visas) f’konformità mal-Artikolu 24(2) u (2c) u s-sospensjoni tal-eżenzjoni mit-tariffa tal-viża fakultattiva għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz skont il-punt (b) tal-Artikolu 16(5).
(6)L-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-pajjiżi tal-Istati Membri, bla preġudizzju għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dawn jitwettqu. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tagħti effett lil dawk il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, li testendi d-dritt tal-moviment liberu għall-membri tal-familja indipendenti min-nazzjonalità tagħhom meta jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni jew meta jakkumpanjawh. Din id-Deċiżjoni għalhekk ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u pajjiż terz min-naħa l-oħra.
(7)Peress li d-Danimarka ddeċidiet li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen fil-liġi nazzjonali tagħha, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka hija marbuta skont id-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.
(8)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(9)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(10)Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2008/146/KE.
(11)Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE.
(12)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 rispettivament.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ambitu
1.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal ċittadini tal-Iraq, li huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2.Ma għandhiex tapplika għal ċittadini tal-Iraq li huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament.
3.Din id-deċiżjoni ma tapplikax għal ċittadini tal-Iraq li japplikaw għal viża u huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalih tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u pajjiż terz min-naħa l-oħra.
Artikolu 2
Sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009
L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 għandha tiġi sospiża temporanjament:
(a)l-Artikolu 14(6);
(b)l-Artikolu 16(5), il-punt (b);
(c)l-Artikolu 23(1);
(d)l-Artikolu 24(2) u (2c).
Artikolu 3
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President