|
16.3.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
294 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2006 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE
tat-2 ta' Ġunju 2006
li tispeċifika l-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008-2013 u li timmodifika l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE rivedut
(2006/608/KE)
Il-KUNSILL TAL-MINISTRI TA' L-AKP-KE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù, fit-23 ta' Ġunju 2000 (1), kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2), (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE”), u b'mod partikolari l-paragrafu 3 ta' l-Anness Ia tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness Ia għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE dwar il-qafas finanzjarju pluriennali ta' kooperazzjoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għall-perijodu wara d-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jiddikjara li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm l-isforz ta' għajnuna tagħha lill-Istati ta' l-AKP taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE mill-inqas fl-istess livell ta' dak tad-disa’ FEŻ, waqt li żżid ukoll l-effetti ta' l-inflazzjoni, ta' l-iżvilupp fi ħdan l-Unjoni Ewropea u tat-tkabbir ta' għaxar Stati Membri ġodda fl-2004, iżda ma jispeċifikax il-perijodu eżatt kopert (ħames jew sitt snin), l-ammont jew l-istrument ta' finanzjament (il-baġit ġenerali jew il-FEŻ il-ġdid). |
|
(2) |
Fil-konklużjoni tan-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE fi Brussel fit-23 ta' Frar 2005, l-UE impenjat ruħha li tipproponi ammont preċiż kif ukoll il-perijodu ta' applikazzjoni mill-aktar fis possibbli. |
|
(3) |
Il-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 ddeċieda dwar il-perijodu eżatt li għandu jiġi kopert (sitt snin), l-ammont (EUR 22 682 miljun fi prezzijiet attwali) u l-istrument ta' finanzjament (l-għaxar FEŻ). |
|
(4) |
Il-Grupp ta' Stati ta' l-AKP għandu jibqa' eliġibbli għal riżorsi addizzjonali taħt strumenti finanzjarji oħra kif stabbilit fl-istrumenti rispettivi skond id-Dikjarazzjoni XV annessa għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. Meta l-Grupp ta' Stati ta' l-AKP permezz tal-FEŻ jikkontribwixxi għal inizjattivi internazzjonali jew inter-reġjonali mill-FEŻ, il-viżibbiltà ta' dan il-kontribut għandha tiġi żgurata, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-modifiki annessi għall-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, imniżżla fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma approvati mill-Kunsill tal-Ministri ta' l-AKP-KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tkun adottata.
Magħmula f'Port Moresby, fit-2 ta' Ġunju 2006.
Għall-Kunsill tal-Ministri ta' l-AKP-KE
Il-President
O. ROJAS
ANNESS
L-Anness li ġej għandu jiddaħħal fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE:
“ANNESS Ib
Qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008-2013
|
1. |
Għall-finijiet imniżżla f'dan il-Ftehim u għal perijodu li jibda fl-1 ta' Jannar 2008, l-ammont totali ta' l-assistenza finanzjarja Komunitarja għall-Grupp ta' Stati ta' l-AKP fi ħdan dan il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jkun ta' EUR 23 966 miljun, kif speċifikat fil-punti 2 u 3. |
|
2. |
Is-somma ta' EUR 21 966 miljun taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), għandha tkun magħmula disponibbli mad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju pluriennali. Hi għandha tiġi allokata bejn l-istrumenti ta' kooperazzjoni kif ġej:
|
|
3. |
L-operazzjonijiet finanzjati taħt il-Faċilità ta’ Investiment, inklużi s-sussidji għar-rati ta' l-imgħax li jikkorrispondu għalihom, għandhom jiġu ġestiti mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI). Ammont ta' mhux aktar minn EUR 2 000 miljun flimkien ma' l-għaxar FEŻ għandu jiġi magħmul disponibbli mill-BEI fil-forma ta' self mir-riżorsi proprji tiegħu. Dawn ir-riżorsi għandhom jingħataw għall-finijiet imniżżla fl-Anness II għal dan il-Ftehim, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatuti tal-BEI u d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-termini u l-kondizzjonijiet għall-finanzjament ta' l-investimenti f'dak l-Anness. Ir-riżorsi finanzjarji kollha l-oħra taħt dan il-qafas finanzjarju pluriennali għandhom jiġu amministrati mill-Kummissjoni. |
|
4. |
Wara l-31 ta' Diċembru 2007 jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-qafas finanzjarju pluriennali, skond liema jiġi l-aħħar, il-bilanċi mid-disa’ FEŻ jew minn FEŻ preċedenti u fondi diżimpenjati minn proġetti taħt dawn il-FEŻ m' għandhomx jibqgħu impenjati, sakemm il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ma jiddeċidiex mod ieħor b'mod unanimu, ħlief għal bilanċi u fondi diżimpenjati wara d-data tad-dħul fis-seħħ li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbiltà tad-dħul mill-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli primarji (STABEX) taħt il-FEŻ li ġew qabel id-disa’ FEŻ, u l-bilanċi u r-rimborżi ta' l-ammonti allokati għall-finanzjament tal-Faċilità ta' Investiment, minbarra s-sussidji relatati mar-rati ta' l-interessi. Il-fondi possibbilment impenjati wara l-31 ta' Diċembru 2007 sad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, kif imsemmi hawn fuq, se jintużaw esklussivament biex tiġi żgurata l-kapaċità ta' ħidma ta' l-amministrazzjoni ta' l-UE u biex ikopru l-ispejjeż li qed isiru għas-sostenn ta' proġetti li għaddejjin sakemm l-għaxar FEŻ jidħol fis-seħħ. |
|
5. |
L-ammont globali ta' dan il-qafas finanzjarju pluriennali għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-fondi ta' l-għaxar FEŻ, minbarra l-ammonti allokati lill-Faċiltà ta' Investiment, esklużi s-sussidji għar-rati ta' l-imgħax relatati, ma jistgħux ikunu impenjati aktar lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni. |
|
6. |
Il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi ta' l-AKP-KE, filwaqt li jaġixxi f'isem il-Kunsill tal-Ministri ta' l-AKP-KE, jista' jieħu l-miżuri adatti, fil-limiti ta' l-ammont globali tal-qafas finanzjarju pluriennali, sabiex jintlaħqu l-ħtiġiet tal-programmazzjoni taħt waħda mill-allokazzjonijiet previsti fil-punt 2, inkluż it-tqassim mill-ġdid ta' fondi bejn dawn l-allokazzjonijiet. |
|
7. |
Il-Partijiet se jwettqu reviżjoni ta' prestazzjoni, waqt li jivvalutaw il-livell ta' twettiq ta' impenji u ħlasijiet, kif ukoll ir-riżultati u l-impatt ta' l-għajnuna mogħtija. Ir-reviżjoni ser issir abbażi ta' proposta mħejjija mill-Kummissjoni fl-2010. Din ir-reviżjoni tal-prestazzjoni għandha tikkontribwixxi għal deċiżjoni dwar l-ammont tal-kooperazzjoni finanzjarja wara l-2013. |
|
8. |
Kwalunkwe Stat Membru jista' jipprovdi lill-Kummissjoni jew lill-BEI b'kontributi volontarji b' appoġġ għall-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE. L-Istati Membri jistgħu ukoll jikkofinanzjaw proġetti u programmi, per eżempju fil-qafas ta' inizjattivi speċifiċi li jiġi mmexxija mill-Kummissjoni jew mill-BEI. Għandha tiġi garantita l-appartenenza AKP fuq il-livell nazzjonali ta' tali inizjattivi”. |
DIKJARAZZJONIJIET
Dikjarazzjonijiet dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008-2013 maqbul fil-31 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-AKP-KE Port Moresby, Papua New Guinea l-1 u t-2 ta’ Ġunju 2006
1. Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE): Dikjarazzjoni ta’ l-UE:
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, bħala strumenti ta’ żvilupp, jimmiraw biex irawmu integrazzjoni armonjuża u gradwali ta’ l-Istati ta’ l-AKP fl-ekonomija dinjija, speċjalment billi jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta’ l-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar.
Il-Kummissjoni terġa' tikkonferma l-importanza ta’ aktar passi lejn integrazzjoni reġjonali koerenti u lejn riformi ta’ politika settorjali, u li l-ħtiġiet gradwali li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ l-FSE ser jiġu kkunsidrati fid-djalogu ta’ programmar ma' l-AKP dwar ir-reviżjoni ta’ l-aħħar tat-term tad-disa’ FEŻ u dwar ir-riżorsi ta’ l-għaxar FEŻ, li jkopri l-perijodu ta’ żmien wara d-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.
Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tfakkar fl-impenji tagħha biex iżżid sostanzjalment l-Għajnuna għall-Kummerċ (Aid for Trade) sa l-2010 flimkien mar-riżorsi tal-FEŻ.
2. Fondi Diżimpenjati: Dikjarazzjoni Komunitarja:
Abbażi tar-reviżjoni tal-prestazzjoni fl-2010 u ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ser jikkunsidra deċiżjoni b'unanimità dwar it-trasferiment ta’ kwalunkwe fondi diżimpenjati minn proġetti ta’ l-AKP ffinanzjati mid-disa’ FEