|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/638 |
10.2.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Jannar 2025
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Kroazja
(C/2025/638)
Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
|
(1) |
Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli. |
|
(2) |
Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan huwa li jiġi spjegat kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(3) |
Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(4) |
Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali. |
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAL-KROAZJA
|
(5) |
Fl-14 ta' Novembru 2024, il-Kroazja ppreżentat il-pjan fiskali strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni. Ir-raġuni għad-dewmien fis-sottomissjoni kienet li jiġi żgurat li l-MTFSP u l-APB ikunu komplementari u konsistenti mal-Baġit Nazzjonali 2025–2027 li kien skedat li jiġi adottat fl-14 ta' Novembru 2024, bl-użu sħiħ tad-data rilaxxata bir-reviżjoni statistika tal-parametru referenzjarju. Fil-21 ta' Novembru 2024, il-Kroazja ppreżentat addendum biex tirrevedi l-perkors tat-tkabbir fin-nefqa netta tal-pjan biex jiġi applikat approċċ konservattiv fl-ippjanar tal-politika fiskali (tan-nefqa) matul il-perjodu ta' aġġustament, u biex jiġi żgurat li d-dejn tal-gvern estiż ipprojettat jibqa' f'livelli prudenti b'mod plawżibbli. |
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
|
(6) |
Qabel is-sottomissjoni tal-pjan tagħha, il-Kroazja talbet informazzjoni teknika (5), li l-Kummissjoni pprovdiet fil-21 ta' Ġunju 2024, u ppubblikat fl-14 ta' Novembru (6). L-informazzjoni teknika tindika l-livell tal-bilanċ primarju strutturali fl-2028 li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jibqa' taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju, fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. L-informazzjoni teknika tħejjiet u ntbagħtet lill-Istat Membru permezz ta' żewġ xenarji: xenarju li jinkludi l-konsistenza mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit (7), f'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/126, u xenarju mingħajr din is-salvagwardja. L-informazzjoni teknika għall-Kroazja tistabbilixxi li, sabiex tikkonforma mar-regoli fiskali applikabbli fuq perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, u abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028; xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit), skont it-tabella li ġejja. Għall-informazzjoni, meta titqies ukoll is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, il-bilanċ primarju strutturali għandu jammonta għal mill-inqas -0,4 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Madankollu, is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit mhijiex rekwiżit għall-Kroazja, li hija eliġibbli għal informazzjoni teknika. Tabella 1: Informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni lill-Kroazja
|
||||||||
|
(7) |
F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kroazja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Settembru sa Novembru 2024. Id-djalogu tekniku evalwa l-informazzjoni teknika pprovduta mill-Kummissjoni, u ffoka fuq id-diskussjoni tar-riforma tat-taxxa li ser tidħol fis-seħħ fl-2025 u t-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża. |
|
(8) |
F'Novembru 2024, skont l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 36(1)(c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kroazja kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati oħra. Il-pjan fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju ġie diskuss fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, li jinkludi t-trade unions, l-assoċjazzjoni tal-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-Gvern. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni għall-Politika Fiskali tat opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Il-Kummissjoni għall-Politika Fiskali kkonkludiet li d-daqsijiet ipprojettati tar-rati ta' tkabbir tal-PDG reali, id-deflatur impliċitu tal-PDG u l-indiċi tal-prezzijiet nazzjonali huma adegwati u li l-projezzjonijiet makroekonomiċi huma ġeneralment l-istess jew kemxejn aktar pożittivi mill-projezzjonijiet disponibbli bħalissa tal-istituzzjonijiet rilevanti l-oħra. Il-Kummissjoni għall-Politika Fiskali approvat il-projezzjonijiet makroekonomiċi għall-perjodu sal-2028 imħejjija mill-Ministeru għall-Finanzi u indikat li l-projezzjonijiet huma f'firxa aċċettabbli u jipprovdu bażi tajba għat-tfassil tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju. |
Proċessi relatati oħra
|
(10) |
Fl-14 ta' Novembru 2024, il-Kroazja ppreżentat l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru (8). |
|
(11) |
Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Kroazja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, country-specific recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (9). |
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI
|
(12) |
F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej: |
Il-kuntest: Sitwazzjoni u prospetti makroekonomiċi u fiskali
|
(13) |
L-attività ekonomika fil-Kroazja kibret bi 3,3 % fl-2023, xprunata mill-komponenti kollha tal-PDG ħlief għall-inventarji, bl-akbar kontribuzzjonijiet pożittivi ġejjin mill-investiment u mill-konsum tal-unitajiet domestiċi. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, l-ekonomija hija mistennija li tikber bi 3,6 % fl-2024, bis-saħħa ta' espansjoni tad-domanda domestika, primarjament il-konsum u l-investiment tal-unitajiet domestiċi, u b'kontribuzzjoni negattiva mill-esportazzjonijiet netti. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 3,3 %, hekk kif it-tkabbir fid-domanda domestika jonqos. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied bi 2,9 %, hekk kif id-domanda domestika tkompli tonqos, u l-kontribut tal-esportazzjonijiet netti jsir newtrali. Matul il-perjodu ta' tbassir, it-tkabbir tal-PDG potenzjali fil-Kroazja huwa mistenni li jikber b'4,2 % fl-2024, bi 3,6 % fl-2025 u bi 3,3 % fl-2026, xprunat mill-akkumulazzjoni tal-kapital, il-produttività totali tal-fatturi u l-kontribuzzjoni tax-xogħol, b'dawn tal-aħħar jonqsu b'mod viżibbli lejn l-2026, fost tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u minkejja rati ogħla ta' parteċipazzjoni fix-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 6,1 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 5,1 % fl-2024, għal 4,7 % fl-2025 u għal 4,6 % fl-2026. Fl-2024, l-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 11,7 % fl-2023 għal 6,6 % fl-2024, u li tilħaq 3,2 % fl-2025 u 2,1 % fl-2026. |
|
(14) |
Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Kroazja ammonta għal 0,9 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 2,1 % tal-PDG fl-2024 u li jibqa' f'livell ta' 2,1 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, li jonqos għal 1,9 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea s'issa ma jinkludix l-abbozz tal-baġit tal-Kroazja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Novembru. Madankollu, it-tbassir tal-Kummissjoni jinkludi l-Qafas Baġitarju għall-perjodu 2025–2027 li ġie adottat mill-gvern fil-31 ta' Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 61,8 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni jonqos għal 57,3 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Dan huwa pprojettat li jonqos għal 56,0 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u l-proporzjon huwa mistenni li jibqa' f'livell ta' 56,0 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed. |
Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
|
(15) |
Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Kroazja jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin. |
|
(16) |
Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
|
(17) |
Il-pjan, kif ikkumplimentat bl-addendum, jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju tan-nefqa netta ta' 4,8 % matul is-snin sal-2028. L-informazzjoni teknika (jekk wieħed jassumi perkors ta' aġġustament lineari) hija konsistenti ma' tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 4,0 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028). Il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan huwa rrapportat li jwassal għal bilanċ primarju strutturali ta' -0,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028) (10). Dan huwa ogħla mil-livell minimu tal-bilanċ primarju strutturali ta' -0,4 % tal-PDG fl-2028 ipprovdut mill-Kummissjoni fl-informazzjoni teknika fil-21 ta' Ġunju 2024 (11). Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos għal 2,5 % fl-2028 (minn 4,5 % fl-2024). Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos għal 2,2 % fl-2028 (minn 6,7 % fl-2024). Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Kroazja
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
|
(18) |
Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 57,3 % tal-PDG fl-2024 għal 53,1 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament fl-2028, skont it-tabella li ġejja. Fuq terminu medju, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għal-livell tal-PDG huwa mistenni jonqos gradwalment sakemm jilħaq 49 % fl-2038. Filwaqt li dawn iċ-ċifri ma jirriflettux l-addendum ippreżentat fl-21 ta' Novembru, l-approċċ konservattiv tiegħu għall-perkors tan-nefqa netta jiżgura li d-dejn ipprojettat tal-gvern estiż jibqa' skont kriterji plawżibbli f'livelli prudenti. Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Kroazja
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbiliti fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
||||||||||||||||||||||||||||||||
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
|
(19) |
Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jiżdied minn 2,1 % tal-PDG fl-2024 għal 2,3 % fl-2025 u mbagħad jonqos gradwalment għal 1,5 % fl-2028. Filwaqt li dawn iċ-ċifri ma jirriflettux l-addendum ippreżentat fl-21 ta' Novembru 2024, l-approċċ konservattiv tiegħu għall-perkors tan-nefqa netta jiżgura li d-defiċit ipprojettat tal-gvern estiż jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
|
(20) |
Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lill-Kroazja fil-21 ta' Ġunju. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal erba' varjabbli jiġifieri: il-pożizzjoni tal-bidu (bilanċ primarju strutturali), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, ir-rata tal-imgħax nominali impliċita. Valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak implikat mill-informazzjoni teknika. Valutazzjoni ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza kkunsidrata b'mod iżolat.
