Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fit‑23 ta’ Ottubru 2025 (1)
Kawża C‑242/24 P
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Ġermaniża dwar il-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni li jixtru mingħand produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz miżjud bi primjum li jista’ jiġi akkumpanjat minn bonus – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Miżuri mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat”
Introduzzjoni
1. Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea talbet l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Jannar 2024, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑409/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:34) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3918 final, tat‑3 ta’ Ġunju 2021, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma 2020 tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Koġenerazzjoni u l-Għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Modifika tal-iskema ta’ għajnuna għall-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku eżistenti (Artikolu 13 tal-Gesetz zur Neuregelung des Kraft-Wärme-Kopplungsgesetzes (il-Liġi li Tistabbilixxi Leġiżlazzjoni Ġdida tal-Liġi dwar il-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku), tal‑21 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I, p. 2498) (iktar ’il quddiem il-“KWKG tal‑2016”) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li diversi miżuri (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”) intiżi sabiex isostnu l-produzzjoni tal-elettriku mill-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku (combined heat and power, iktar ’il quddiem iċ-“CHP”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.
2. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni tar-“riżorsi tal-Istat”, kif stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, hija ser ikollha l-okkażjoni li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-portata tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, iktar ’il quddiem is-“sentenza PreussenElektra”, EU:C:2001:160), li tipprovdi l-kriterju ġuridiku sabiex jiġi eskluż l-impenn tar-riżorsi statali, għandhiex tinftiehem b’mod iktar strett minn dak li jirriżulta mis-sentenza appellata.
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, id‑Deċiżjoni kontenzjuża u s‑sentenza appellata
3. Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 26 tas-sentenza appellata. Jistgħu jiġu deskritti fil-qosor bil-mod segwenti.
Il-miżuri kontenzjużi u l-finanzjament tagħhom
4. Fit‑28 ta’ Jannar 2019 u fit‑23 ta’ Settembru 2020, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’sensiela ta’ miżuri li emendaw il-KWKG tal‑2016, fejn uħud minn dawn il-miżuri reġgħu ġew emendati matul ix-xahar ta’ Diċembru 2020. Dawn il-miżuri kollha jikkorrispondu għal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ għaċ-CHP fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem il-“KWKG tal-2020”), li magħhom tiżdied l-aħħar emenda dwar il-limitu massimu tal-imposta fuq il-produtturi tal-idroġenu kif previst mill-Artikolu 27 tal-KWKG tal‑2020.
5. Il-KWKG tal‑2020 għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent, billi żżid il-produzzjoni netta tal-elettriku CHP sal‑2025.
6. Għal dan l-għan, hija tipprevedi sensiela ta’ miżuri ta’ appoġġ i) għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti CHP b’effiċjenza għolja li għadhom kif inbnew, immodernizzati u aġġornati, ii) għan-networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, iii) għall-istallazzjonijiet ta’ ħżin ta’ sħana u ta’ kesħa, iv) għall‑produzzjoni tal‑elettriku mill‑impjanti CHP eżistenti, b’effiċjenza għolja u li jaħdmu bil‑gass, fis‑settur tat‑tisħin distrettwali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP”), kif ukoll v) miżura dwar il-limitu massimu tal-imposta fuq il-produtturi tal-idroġenu.
7. Dawn il-miżuri jieħdu l-forma jew ta’ primjum, li jista’ jkun akkumpanjat minn bonus, li jiżdied mad-dħul mill-bejgħ bil-prezz tas-suq tal-elettriku prodott, jew, fil-każ biss tal-manifattura ta’ gassijiet industrijali, li fihom il-produzzjoni tal-idroġenu tikkostitwixxi l-maġġoranza tal-valur miżjud totali, ta’ limitu massimu tal-ammont tal-imposta li tista’ tiġi rkuprata mingħand il-produtturi tal-idroġenu mill-ġestjonarji tan-network.
8. L-appoġġ jingħata jew permezz ta’ sejħiet għal offerti organizzati mir-regolatur nazzjonali, jiġifieri l-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali ta’ Networks, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BNetzA”), jew direttament bis-saħħa tal-KWKG tal‑2020. F’dan l-aħħar każ, il-benefiċjarji għandhom awtomatikament ikunu intitolati li jirċievu dan l-appoġġ meta jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, fatt li huwa vverifikat mill-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (l-Uffiċċju Federali tal-Ekonomija u tal-Kontroll tal-Esportazzjoni, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BAFA”), fuq talba ta’ dawn il-benefiċjarji. Jekk dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kriterji kollha, il-BAFA joħroġ awtorizzazzjoni li tikkonferma l-eliġibbiltà tagħhom.
9. F’din il-kawża, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-miżuri kontenzjużi li l-Qorti Ġenerali tiddeskrivi bħala li jinkludi żewġ livelli għandu importanza partikolari.
10. Fl-ewwel livell, il-ġestjonarju ta’ network ta’ distribuzzjoni jew ta’ trasport ikkonċernat huwa legalment obbligat li jħallas lill-operaturi tal-impjanti CHP, istallazzjonijiet ta’ ħażna u networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali (iktar ’il quddiem l-“operaturi tal-impjanti CHP u tal-istallazzjonijiet l-oħra marbuta maċ-CHP” jew il-“benefiċjarji CHP”) konnessi man-network tiegħu l-ammonti previsti mill-KWKG tal‑2020 u dawn il-benefiċjarji għandhom id-dritt li jirċevuhom (iktar ’il quddiem iż-“żieda fil-prezz KWKG”).
11. Sabiex kull ġestjonarju ta’ network jkun jista’ jiġi kkumpensat il-piż finanzjarju addizzjonali li jirriżulta mill-obbligi tiegħu taħt il-KWKG tal‑2020, din il-liġi stabbilixxiet mekkaniżmu li permezz tiegħu din l-ispiża tinqasam b’mod ġust bejn l-ġestjonarji ta’ network (distribuzzjoni jew trażmissjoni) fi proporzjon mal-konsum tal-klijenti konnessi man-network tagħhom, u sussegwentement ikkumpensata permezz tal-imposta KWKG tal‑2020.
12. Għalhekk, fl-ewwel lok, l-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni jirrimborsaw lill-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni l-ammont totali li dawn tal-aħħar ħallsu lill-benefiċjarji CHP. Fit-tieni lok, l-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni jikkalkolaw l-ammont totali tal-ħlasijiet li huma jkunu għamlu b’mod sħiħ lill-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni u lill-benefiċjarji CHP. Dan l-ammont totali huwa mbagħad diviż mill-konsum totali tal-elettriku. Ir-riżultat jirrappreżenta t-tagħbija medja għal kull kilowatt-siegħa (KWh) ta’ elettriku għall-miżuri kontenzjużi (iktar ’il quddiem l-“imposta KWKG”). Il-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni huma obbligati jħallsu lill-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni tal-imposta KWKG għal kull KWh ta’ elettriku li huma jkunu qassmu lill-klijenti finali.
13. L-ammont tal-imposta KWKG huwa kkalkolat kull sena mill-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni skont il-metodoloġija prevista mill-KWKG tal‑2020 u taħt il-kontroll tal-BAFA u tal-BNetzA. Dan huwa espress fi prezz uniformi għal kull KWh ta’ elettriku kkunsmat, suġġett għar-rata mnaqqsa li minnha jibbenefikaw ċerti kategoriji ta’ utenti.
14. Fit-tieni livell, il-ġestjonarji ta’ network għandhom id-dritt, mingħajr ma huma obbligati mil-liġi, li jgħaddu l-imposta KWKG fil-kalkolu tat-tariffi ta’ network li huma jitolbu mingħand il-klijenti tagħhom, utenti finali tal-elettriku, għal kull KWh ta’ elettriku pprovdut fil-Ġermanja permezz tan-network tal-elettriku. B’deroga, il-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni għandhom id-dritt li jitolbu imposta KWKG imnaqqsa għall-konsumaturi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija bħall-produtturi tal-idroġenu.
15. Il-KWKG tal‑2020 jipprevedi limitu annwali tal-baġit ta’ EUR 1.8 biljun għall-miżuri kontenzjużi u għalhekk għall-imposta KWKG totali.
Id-Deċiżjoni kontenzjuża
16. Fit‑3 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża.
17. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri kontenzjużi bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi kkonstatat, b’mod partikolari, li dawn kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat. B’mod partikolari, fil-punti 220 u 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP kienu ffinanzjati mid-dħul ta’ kontribuzzjoni obbligatorja de jure imposta mill-Istat, ġestita u allokata skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-miżura dwar il-limitu massimu tal-imposta KWKG fuq il-produtturi tal-idroġenu tikkostitwixxi rinunzja għal riżorsi tal-Istat
18. Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi kienu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, b’tali mod li hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.
Is-sentenza appellata
19. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li abbażi tiegħu hija qajmet aggravju wieħed, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi kkonċernati mill-miżuri kontenzjużi kienu jibbenefikaw minn għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.
20. Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza, li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (2), li skontha jistgħu jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn naħa, fondi ffinanzjati minn taxxa jew imposti obbligatorji oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ġestiti u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni (l-ewwel kriterju) u, min-naħa l-oħra, somom li jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (it-tieni kriterju). Dawn iż-żewġ kriterji jikkostitwixxu kriterji alternattivi tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (3).
21. Il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, analizzat, fil-punti 41 sa 118 tas-sentenza appellata, jekk il-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP kinux iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, fit-tieni lok, eżaminat, fil-punti 119 sa 126 ta’ din is-sentenza, jekk dan kienx il-każ għall-miżura dwar il-limitu massimu tal-imposta KWKG favur produtturi tal-idroġenu.
22. Fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 56 sa 90 tas-sentenza appellata, eżaminat jekk iż-żieda fil-prezz KWKG jew il-ħlas KWKG kinux jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja oħra fis-sens tal-ewwel kriterju. Fit-tieni lok, fil-punti 91 sa 100 ta’ din is-sentenza, hija vverifikat jekk l-ammonti ta’ din l-imposta jew ta’ dan iż-żieda fil-prezz baqgħux taħt il-kontroll pubbliku kostanti, fis-sens tat-tieni kriterju. Fit-tielet lok, fil-punti 101 sa 117 tal-imsemmija sentenza, hija ċaħdet l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni f’dak il-każ tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza PreussenElektra.
23. Qabel kollox, fir-rigward tal-ewwel kriterju, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari li l-ħlasijiet obbligatorji mill-ġestjonarji ta’ network lill-benefiċjarji CHP, li seħħew fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, kienu jirrigwardaw biss l-allokazzjoni tal-fondi konformi mal-liġi sa fejn dawn il-ġestjonarji kienu legalment obbligati jagħtu appoġġ finanzjarju lill-benefiċjarji CHP. Min-naħa l-oħra, huma ma kienu jagħtu ebda indikazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi użati mill-ġestjonarji ta’ network. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li jiġi kkonstatat li dawn l-ħlasijiet jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja oħra fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti kien jwassal sabiex jitqies li l-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP jikkoinċidi mal-għoti tal-fondi lill-benefiċjarji.
24. Sussegwentement, fil-punti 68 sa 71 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn is-sitwazzjoni f’dak il-każ, li fiha l-ġestjonarji ta’ networks ma għandhom ebda obbligu legali li jgħaddu l-imposta KWKG fuq il-klijenti tagħhom fit-tieni livell tal-katina ta’ provvista, minn dawk eżaminati fil-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni insostenn tad-deċiżjoni tagħha (4).
25. Barra minn hekk, fil-punti 71 u 72 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat f’liema mument u minn min twettqet il-ġestjoni tal-fondi.
26. Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 73 sa 77 tal-istess sentenza, ppreċiżat li ma setgħax jiġi sostnut li l-Istat setgħa juża r-riżorsi tal-ġestjonarji ta’ network, peress li dawn tal-aħħar ma humiex neċessarjament id-debituri finali tal-piż finanzjarju kkawżat mill-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP. Fil-fatt, il-possibbiltà, għall-ġestjonarji ta’ network, li jimponu l-oneru ta’ dawn il-miżuri fuq il-klijenti tagħhom, kienet biżżejjed sabiex jiġi eskluż li dawn l-ġestjonarji jkunu d-debituri finali ta’ dan il-piż.
27. Fid-dawl tat-tieni kriterju, jiġifieri l-kontroll tal-Istat fuq ir-riżorsi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminatu b’mod ċar u espliċitu fid-Deċiżjoni kontenzjuża, peress li ż-żewġ kriterji inkwistjoni kienu alternattivi.
28. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 98 sa 100 ta’ dik is-sentenza, iddeċidiet li dan it-tieni kriterju ma kienx issodisfatt f’dak il-każ. Fil-fatt, il-fatt li l-fondi użati kienu esklużivament allokati mil-liġi għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti missjonijiet pjuttost juri, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor fis-sens kuntrarju, li l-Istat ma kienx preċiżament f’pożizzjoni li jiddisponi mill-imsemmija fondi, jiġifieri li l-Istat ma setax jiddeċiedi allokazzjoni differenti minn dik prevista mil-liġi.
29. Fir-rigward tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza PreussenElektra, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 101 sa 117 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li din ma kinitx applikabbli f’dak il-każ minħabba li l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP ma kinux jikkostitwixxu “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet” fis-sens ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, għal dan l-għan, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, indipendentement mill-fatt dwar jekk il-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP kinux jikkostitwixxu jew le miżura ta’ “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet”, li l-vantaġġ favur l-benefiċjarji CHP ma ngħatax mill-ġestjonarji ta’ network, li huma entitajiet privati, permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda li dawn kienu inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat.
30. Wara li kkonkludiet li l-miżuri insostenn taċ-CHP ma kinux iffinanzjati minn riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 119 sa 126 tas-sentenza appellata, iddeduċiet li l-limitu massimu tal-imposta KWKG favur produtturi tal-idroġenu ma setax ikun simili għal rinunzja ta’ riżorsi tal-Istat.
31. Abbażi ta’ din il-motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-uniku aggravju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
32. Fit‑3 ta’ April 2024, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza appellata. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat.
33. Sussidjarjament, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-premessa 198 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP, tannulla s-sentenza appellata u tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat.
34. Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.
35. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, tikkonferma s-sentenza appellata, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
36. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu matul is-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2025.
Fuq l-appell
37. Insostenn tal-appell tagħha, li jirrigwarda biss il-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kriterju tar-“riżorsi tal-Istat” tal-Artikolu 107(1) TFUE u fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. Madankollu, qabel ma neżaminahom, jidhirli li huwa neċessarju li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar il-kuntest ġuridiku rilevanti.
Osservazzjonijiet preliminari
38. Għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tippresupponi li huma ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, inkluża l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Għal żmien twil ġie stabbilit sew li tali kundizzjoni hija ssodisfatta jekk, minn naħa, il-miżura tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ dawn ir-riżorsi, u min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni tkun imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (5).
39. Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-imputabbiltà, din teżiġi li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-addozzjoni tal-miżura inkwistjoni. Huwa paċifiku li kull miżura stabbilita permezz ta’ leġiżlazzjoni hija, minħabba dan il-fatt stess, imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (6).
40. Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li hija s-suġġett tal-aggravju uniku mressaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-issodisfar ta’ din il-kundizzjoni jeżiġi piż finanzjarju speċifiku fuq il-baġit tal-Istat (7). Sussegwentement hija ppreċiżat li tali piż finanzjarju jeżisti mhux biss fil-każ ta’ trasferiment pożittiv ta’ fondi pubbliċi, iżda wkoll ta’ rinunzja għal dħul li normalment kien jitħallas lill-Istat (8), u li ma huwiex neċessarju li dan l-oneru jiġi pprovat, peress li l-ħolqien ta’ riskju konkret tat-twettiq tiegħu fil-futur huwa suffiċjenti (9).
41. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkompletat id-“dimaterjalizzazzjoni” tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza billi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” jinkludi l-mezzi pekunjarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jappartjenux jew le b’mod permanenti lill-patrimonju tal-Istat. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk is-somom mogħtija permezz ta’ miżura ta’ appoġġ finanzjarju ma jkunux kontinwament fil-pussess tat-Teżor pubbliku, dawn is-somom jistgħu jikkostitwixxu wkoll riżorsi tal-Istat meta jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (10).
42. Il-limitu tal-kriterju tal-kontroll pubbliku ġie mbagħad stabbilit fis-sentenza PreussenElektra. Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienu jirrigwardaw l-Artikolu 4(2) u (3) tal-liġi Ġermaniża dwar id-dħul ta’ kurrent minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fin-netwerk ta’ servizz pubbliku. Skont din id-dispożizzjoni, l-impriżi li jipprovdu l-elettriku kienu obbligati jixtru l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezzijiet minimi bbażati fuq id-dħul medju minn KWh li ġej mill-provvista tal-kurrent lill-konsumaturi finali kollha mill-impriżi li jipprovdu l-elettriku.
43. Fid-dawl tal-kwistjoni dwar jekk riżorsi tal-Istat kinux għalhekk mobilizzati, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv. Qabel kollox, hija kkjarifikat li d-distinzjoni stabbilita mill-Artikolu 107(1) TFUE bejn “għajnuna [...] mogħtija minn Stat” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” hija intiża biss li tinkludi fil-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, l-vantaġġi li huma mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ organu pubbliku jew privat, innominat jew maħtur minn dan l-Istat (11). Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, hija kkonkludiet li l-obbligu, impost fuq impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku, li jixtru, bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku (12).
44. Il-kriterju ġuridiku li jirriżulta minn din is-sentenza jikkostitwixxi l-linja ta’ qsim bejn il-miżuri nazzjonali ta’ natura purament regolatorja u l-miżuri ta’ għajnuna, peress li huma biss dawn tal-aħħar li jimplikaw l-użu ta’ riżorsi tal-Istat.
45. Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba teżamina l-kundizzjoni tar-“riżorsi tal-Istat” f’sensiela ta’ sentenzi dwar is-sistemi nazzjonali intiżi sabiex isostnu l-produzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iffinanzjati permezz ta’ supplimenti ta’ prezzijiet imposti mill-Istat fuq xerrejja tal-elettriku. Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat kriterju li skontu fondi ta’ oriġini privata għandhom jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat jekk ikunu ġejjin minn kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u jekk ikunu ġestiti u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni (13).
46. Fis-sentenza DOBELES HES, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan l-aħħar kriterju u dak tal-kontroll pubbliku huma ż-żewġ kriterji alternattivi tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” (14).
Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku
Sunt tal-argumenti tal-partijiet
47. Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP assunt mill-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni ma jikkostitwixxix taxxa jew imposta obbligatorja oħra fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li, għaldaqstant, riżorsi tal-Istat ma ġewx mobilizzati f’dan il-każ.
48. Hija tqis li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq tliet konstatazzjonijiet, it-tlieta li huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.
49. Qabel kollox, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 65 sa 70 u 89 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, huwa neċessarju li tiġi evitata kull konfużjoni bejn l-użu u l-oriġini tal-fondi. Għalhekk, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imposta għandha tiddistingwi ruħha mill-persuna li ġabret din l-imposta u tatha bħala għajnuna lil terza persuna. Peress li, bħal f’dan il-każ, dawn iż-żewġ persuni jikkoinċidu, peress li kull ġestjonarju ta’ network ta’ distribuzzjoni huwa l-persuna responsabbli għall-imposta KWKG kif ukoll il-persuna responsabbli għall-ħlas taż-żieda fil-prezz KWKG lill-benefiċjarji CHP, ma jeżistux riżorsi tal-Istat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li xejn fl-Artikolu 107(1) TFUE, u lanqas fil-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali, ma jawtorizza r-rekwiżit li jkun hemm relazzjoni triangolari bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imposta, il-persuna responsabbli għall-għoti tal-għajnuna u l-benefiċjarju tagħha.
50. Sussegwentement, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 71, 72 u 88 tas-sentenza appellata, ikkritikat lil din l-istituzzjoni li ma wrietx li l-fondi ġġenerati miż-żieda fil-prezz KWKG kienu nġabru u ġew ġestiti konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali qieset din il-ġabra u l-ġestjoni bħala kundizzjoni li tiżdied ma’ dik dwar l-eżistenza ta’ imposta obbligatorja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex neċessarju li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet oħra, bħall-ġestjoni u t-tqassim tal-fondi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li s-sempliċi kwalità ta’ taxxa hija suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat.
51. Sussidjarjament, il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, dawn l-ewwel żewġ konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq żball ieħor, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-mekkaniżmu ta’ tqassim tal-piż finanzjarju bejn l-ġestjonarji ta’ network ma setax jitqies bħala “ġestjoni tal-fondi” minħabba li dan il-mekkaniżmu kien jistabbilixxi biss kumpens għall-piż bejn ġestjonarji ta’ network.
52. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li, fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li l-ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni kienu effettivament suġġetti għal imposta obbligatorja, peress li dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jgħaddu l-imposta fuq il-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi possibbiltà li l-ispejjeż addizzjonali jiġu mgħoddija lil terzi hija ineffettiva għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat.
53. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiċħad dawn l-argumenti kollha.
Evalwazzjoni
54. Għall-finijiet ta’ ċarezza tal-espożizzjoni tiegħi, l-evalwazzjoni tiegħi ser tiffoka fuq il-kritika tal-Kummissjoni għad-diversi konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li d-Deċiżjoni kontenzjuża fis-sentenza appellata għandha tiġi annullata.
– Fuq il-kritika tal-ewwel konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali
55. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-konstatazzjonijiet, għandha titfakkar għal darba oħra l-premessa tar-raġunament li l-Qorti Ġenerali żviluppat f’din il-parti tas-sentenza appellata.