B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien jistgħu jwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa konsiderevolment ogħla mit-tkabbir tan-nefqa netta medja implikata mill-informazzjoni teknika. Madankollu, il-pjan tal-Kroazja, kif ikkomplementat bl-addendum, jinkludi perkors tan-nefqa netta aktar prudenti li jwassal għal tkabbir medju fin-nefqa netta li xorta jaqbeż it-tkabbir medju tan-nefqa netta implikat mill-informazzjoni teknika, iżda biss b'ammont li jista' jiġi spjegat permezz ta' differenzi fis-suppożizzjonijiet li jitqiesu bħala debitament ġustifikati. Il-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta. |
Strateġija fiskali tal-pjan
|
(21) |
Skont l-istrateġija fiskali indikattiva stabbilita fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta għandhom jitwettqu kemm permezz ta' trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta' żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Biex jintlaħqu l-miri fiskali, il-pjan isemmi li ċerti kategoriji ta' nfiq, li huma taħt il-kontroll tal-gvern, ser ikollhom tkabbir limitat (pereżempju: in-nefqa fuq il-kumpens tal-impjegati hija mistennija tonqos minn 13,0 % tal-PDG fl-2025 għal 12,6 % fl-2028). Skont il-pjan, il-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, marbuta mar-riforma tat-taxxa li ser tidħol fis-seħħ fl-2025, għandhom iġibu dħul addizzjonali li jammonta għal 0,4 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament kollu. Fl-istess ħin hemm ukoll miżuri li jżidu n-nefqa tal-gvern marbuta mal-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet (żieda fil-formula tal-indiċjar tal-pensjonijiet) u mal-implimentazzjoni ta' miżuri ġodda ta' politika soċjali bħal akkomodazzjoni affordabbli. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn riskji għas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-pjan, dewmien fil-proċess tal-akkwist pubbliku li jista' jnaqqas ir-ritmu tal-investimenti u aktar xkiel fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali. L-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (12). |
Investimenti u riformi li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
|
(22) |
Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan fih 290 miżura ta' riforma u ta' investiment ippjanati, li minnhom 209 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u 81 huma miżuri identifikati ġodda u miżuri taħt programmi oħra tal-UE, inkluża l-politika ta' koeżjoni. B'mod ġenerali, il-miżuri tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, recovery and resilience plan) tfasslu biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tas-CSRs eżistenti. Il-miżuri l-ġodda miżjuda fl-MTP jikkontribwixxu aktar għall-implimentazzjoni tas-CSRs tas-snin li għaddew u s-CSRs il-ġodda maħruġa fl-2024. |
|
(23) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi sett ta' miżuri li jappoġġaw in-newtralità tal-klima u jindirizzaw l-isfidi tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Biex jiżdiedu l-isforzi lejn il-mira tal-2030 u l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima, ser jiġi stabbilit qafas ta' ppjanar għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp b'Livell Baxx ta' Karbonju, inkluża proposta għal miri settorjali vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għas-setturi l-aktar diffiċli biex jiġu dekarbonizzati u għat-twaqqif ta' strutturi meħtieġa għall-introduzzjoni tal-Fond Soċjali għall-Klima. Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima, ser jiġi adottat Pjan ta' Azzjoni flimkien ma' indikaturi sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Adattament għall-Klima. Dawn l-azzjonijiet huma relatati mas-CSRs tal-2023 dwar l-assorbiment effettiv tal-Fondi tal-UE u s-CSR tal-2023 dwar it-tnaqqis tad-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Il-pjan fih miżuri tal-RRP li jappoġġaw it-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġudikatura u l-assi tal-istat permezz tad-diġitalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji, it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-ICT tal-istat, it-twessigħ tan-network tas-servizzi diġitali, u l-espansjoni tal-aċċess għall-broadband u għall-5G għall-unitajiet domestiċi. Ir-riformi u l-investimenti fl-infrastruttura tal-ICT u s-servizzi diġitali tal-Istat huma relatati mas-CSRs tal-2020 dwar aċċess akbar għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali, il-promozzjoni tal-akkwist tal-ħiliet, u ż-żieda fl-effiċjenza u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika li tfassal u timplimenta proġetti u politiki pubbliċi fil-livell ċentrali u lokali. Il-pjan jinkludi miżuri lil hinn mill-RRP li għandhom l-għan li jtejbu ċ-ċibersigurtà, ikomplu jiddiġitalizzaw is-servizzi pubbliċi u jsaħħu l-ġestjoni tad-data fl-amministrazzjoni pubblika. Dawn il-miżuri jikkonċernaw is-CSRs tal-2019 u l-2020 marbuta mat-titjib tal-komunikazzjoni elettronika fil-qrati, it-titjib tal-effiċjenza tal-ġudikatura u ż-żieda fl-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi riformi importanti biex tittejjeb l-attraenza tal-karrieri fir-riċerka fil-qasam tal-ICT relatati mas-CSRs tal-2019 u l-2020 dwar aċċess akbar għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali kif ukoll dwar l-iffukar tal-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-pjan jinkludi wkoll sett ta' miżuri tal-RRP fis-settur tat-trasport, li jindirizzaw, fost l-oħrajn, is-CSRs dwar iż-żieda fl-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali, it-trawwim tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fit-trasport u l-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tat-trasport sostenibbli. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri dwar l-enerġija u r-rinnovazzjoni tal-bini wara terremot, l-iżvilupp tan-network tad-data sismoloġika, l-użu ċirkolari tal-iskart tal-kostruzzjoni minn bini bl-istatus ta' ben kulturali u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' tiġdid urban ekoloġiku, l-indirizzar tas-CSRs dwar l-effiċjenza enerġetika, it-tranżizzjoni ekoloġika, it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. |
|
(24) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi riforma komprensiva tas-sistema edukattiva li għandha l-għan li twessa' l-aċċess għall-edukazzjoni u għall-kura bikrija tat-tfal u għall-edukazzjoni għolja, u ttejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni primarja u għolja, inkluż billi tintroduċi tagħlim b'xift wieħed u tħejji t-tranżizzjoni għal skola ta' ġurnata sħiħa fl-edukazzjoni primarja. Ir-riforma tas-sistema edukattiva hija relatata mas-CSR tal-2019 dwar it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol, is-CSR tal-2020 dwar il-promozzjoni tal-akkwist tal-ħiliet, is-CSR tal-2024 dwar it-tnaqqis tan-nuqqas ta' ħiliet permezz tat-tisħiħ tal-ħiliet bażiċi u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, u s-CSRs tal-2023 u tal-2024 dwar it-tkomplija tal-implimentazzjoni kostanti tal-RRP. Il-pjan jinkludi wkoll riformi importanti fis-suq tax-xogħol biex jittejjeb il-qafas legali u jiżdiedu l-impjiegi billi jittejbu l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim għall-adulti, jiġu pprovduti politiki attivi mmirati tas-suq tax-xogħol, u tissaħħaħ is-sistema ta' inklużjoni u monitoraġġ ta' gruppi vulnerabbli. Dawn ir-riformi jikkonċernaw is-CSRs tal-2019 u l-2020 dwar it-tisħiħ tal-miżuri u l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, it-titjib tal-kooperazzjoni tagħhom mas-servizzi soċjali, u t-titjib tal-adegwatezza tal-qgħad u l-benefiċċji minimi garantiti. Fil-qasam tar-reżiljenza soċjali, il-pjan jinkludi riforma tas-sistema tal-pensjonijiet biex tiżdied l-adegwatezza tal-pensjonijiet, kif ukoll riformi komprensivi tas-sistema tal-protezzjoni soċjali li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' gruppi vulnerabbli billi jintegraw il-benefiċċji soċjali u jtejbu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà ta' servizzi soċjali deistituzzjonalizzati bbażati fil-komunità, b'mod partikolari l-kura fit-tul. Dawn ir-riformi tal-assistenza soċjali huma relatati mas-CSR tal-2019 dwar il-konsolidazzjoni tal-benefiċċji soċjali u t-titjib tal-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis tal-faqar, is-CSR tal-2020 dwar it-titjib tal-adegwatezza tal-benefiċċji tal-qgħad u l-benefiċċji minimi garantiti, u s-CSR tal-2024 dwar it-tnaqqis tan-nuqqas ta' ħaddiema u tal-ħiliet billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kura formali fit-tul fid-dar u fil-komunità. Il-pjan fih ukoll diversi miżuri li jipproteġu lit-tfal f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fil-qafas tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri biex ikomplu jittejbu l-prestazzjoni u l-kompetittività tar-riċerka pubblika, l-iżvilupp u l-innovazzjoni billi titnaqqas il-frammentazzjoni tal-istituti pubbliċi tar-riċerka u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u jiġu pprovduti għotjiet għal proġetti ta' riċerka taħt qafas ta' programm ġdid, f'konformità mas-CSRs tal-2019 dwar l-iffukar tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, u dwar it-titjib tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali biex ifasslu proġetti u politiki pubbliċi, mas-CSR tal-2020 dwar iż-żieda fl-effiċjenza u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika biex tfassal u timplimenta proġetti pubbliċi, u mas-CSRs tal-2024 dwar it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-RRP, u dwar it-titjib tal-kompetittività permezz tal-indirizzar tal-frammentazzjoni għolja tal-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi riformi biex jittejjeb il-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika permezz tat-titjib tal-kapaċitajiet tal-impjegati pubbliċi, f'konformità mas-CSR tal-2020 dwar iż-żieda fl-effiċjenza u l-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika biex tfassal u timplimenta proġetti pubbliċi, mas-CSRs tal-2022 u l-2024 dwar it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-RRP, u mas-CSR tal-2024 dwar it-tnaqqis tan-nuqqas ta' ħiliet. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri tal-RRP fl-ambitu tar-rinnovazzjoni tal-komponenti tal-bini, li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' ħiliet għar-rikostruzzjoni ta' wara terremot u r-rinnovazzjoni tal-enerġija u l-introduzzjoni ta' programmi ġodda ta' tagħlim għall-adulti fil-kostruzzjoni għal ħaddiema mhux tal-UE li jikkonċernaw is-CSRs dwar il-promozzjoni tal-akkwist ta' ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika, l-iżgurar ta' assorbiment effettiv tal-fondi u t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-RRP. |
|
(25) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi investimenti ewlenin tal-RRP li għandhom l-għan li jaġġornaw in-networks tal-elettriku, iżidu l-kapaċità ta' rigassifikazzjoni tal-gass naturali likwifikat (LNG), u jespandu l-infrastruttura transfruntiera tat-trasport tal-gass. Barra minn hekk, jinkorpora miżuri li jappoġġaw l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli, ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini, l-effiċjenza enerġetika fl-industrija, u t-trasport sostenibbli b'emissjonijiet żero, filwaqt li jindirizza l-faqar enerġetiku. Dawn il-miżuri huma relatati mas-CSRs tal-2019 dwar l-iffukar tal-politika ta' investiment fuq l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura ambjentali, is-CSR tal-2020 fuq l-iffukar tal-investiment fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b'mod partikolari fuq l-infrastruttura ambjentali, il-produzzjoni u l-użu nodfa u effiċjenti tal-enerġija, is-CSRs tal-2022 dwar id-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u t-tnaqqis tad-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u dwar l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, is-CSRs tal-2022, l-2023 u l-2024 dwar it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-RRP, u s-CSR tal-2023 dwar it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi jiġi aċċellerat l-użu tal-enerġija rinnovabbli. |
|
(26) |
Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan ma jinkludix dettalji dwar l-investimenti jew ir-riformi li jindirizzaw din il-prijorità komuni. |
|
(27) |
Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri ta' politika oħra li jmorru lil hinn mill-prijoritajiet komuni tal-UE, inkluż biex tittejjeb il-ġestjoni tal-assi tal-istat billi jitnaqqas l-għadd ta' SOEs, tittejjeb il-governanza tagħhom, inkluż billi l-istandards nazzjonali jiġu allinjati mal-aħjar prattiki internazzjonali, u tissaħħaħ il-kapaċità tal-bniedem għall-monitoraġġ tal-governanza korporattiva fl-SOEs. Dawn il-miżuri huma relatati mas-CSR tal-2019 biex tittejjeb il-governanza korporattiva tal-SOEs u jiżdied il-bejgħ tal-SOEs u tal-assi inattivi. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi wkoll il-liberalizzazzjoni tas-swieq tas-servizzi, il-ħelsien mill-piż amministrattiv u fiskali, u t-tisħiħ tal-appoġġ għat-tkabbir tan-negozji ġodda. Dawn il-miżuri jikkonċernaw is-CSR tal-2019 dwar ir-regolamentazzjoni eċċessiva tas-suq tal-prodotti u s-servizzi u t-tnaqqis tal-imposti parafiskali l-aktar onerużi; u s-CSRs tal-2020 dwar it-tnaqqis ulterjuri tal-imposti parafiskali u r-restrizzjonijiet regolatorji fuq is-swieq tal-prodotti u s-servizzi, u l-promozzjoni tal-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri bħall-għoti ta' self u sussidji tar-rati tal-imgħax lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, l-appoġġ għal proġetti f'kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja u intrapriżi kbar, u l-investiment fi strumenti ta' ekwità u kważi ekwità, relatati mas-CSR tal-2020 dwar iż-żamma ta' miżuri biex tiġi pprovduta likwidità lil intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u s-CSR tal-2024 dwar l-aċċellerazzjoni tal-investimenti appoġġati mill-fondi tal-UE. F'konformità mal-aktar CSRs reċenti tal-2024 dwar żieda fl-aċċess għal sorsi differenti ta' finanzjament u l-promozzjoni tas-swieq kapitali, huma inklużi miżuri biex jitrawwem funzjonament aktar effiċjenti tas-swieq kapitali. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri tal-RRP dwar il-modernizzazzjoni tal-portijiet marittimi, l-adattament ta' vetturi kompletament awtonomi u elettriċi u l-infrastruttura għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri b'diżabilità, filwaqt li jindirizza aktar is-CSR tal-2020 dwar iż-żieda fl-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi l-miżuri tal-RRP dwar ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini bi status ta' ben kulturali, l-integrazzjoni ta' data sismika f'bażijiet ta' esperti għall-pjanijiet spazjali u l-adozzjoni ta' linji gwida għall-applikazzjoni ta' mudell għall-monitoraġġ tal-konsum tal-enerġija f'bini b'abitazzjonijiet multipli, li jindirizzaw, fost l-oħrajn, is-CSR tal-2020 dwar iż-żieda fl-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali. Barra minn hekk, il-pjan għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi jespandi l-aċċess għas-servizzi permezz ta' mudelli innovattivi, investiment f'tagħmir u infrastruttura avvanzati, kif ukoll fid-diġitalizzazzjoni tal-perkors tal-mediċina, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-kura permezz ta' linji gwida kliniċi armonizzati u taħriġ speċjalizzat. Dawn l-isforzi għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-saħħa, bħall-onkoloġija u l-listi ta' stennija, filwaqt li jtejbu wkoll il-ġestjoni tal-iskart u tar-riżorsi fil-faċilitajiet tas-saħħa, u b'hekk jappoġġaw is-CSRs tal-2020 dwar it-titjib tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u dwar il-promozzjoni tad-distribuzzjoni bbilanċjata tal-kura tas-saħħa u s-saħħa elettronika, u s-CSR tal-2021 dwar ir-riformi fiskali għall-kura tas-saħħa sostenibbli. L-aspetti relatati mat-taħriġ huma marbuta wkoll mas-CSR tal-2020 dwar il-promozzjoni tal-akkwist tal-ħiliet. Barra mill-RRP, il-Kroazja qed timplimenta miżuri li jinkludu l-iżvilupp tas-Saħħa elettronika, il-kura palljattiva, u l-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa, kif ukoll il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard. |
|
(28) |
Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u mal-RRP tal-Kroazja. L-investimenti fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni huma komplementari għall-investimenti u r-riformi skont l-RRP li għandhom l-għan li jtejbu l-prestazzjoni tas-settur tar-riċerka pubblika kif ukoll tal-output tal-innovazzjoni tal-intrapriżi. L-investimenti fil-faċilitajiet tal-edukazzjoni li jkopru l-livelli kollha tal-edukazzjoni qed jikkomplementaw l-investimenti fl-RRP u jikkontribwixxu għat-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u għall-edukazzjoni għolja, u għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni primarja. |
|
(29) |
Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tal-Kroazja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE bl-eċċezzjoni tar-raba' (4) prijorità relatata mal-bini tal-kapaċità tad-difiża. Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħaq il-bżonn ta' investiment pubbliku tal-Kroazja relatat mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Għall-ewwel prijorità komuni relatata ma' tranżizzjonijiet ġusti, ekoloġiċi u diġitali, inkluża l-konformità mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-pjan jiddeskrivi l-ħtiġijiet ta' investiment għal 78 miżura. Il-miżuri huma relatati, fost l-oħrajn, mal-investiment ekoloġiku u tal-idroġenu, mal-effiċjenza tal-enerġija u l-promozzjoni tal-enerġija nadifa, mal-investimenti fit-trasport urban u bil-ferrovija sostenibbli, mad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema tal-ġustizzja, mal-appoġġ u l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvulupp. Fil-każ tal-prijorità marbuta mar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jiddeskrivi l-ħtiġijiet ta' investiment għal 30 miżura. Dawn huma relatati, fost l-oħrajn, ma' miżuri li jtejbu l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli, programmi ta' apprendiment għall-adulti, vawċers għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, il-bini u t-titjib tal-faċilitajiet tal-ECEC, tal-iskejjel primarji u sekondarji, inkluż biex titlesta t-tranżizzjoni għal xift wieħed fl-iskejjel primarji, u miżuri ta' rivitalizzazzjoni demografika biex jiġu appoġġati l-familji bit-tfal u tiġi evitata d-depopolazzjoni. Fir-rigward tal-prijorità marbuta mas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jiddeskrivi l-ħtiġijiet ta' investiment għal 15-il miżura, relatati, fost l-oħrajn, mat-titjib tal-effiċjenza enerġetika permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini, il-promozzjoni tal-enerġija nadifa permezz tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-idroġenu u l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, u l-aġġornament tal-grilja tat-trażmissjoni tal-elettriku. |
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
|
(30) |
B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Kroazja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263. |
KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL
|
(31) |
Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Kroazja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv. |
|
(32) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. |
|
(33) |
Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża. |
|
(34) |
Il-Kunsill jistenna li l-Kroazja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan. |
|
(35) |
Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali. |
|
(36) |
Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew. |
|
(37) |
Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mill-Kroazja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi aktar wiesgħa u investimenti fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(38) |
F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jenħtieġ li l-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Kroazja. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja:
|
1. |
Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).
(4) In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(5) Il-gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi informazzjoni teknika i) mingħajr estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u biha (li tkopri 4 u 7 snin, rispettivament), u ii) b'salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit jew mingħajrha.
(6) https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#Croatia.
(7) Is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tistabbilixxi li t-titjib annwali fil-bilanċ primarju strutturali huwa ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG (jew 0,25 punti perċentwali tal-PDG f'każ ta' estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament) sakemm id-defiċit strutturali jkun inqas minn 1,5 % tal-PDG.
(8) L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Kroazja, 26.11.2024, C(2024) 9080 final.
(9) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Kroazja, (ĠU C, C/2024/6818, 29.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6818/oj).
(10) Dan ma jirriflettix l-addendum ippreżentat fil-21 ta' Novembru 2024 u l-approċċ konservattiv tiegħu għall-perkors tan-nefqa netta.
(11) Fix-xenarju mingħajr is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.
(12) Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2024 dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tal-Kroazja.
ANNESS I
Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)
Il-Kroazja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta' tkabbir (%) |
Annwali |
6,4 |
4,9 |
4,1 |
3,7 |
|
Kumulattiv (*1) |
26,2 |
32,3 |
37,8 |
42,9 |
|
(*1) Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/638/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)