56. Wara li osservat li l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposta obbligatorja oħra skont il-liġi tippermetti li jiġi kkonstatat li ntużaw fondi statali sabiex jiġi ffinanzjat il-vantaġġ hekk mogħti, il-Qorti Ġenerali affermat li l-ħlasijiet obbligatorji mill-ġestjonarji ta’ network lill-operaturi tal-impjanti u tal-istallazzjonijiet CHP l-oħra, li jseħħu fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, ma jagħtu “ebda indikazzjoni” fir-rigward tal-oriġini tal-fondi użati mill-ġestjonarji ta’ network għall-finijiet tal-għoti tal-appoġġ finanzjarju lill-benefiċjarji. Skont il-Qorti Ġenerali, li jiġi konkluż li l-ħlasijiet inkwistjoni jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja oħra jwassal sabiex jitqies li l-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP jikkoinċidi mal-għoti tal-fondi lill-benefiċjarji (15).
57. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza dwar il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat intiżi li jsostnu l-produzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari dik li tirriżulta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, issostni din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, fis-sentenzi rilevanti, il-fondi kellhom bħala oriġini imposti obbligatorji fuq l-elettriku imposti fuq il-konsumaturi tal-elettriku, li kien juri l-finanzjament mill-Istat tal-miżuri. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-obbligu impost fuq il-ġestjonarji ta’ network li jħallsu somom lill-benefiċjarji jippermetti biss li tiġi kkonstatata l-allokazzjoni tal-fondi konformement mal-liġi (16).
58. Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda oġġezzjoni għal din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali.
59. Għandu jiġi rrilevat, fil-fatt, li din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq qari tas-sentenza PreussenElektra li tgħid li riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jintużawx meta appoġġ finanzjarju mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi lil impriżi speċifiċi jkun iffinanzjat esklużivament mill-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq operaturi privati u jitħallas lill-benefiċjarji direttament minn dawn l-operaturi. Minn dan isegwi li l-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, li jikkonsisti fl-obbligu legali għall-ġestjonarji ta’ network ta’ xiri bi prezz miżjud bi primjum li jista’ jkun akkumpanjat minn bonus, ma jistax, waħdu, jimplika l-impenn tar-riżorsi tal-Istat.
60. In-neċessità li teżisti relazzjoni triangolari bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imposta, l-entità inkarigata mill-għoti tal-appoġġ finanzjarju u l-benefiċjarju tiegħu hija spjegata mill-fatt li l-ġurisprudenza tissuġġetta l-oriġini statali tal-fondi użati għall-eżistenza ta’ imposta obbligatorja fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista.
61. Is-sentenzi Essent, FVE Holýšov u DOBELES HES, iċċitati mill-Kummissjoni insostenn tat-teżi tagħha, jippermettu fir-realtà li jiġi kkonfermat li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt huma fondati.
62. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Essent, iż-żieda fil-prezz inkwistjoni kienet titħallas mill-konsumaturi lill-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni, miġbura minn kumpannija nnominata għal dan l-għan mil-liġi u ttrasferita lill-erba’ impriżi nazzjonali produttriċi tal-elettriku bħala kumpens għall-ispejjeż sostnuti minn dawn l-istess impriżi qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq.
63. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-ħlas addizzjonali inkwistjoni kien jikkostitwixxi piż impost unilateralment mil-liġi fuq il-konsumaturi li kienu obbligati li jħallsuh. Għalhekk, dan is-suppliment kien taxxa fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE u għalhekk kien joriġina minn riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (17).
64. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza FVE Holýšov, dawn kienu miżuri favur il-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-forma ta’ prezz minimu ta’ xiri jew ta’ primjum li jżid il-prezz tas-suq imħallas mill-operaturi tan-netwerk tal-elettriku. Dawn il-miżuri kienu ffinanzjati minn imposta speċjali, fil-forma ta’ ħlas addizzjonali mħallas mill-konsumaturi finali lil dawn l-operaturi.
65. Fis-sentenza tal-appell tagħha, bi tweġiba għal argument imressaq mill-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-fondi joriġinaw minn imposta obbligatorja huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza r-riżorsi tal-Istat (18). Issa, jirriżulta minn qari sempliċi tal-punti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fl-argument ta’ dawn l-appellanti (19) li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk kellha l-intenzjoni li tirrifjuta l-kritika tagħhom kontra l-klassifikazzjoni tal-imsemmija imposta speċjali bħala taxxa parafiskali.
66. Minn dawn is-sentenzi niddeduċi li kull imposta obbligatorja fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista, li sservi sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu legali impost fuq l-operaturi tan-networks u tat-trażmissjoni tal-elettriku li jixtru l-elettriku bi prezz partikolari, fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ kontribuzzjoni obbligatorja li tissodisfa l-kundizzjoni tar-“riżorsi tal-Istat”. Min-naħa l-oħra, tali obbligu legali jimplika l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat biss jekk dan jiġi kkombinat mall-imsemmija imposta obbligatorja. Is-sentenza sommarja fil-kawża DOBELES HES, li tikkonċerna skema ta’ finanzjament fuq żewġ livelli simili għal dik inkwistjoni f’din il-kawża, tikkonferma din l-interpretazzjoni (20).
67. Fi kliem ieħor, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-appell tagħha, fil-kawżi li jaqgħu taħt din il-linja ta’ ġurisprudenza, it-“tieni livell” ma jaqax sempliċement fil-kuntest fattwali iżda jikkostitwixxi element deċiżiv fl-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti tal-Ġustizzja.
68. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi sostnut, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel konstatazzjoni li tirriżulta mill-punti 65 sa 70 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.
– Fuq il-kritika tat-tieni konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali
69. Fir-rigward tat-tieni konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni takkużaha li ppreżumiet li ż- ż-żieda fil-prezz KWKG għandu mhux biss jikkostitwixxi imposta obbligatorja, iżda wkoll jiġi ġestit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (21).
70. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-punt 35 tas-sentenza DOBELES HES, li tgħid li “[b]’hekk, fondi għandhom jitqiesu li huma ‘riżorsi tal-Istat’ [...] meta joriġinaw minn kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u meta jkunu amministrati u mqassma konformement ma’ din il-liġi”. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan il-punt, u l-ġurisprudenza li għaliha jirreferi, għandhom jinftiehmu fis-sens li s-sempliċi kwalità ta’ taxxa jew imposta obbligatorja hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq żewġ raġunijiet prinċipali.
71. Fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni li hija tipproponi hija konformi mal-ġurisprudenza sussegwenti għas-sentenza Essent, b’mod partikolari l-punt 46 tas-sentenza FVE Holýšov.
72. Jiena ma naqbilx.
73. Fil-fatt, il-punt 46 tas-sentenza FVE Holýšov, diġà kkunsidrat qabel f’punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa intiż b’mod ċar sabiex jippreċiża t-tifsira tal-punti 65 sa 72 tas-sentenza EEG 2012, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-ammonti ġġenerati mill-ħlas li l-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku kellhom dritt jeżiġu mingħand il-fornituri tal-elettriku kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat li jixbhu taxxa. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet fin-negattiv minħabba li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx tobbliga lill-fornituri jgħaddu l-ammonti hekk imħallsa fuq il-klijenti finali (22).
74. Fil-punt 46 tas-sentenza FVE Holýšov il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-fatt li ġejjin minn imposta li tinkludi r-riperkussjoni obbligatorja huwa biżżejjed sabiex jikkaratterizza riżorsi tal-Istat. Dan diġà ssemma hawn fuq. Għandu jingħad ukoll li hija b’hekk ċaħdet l-interpretazzjoni, imressqa mill-appellanti f’din il-kawża, li tgħid li obbligu ta’ ħlas impost unilateralment mill-Istat, flimkien ma’ tnaqqis korrelattiv tal-baġit tal-Istat, jimplika l-impenn tar-riżorsi tal-Istat (23), fl-assenza ta’ riperkussjoni obbligatorja downstream tal-katina ta’ provvista.
75. Iċ-ċaħda ta’ din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza WEPA Hygieneprodukte et vs Il-Kummissjoni (24). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, l-appellanti allegaw li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika kunċett ta’ “taxxa” mifhum bħala l-impożizzjoni unilaterali u permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika tal-obbligu ta’ ħlas ta’ sovrataxxa kif ukoll kriterju marbut mal-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn il-baġit tal-Istat u s-sovrataxxa kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza dwar it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti fuq il-konsumaturi jew il-klijenti finali “[la] tirreferi għal tali kunċett [u lanqas għal] tali kriterju” (25).
76. Fil-qosor, ma jistax jiġi sostnut li l-ħlasijiet obbligatorji mill-ġestjonarji ta’ network lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jseħħu fl-“ewwel livell”, huma ta’ natura li jimmobilizzaw riżorsi tal-Istat minħabba s-sempliċi fatt li ġew imposti unilateralment mil-liġi. Għall-kuntrarju, in-natura statali tar-riżorsi tista’ tiġi stabbilita biss minħabba l-eżistenza ta’ riperkussjoni obbligatorja fuq il-klijenti finali, fit-“tieni livell”, tal-ammont li jikkorrispondi għal dawn il-ħlasijiet.
77. Ladarba din it-taxxa obbligatorja tiġi identifikata, il-loġika tal-kontroll pubbliku sottostanti għal din il-ġurisprudenza timplika li huwa neċessarju li jiġi vverifikat li s-somom hekk miġbura jintużaw għall-finijiet tal-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji skont il-leġiżlazzjoni.
78. Minn dan isegwi li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tinkludi “l-ewwel livell” bħal f’dan il-każ, il-kundizzjoni dwar il-ġestjoni u t-tqassim tal-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjoni obbligatorja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija indispensabbli sabiex dawn il-fondi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
79. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li, fis-sentenza Essent, li għaliha jirreferi l-punt 34 tas-sentenza DOBELES HES, il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet b’mod sħiħ u mingħajr ebda kwalifika oħra l-kunċett ta’ “taxxa” jew “imposta” fis-sens tal-Artikoli 30 attwali (taxxi b’effett ekwivalenti għal dazju doganali) u 110 (taxxi interni diskriminatorji) TFUE sabiex tikkonkludi li ż-żieda fil-prezz inkwistjoni kienet tammonta għal taxxa u għalhekk kienet toriġina minn riżorsi tal-Istat. Il-Kummissjoni tosserva li dan il-kunċett jeżiġi biss li “l-piż pekunjarju jolqot lill-operatur bis-saħħa ta’ att unilaterali tal-awtorità” (26).
80. Dan l-argument ma huwiex tali li jinvalida l-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
81. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Essent, li tippreċedi r-riferiment għall-kriterju marbut mal-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ kontribuzzjoni obbligatorja f’dan il-qasam (27), il-punti li jsegwu r-raġunament imfakkar mill-Kummissjoni juru n-neċessità ta’ ġestjoni u ta’ tqassim tal-fondi b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni statali. Fil-fatt, minn dawn il-punti jirriżulta li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-taxxa inkwistjoni kienet titħallas lill-ġestjonarji tan-network, u sussegwentement ittrasferita lill-kumpannija nnominata mil-liġi, li ma kellha ebda possibbiltà li tuża l-imsemmija fondi għal allokazzjonijiet minbarra dawk previsti minn din il-leġiżlazzjoni (28).
82. Għaldaqstant, mis-sentenza Essent ma jistax jiġi dedott li n-natura statali tar-riżorsi tiddependi esklużivament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika inerenti għall-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas, indipendentement minn ġestjoni u minn tqassim tal-fondi li jirriżultaw minn tali obbligu b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
83. Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li l-fatt li l-Artikoli 30 u 110 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 107 TFUE, min-naħa l-oħra, f’dan il-każ jirrigwardaw azzjoni fiskali tal-Istat li tostakola s-suq intern, jista’ jiġġustifika interpretazzjoni konverġenti tal-kunċett ta’ “taxxa”. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet għandhom għan differenti meta mqabbla ma’ din tal-aħħar. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikoli 30 u 110 TFUE huma intiżi sabiex iħarsu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-kompetizzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati, l-Artikolu 107 TFUE għandu l-għan, b’mod iktar ġenerali, li jippreżerva l-kompetizzjoni bejn impriżi permezz tal-projbizzjoni ta’ kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fih.
84. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni dwar il-ġestjoni u t-tqassim tal-fondi kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni statali ma tistax tiġi analizzata bħala kundizzjoni awtonoma sa fejn din tfisser li l-inizjattiva li tiġi stabbilita imposta obbligatorja għandha tappartjeni lill-Istat u mhux lil żewġ assoċjazzjonijiet irregolati mid-dritt privat. Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Pearle et u Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (29).
85. Huwa minnu li, fis-sentenzi mogħtija f’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li obbligu ta’ ħlas li sar vinkolanti fuq il-persuna taxxabbli permezz ta’ intervent mill-Istat ma kienx jimplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat minħabba li dan l-obbligu ma kienx ġie stabbilit mill-Istat.
86. L-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni twassal madankollu għal konfużjoni bejn il-kundizzjoni li vantaġġ għandu jingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” u dik tal-imputabbiltà lill-Istat. Fil-fatt, jidhirli li l-kundizzjoni dwar il-ġestjoni u t-tqassim tal-fondi konformement mal-leġiżlazzjoni statali teżiġi li jiġi vverifikat mhux biss jekk il-modalitajiet ta’ allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju humiex previsti, minn qabel, minn din il-leġiżlazzjoni, iżda wkoll jekk dawn l-istess modalitajiet humiex ta’ natura li jeskludu kull possibbiltà li l-fondi kkonċernati jintużaw għal allokazzjonijiet differenti minn dik prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
87. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni żbaljat meta sostniet li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, l-ewwel nett, li l-kundizzjoni dwar il-ġestjoni u l-kumpens tal-fondi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, u, it-tieni nett, li l-inizjattiva tal-istituzzjoni taż-żieda fil-prezz KWKG li toriġina mill-Istat Ġermaniż ma kinitx biżżejjed sabiex tipprova l-użu tar-riżorsi tagħha.
88. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-punti 71, 72, 80 sa 85, 88 u 97 sa 99 tas-sentenza appellata huma vvizzjati b’dawn iż-żewġ żbalji ta’ liġi.
– Fuq il-kritika, sussidjarjament, tal-ewwel u tat-tieni konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
89. Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li l-ewwel żewġ konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma bbażati fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-mekkaniżmu ta’ tqassim tal-piż finanzjarju bejn l-ġestjonarji tan-network previst mill-KWKG ma setax jitqies bħala “ġestjoni tal-fondi” minħabba li dan il-mekkaniżmu kien jistabbilixxi biss kumpens għall-piż bejn ġestjonarji ta’ network (30).
90. Skont il-Kummissjoni, minn naħa, il-piż finanzjarju impost fuq l-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni ma jirriżultax mill-ħlas taż-żieda fil-prezz KWKG, li għalih dawn l-ġestjonarji ġew irrimborsati mill-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni, iżda mill-ħlas tal-imposta KWKG li l-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni jħallsu lill-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni. Dawn tal-aħħar jużaw id-dħul minn din l-imposta sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali sostnuti għall-imsemmi ħlas taż-żieda fil-prezz lill-benefiċjarji CHP. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat ir-rwol tal-BAFA u tal-BNetzA fl-għażla tal-benefiċjarji u fl-iffissar tal-ammont taż-żieda fil-prezz KWKG skont il-liġi. Għalhekk, tali mekkaniżmu jippermetti lill-ġestjonarji ta’ network “jiġġestixxu u jqassmu” l-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP.
91. Dan l-iżball tal-Qorti Ġenerali huwa ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata sa fejn jekk, kif affermat il-Qorti Ġenerali fl-ewwel konstatazzjoni tagħha, relazzjoni triangolari bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa jew tal-kontribuzzjoni obbligatorja, l-entità inkarigata mill-għoti tal-appoġġ finanzjarju u l-benefiċjarju tagħha kienet meħtieġa, dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-rwol tal-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni fil-mekkaniżmu ta’ kumpens jistabbilixxi din ir-relazzjoni triangolari.
92. Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward ta’ din il-kritika, jien sempliċement nindika li, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, din tikkonċerna l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema l-fluss ta’ ħlas bejn il-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni u l-ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni ma jikkostitwixxix ġestjoni tal-fondi fis-sens tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ taxxa jew ta’ kontribuzzjoni obbligatorja. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżami tal-klassifikazzjoni ġuridika fir-rigward tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ngħatat lid-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tirrigwarda l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju tal-appell (31).
93. Dwar il-mertu ta’ din il-kritika, jiena tal-fehma li r-riferiment għall-“ġestjoni tal-fondi” jimplika li l-entità li tiġbor it-taxxa jew il-kontribuzzjoni obbligatorja hija obbligata, skont il-liġi, li timplimenta kwalunkwe attività ta’ ġestjoni tal-fondi pprovduti minn din it-taxxa. Huwa preċiżament dan l-element li huwa nieqes hawnhekk.
94. Tali attività ta’ ġestjoni ma hijiex implimentata mill-ġestjonarji ta’ network fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ tqassim tal-piż finanzjarju, peress li l-fondi inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li joriġinaw minn taxxa jew minn kontribuzzjoni obbligatorja. L-imsemmija attività lanqas ma tista’ tiġi implimentata mill-entitajiet destinatarji tal-ħlas taż-żieda fil-prezz KWKG, jiġifieri l-operaturi tal-impjanti u tal-istallazzjonijiet CHP l-oħra, peress li dawn l-entitajiet huma l-benefiċjarji tal-appoġġ finanzjarju inkwistjoni.
95. Minn dan isegwi li, fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti.
– Fuq il-kritika tat-tielet konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali
96. Il-kritika tal-Kummissjoni kontra t-tielet konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tintlaqa’.
97. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni obbligatorja, ma kienx suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa kellhom il-possibbiltà li jgħaddu l-piż ekonomiku li jirriżulta minn din il-kontribuzzjoni fuq terzi. F’dan ir-rigward, ser nirreferi biss għall-analiżi li żviluppajt fir-rigward tal-ewwel żewġ konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
98. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ebda żball ta’ liġi ma jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza appellata.
Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku
Sunt tal-argumenti tal-partijiet
99. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tas-sentenza PreussenElektra.
100. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni tikkritikaha talli kkunsidrat li l-portata ta’ din is-sentenza ma hijiex limitata għall-każijiet li fihom l-Istat jintervjeni permezz tar-regolamentazzjoni tal-prezz tas-suq ta’ tranżazzjoni, iżda li hija tkopri wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-Istat jimponi obbligu ta’ ħlas dirett bejn partijiet privati, mingħajr ma dawn l-obbligi jkunu bbażati fuq kwalunkwe relazzjoni ta’ tranżazzjoni.
101. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza PreussenElektra tillimita ruħha li teskludi li r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet minn Stat Membru tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tinvolvi riżorsi tal-Istat. Għalhekk, hija tapplika biss għall-iffissar ta’ prezzijiet minimi għax-xerrej, jew massimi għall-bejjiegħ, u għalhekk għar-relazzjoni ta’ korrispettiv bejn individwi. Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tillimitax ruħha li tipprevedi tali regolamentazzjoni tal-prezzijiet. Fil-fatt, il-ġestjonarji ta’ network huma obbligati jħallsu iż-żieda fil-prezz KWKG lill-benefiċjarji CHP, indipendentement minn kull xiri ta’ elettriku.
102. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “taxxa” fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, li minnha jista’ jiġi dedott li l-element determinanti huwa dak dwar jekk il-ħlas jikkostitwixxix il-korrispettiv ta’ servizz partikolari, effettivament u individwalment mogħti lill-operatur ekonomiku, f’liema każ dan il-ħlas ma jaqax taħt il-kunċett ta’ taxxa, jew jekk isservix sabiex jiffinanzja t-twettiq ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku, f’liema każ jaqa’ taħtha.
103. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja topponi l-argumenti kollha tal-Kummissjoni.
Evalwazzjoni
104. Qabel kollox, għandu jiġi osservat li din il-parti tal-aggravju uniku mressaq mill-Kummissjoni tikkostitwixxi kritika tar-raġunament kollu segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 101 sa 118 tas-sentenza appellata.
105. B’mod iktar partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li l-portata tas-sentenza PreussenElektra tinkludi esklużivament il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju ffinanzjati mill-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq impriżi privati u mħallsa lill-benefiċjarji direttament minnhom. B’hekk, hija injorat li tali miżura għandha tikkonsisti f’regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq. Din tal-aħħar hija għalhekk maħsuba mill-Kummissjoni bħala element ulterjuri li jaqa’ taħt il-kriterju ġuridiku stabbilit fis-sentenza PreussenElektra.
106. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenzi EEG 2012 u ENEA (32). Hija tqis li, f’dawn is-sentenzi, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni, li kienu jinkludu rispettivament l-obbligu li jinxtraw prodotti b’ċertu prezz jew f’ċerti kwantitajiet, kienu jikkostitwixxu regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq. Dan l-element kien jiġġustifika konstatazzjoni ta’ assenza ta’ impenn tar-riżorsi tal-Istat.
107. Issa, jidhirli li dawn is-sentenzi ma humiex ta’ natura li jsostnu l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, u dan għar-raġunijiet esposti fil-punti li ġejjin.
108. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza EEG 2012, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet timponi fuq il-ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni l-obbligu li jħallsu lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli remunerazzjoni prevista mil-liġi jew primjum tas-suq, u li jittrażmettu dan l-elettriku lill-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni. Bħala korrispettiv, il-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni interreġjonali b’vultaġġ għoli u għoli ħafna upstream kienu obbligati jħallsu lil ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni lokali b’vultaġġ baxx jew medju l-ekwivalenti tar-remunerazzjonijiet u tal-primjums tas-suq imħallsa minn dawn tal-aħħar lill-imsemmija produtturi u li jikkummerċjalizzaw l-elettriku mdaħħal fin-network tagħhom fis-suq. Fil-każ li l-prezz miksub b’dan il-mod ma jippermettilhomx li jkopru l-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu legali li jħallsu għal dan l-elettriku skont it-tariffi stabbiliti mil-liġi, il-ġestjonarji tan-network ta’ trażmissjoni għandhom id-dritt li jeħtieġu li l-fornituri li jipprovdu servizz lill-klijenti finali jħallsuhom id-differenza (iktar ’il quddiem l-“imposta EEG”). Dawn il-fornituri kellhom id-dritt li jgħaddu fuq il-klijenti finali l-ammonti mħallsa abbażi ta’ din l-imposta (33).
109. Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sempliċi dritt li l-ammonti mħallsa abbażi tal-imposta EEG jiġu mgħoddija ma kienx suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din l-imposta bħala “taxxa”. Għalhekk, hija ddeċidiet biss fuq it-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista tal-elettriku, mingħajr ma kkonstatat li l-“ewwel livell” tagħha kien ikkaratterizzat minn regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq (34).
110. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza ENEA, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tistabbilixxi skema ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ elettriku prodott mill-koġenerazzjoni permezz ta’ obbligu ta’ xiri. Dan l-obbligu kien jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq l-impriżi li jbigħu l-elettriku lill-utenti finali li parti, f’dan il-każ 15 %, tal-bejgħ annwali kollu tagħhom tal-elettriku jkun ġej mill-produzzjoni tal-imsemmija kategorija ta’ elettriku. Il-president tal-awtorità nazzjonali tar-regolamentazzjoni tal-enerġija approva t-tariffi massimi tal-bejgħ tal-elettriku b’tali mod li, f’ċerti ċirkustanzi, il-fornituri tal-elettriku jiksbu l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni bi prezz ogħla minn dak applikat fil-kuntest tal-bejgħ lill-utenti finali, u dan iwassal għal spiża addizzjonali għalihom (35).
111. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi regolamentazzjoni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li din il-miżura kienet taqa’ taħt tali kategorija, ir-risposta negattiva fir-rigward tal-impenn tar-riżorsi tal-Istat kienet esklużivament immotivata mill-“assenza ta’ trasferiment integrali ta’ tali spiża addizzjonali fuq l-utent finali, tal-finanzjament tagħha permezz ta’ kontribuzzjoni obbligatorja imposta mill-Istat Membru jew ukoll ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens integrali” (36). Fi kliem ieħor, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ riperkussjoni obbligatorja tal-imsemmija spejjeż addizzjonali, il-kriterju ġuridiku tas-sentenza PreussenElektra, li jeskludi l-użu tar-riżorsi tal-Istat, instab li japplika.
112. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 108, 109 u 114 tas-sentenza appellata, adottat interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-ġurisprudenza dwar skemi ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku. Iktar preċiżament, din il-kritika hija intiża għall-konstatazzjoni li l-element deċiżiv għall-konklużjoni tal-impenn tar-riżorsi tal-Istat huwa l-fatt li l-impriżi privati kkonċernati “huma inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsa tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess” (37). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “obbligu ta’ xiri” fir-realtà, jiddeskrivi regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq. Min-naħa l-oħra, dan il-kunċett ma jinkludix obbligu ta’ ħlas impost fuq entità privata fir-rigward ta’ oħra, indipendentement minn kull relazzjoni kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ entitajiet. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tkopri tali obbligi ta’ ħlas, wieħed seta’ leġittimament jistenna li hija tindika li dawn l-entitajiet privati “ma humiex sempliċement marbuta b’obbligu ta’ ħlas permezz tar-riżorsi proprji tagħhom” (38).
113. Issa, id-distinzjoni semantika bejn “obbligu ta’ xiri” u “obbligu ta’ ħlas” ma tikkonvinċinix. Fil-fatt, jidhirli li huwa ċar li l-użu tal-ewwel espressjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa purament ċirkustanzjali, peress li s-sistemi nazzjonali intiżi li jsostnu l-produzzjoni tal-elettriku, eżaminati f’din il-ġurisprudenza, tipikament jinkludu obbligi ta’ xiri fuq l-operaturi tal-katina tal-provvista tal-elettriku.
114. Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din id-distinzjoni ma tidhirx li hija sostnuta mis-sentenza Fallimento Esperia u GSE (39).
115. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat skema nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ekoloġika intiża sabiex tiggarantixxi l-injezzjoni ta’ kwota ta’ elettriku ekoloġiku fin-network tal-elettriku nazzjonali fuq bażi annwali.
116. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tqegħid għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ekoloġiċi lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku ma setax jimmobilizza riżorsi tal-Istat, peress li l-valur ekonomiku ta’ dawn iċ-ċertifikati kien jidher li jirriżulta biss mill-obbligu legali impost fuq ċerti produtturi u importaturi li jixtruhom. Għalhekk, il-vantaġġ irrappreżentat minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni bla ħlas ta’ ċertifikati ekoloġiċi kien jidher li huwa ffinanzjat minn riżorsi li ġejjin minn dawn il-produtturi jew importaturi (40). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li din l-istess skema kienet timponi fuq entità kkontrollata mill-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi x-xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi żejda meta mqabbla ma’ dawk li ċerti operaturi kienu obbligati jixtru. Għalhekk, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ix-xiri kien jidher li sar minn entità li tista’ tiġi assimilata mal-Istat, abbażi tal-mandat mogħti lilha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, permezz tad-dħul li ġej minn komponent tariffarju mħallas għal dan l-għan mill-konsumaturi (41). Għaldaqstant, l-iskema nazzjonali inkwistjoni kienet timplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (42).
117. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ewwel mekkaniżmu stabbilit minn din l-iskema kien jiddeskrivi obbligu ta’ xiri ta’ kwota annwali ta’ elettriku ekoloġiku u, għaldaqstant, regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq. Madankollu, it-tieni mekkaniżmu kien imur lil hinn minn sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq peress li kien jimponi fuq korp pubbliku kkontrollat mill-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi x-xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi żejda miżmuma mill-produtturi nazzjonali permezz ta’ fondi ffinanzjati minn taxxa imposta fuq il-konsumaturi.
118. Bl-istess mod, iż-żieda fil-prezz KWKG f’dan il-każ ma tistax tiġi kkunsidrata, skont il-Kummissjoni, bħala leġiżlazzjoni tal-prezzijiet tas-suq minħabba li l-Istat Ġermaniż jobbliga lill-ġestjonarji ta’ network iħallsu lill-operaturi tal-impjanti CHP somma indipendenti minn kull tranżazzjoni kummerċjali bejn dawn iż-żewġ entitajiet.
119. Issa, jidhirli li huwa diffiċli li tiġi aċċettata t-teżi li, fis-sentenza Fallimento Esperia, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat kienet tiddependi mill-fatt li l-iskema inkwistjoni kienet tipprevedi obbligu ta’ ħlas dirett bħal dak deskritt fiż-żewġ punti preċedenti.
120. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-kriterju ġuridiku applikat, skont il-ġurisprudenza rilevanti, huwa dak tal-kontroll pubbliku. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammonti miġbura mill-produtturi nazzjonali minħabba l-bejgħ taċ-ċertifikati ekoloġiċi ma kinux sempliċement ir-riżultat ta’ ridistribuzzjoni finanzjarja li saret “minn entità privata waħda għal oħra” (43). Fil-fatt, il-vantaġġ li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni taċ-ċertifikati ekoloġiċi lill-produtturi nazzjonali tal-elettriku ekoloġiku kien iffinanzjat, tal-inqas parzjalment, minn tnaqqis tar-riżorsi taħt il-kontroll tal-Istat minħabba l-obbligu ta’ xiri taċ-ċertifikati ekoloġiċi żejda minn entità kkontrollata mill-Istat.
121. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinvoka b’mod utli l-ġurisprudenza dwar il-kunċetti ta’ “taxxa” jew ta’ “taxxa interna” fis-sens tal-Artikoli 30 u 110 TFUE attwali, b’mod partikolari s-sentenza Dubois u Général cargo services (44), insostenn tad-distinzjoni bejn obbligi ta’ xiri u obbligi ta’ ħlasijiet diretti. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula preċedentement f’dawn il-konklużjonijiet.
122. Bħala konklużjoni, inqis li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 101 sa 118 tas-sentenza appellata huwa ħieles minn kull żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-portata tas-sentenza PreussenElektra ma hijiex limitata għall-każijiet fejn l-Istat jintervjeni permezz tar-regolamentazzjoni tal-prezz tas-suq ta’ tranżazzjoni, iżda tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet li fihom l-Istat jimponi obbligu ta’ ħlas dirett, indipendenti minn kull relazzjoni kuntrattwali, bejn partijiet privati.
123. Madankollu nixtieq nippreċiża li jiena kompletament konxju mid-dibattitu dottrinali dwar il-portata tas-sentenza PreussenElektra (45). Ma naħsibx li interpretazzjoni wiesgħa ta’ din il-portata xi drabi twassal għal diskrepanza bejn ir-realtà ġuridika u r-realtà ekonomika li tista’ tidher mhux sodisfaċenti. F’dan ir-rigward, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, meta l-issodisfar tal-kundizzjoni ta’ “riżorsi tal-Istat” huwa suġġett għal rekwiżit doppju ta’ imputabbiltà u ta’ impenn tar-riżorsi tal-Istat, numru eċċessiv ta’ miżuri nazzjonali jispiċċa jaqa’ barra mill-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat (46).
124. Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ influwenza tal-Istat fil-libertà kummerċjali tal-impriżi. Anki jekk wieħed jista’ jaqbel ma’ dan l-approċċ, dan ma jidhirx li jista’ jiġi segwit f’dan il-każ. Fil-fatt, dan iwassal sabiex tiġi invokata bidla fil-paradigma fl-evalwazzjoni tan-natura statali jew le tat-trasferimenti ta’ riżorsi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Kif ippruvajt nuri f’dawn il-konklużjonijiet, il-kriterju ġuridiku applikat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċerna l-influwenza tal-Istat fuq il-ġestjoni tal-fondi privati, kif ukoll fuq id-destinazzjoni tagħhom, u mhux, lanqas ġenerikament, fuq il-libertà kummerċjali ta’ dawn l-impriżi. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li ebda żball ta’ liġi ma jista’ jiġi rrilevat fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 101 sa 118 tas-sentenza appellata.
125. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-aggravju uniku, fl-opinjoni tiegħi, għandha tiġi miċħuda.
126. Għalhekk nipproponi li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l‑ispejjeż
127. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
128. Skont l-Artikolu 138(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet talba f’dan is-sens u peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Konklużjoni
129. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) Tiċħad l-appell:
2) Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 C‑702/20 u C‑17/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza DOBELES HES”, EU:C:2023:1.
3 Sentenza DOBELES HES (punti 38, 39 u 42).
4 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza Essent”, EU:C:2008:413); tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), u tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (C‑850/19 P, iktar ’il quddiem is- “sentenza FVE Holýšov”, EU:C:2021:740).
5 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, (C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).
6 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza EEG 2012”, EU:C:2019:268, punt 50).
7 Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 1978, van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10); tat‑30 ta’ Novembru 1993, Kirsammer-Hack (C‑189/91, EU:C:1993:907), u tas‑7 ta’ Mejju 1998, Viscido et (C‑52/97 sa C‑54/97, EU:C:1998:209).
8 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14).
9 Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 41).
10 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37).
11 Sentenza PreussenElektra (punt 58).
12 Sentenza PreussenElektra (punt 59).
13 Ifformulat għall-ewwel darba fis-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71), dan il-kriterju ntuża b’mod kostanti mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851).
14 Punt 42 ta’ dik is-sentenza.
15 Punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata.
16 Punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata.
17 Sentenza Essent (punt 66).
18 Sentenza FVE Holýšov (punt 46).
19 Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/17, EU:T:2019:633). Ara, b’mod partikolari, l-aħħar sentenza tal-punt 119 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi: “[f’]din il-kawża, l-imposta [speċjali] hija b’mod obbligatorju imposta fuq il-konsumaturi finali u tikkostitwixxi għalhekk, essenzjalment, taxxa parafiskali”.
20 Sentenza DOBELES HESS (b’mod partikolari punti 36 u 37).
21 Il-punt 64 tas-sentenza appellata.
22 Sentenza EEG 2012 (punti 70 u 71).
23 Sentenza FVE Holýšov (punt 43).
24 Sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024 (C‑795/21 P u C‑796/21 P, EU:C:2024:807).
25 Sentenza WEPA Hygieneprodukte et vs Il‑Kummissjoni (C‑795/21 P u C‑796/21 P, EU:C:2024:807, punt 129).
26 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 1995, Dubois u Général cargo services (C‑16/94, EU:C:1995:268, punt 20).
27 Kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25).
28 Sentenza Essent (punti 67 sa 70).
29 Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, EU:C:2004:448), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348).
30 Il-punt 72 tas-sentenza appellata.
31 Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Prosegur Compañía de Seguridad vs Il‑Kummissjoni (C‑55/19 P, EU:C:2021:797, punti 94 u 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017 (C‑329/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza ENEA”, EU:C:2017:671).
33 Sentenza EEG 2012 (punt 3).
34 Kif innutat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 110 tas-sentenza appellata.
35 Sentenza ENEA (punti 8, 28 u 29).
36 Sentenza ENEA (punt 30).
37 Ara l-punt 107 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.
38 Enfasi miżjuda minni.
39 Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024 (C‑558/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fallimento Esperia”, EU:C:2024:209).
40 Sentenza Fallimento Esperia (punti 37 u 74).
41 Sentenza Fallimento Esperia (punti 75 u 77).
42 Sentenza Fallimento Esperia (punt 78).
43 Sentenza Fallimento Esperia (punt 74).
44 Sentenza tal‑11 ta’ Awwissu 1995 (C‑16/94, EU:C:1995:268).
45 Ara, b’mod partikolari, Rubini, L., The Definittion of Subsidy and State Aid: WTO and EC Law in Comparative Perspective, Oxford University Press, New York, 2009, p. 165; de Cecco, F., State Aid and the European Economic Constitution, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2013, b’mod partikolari p. 114 u 115, kif ukoll Werner., P. u Caramazza, M., “‘State’ Aid or Not – This Is The Question”, European State Aid Law Quarterly, Vol. 18, Nru 4, 2019, p. 525.
46 Madankollu, ma naħsibx li interpretazzjoni tas-sentenza PreussenElektra bħal dik li tirriżulta mis-sentenza appellata tista’ tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif issostni l-Kummissjoni fl-appell tagħha.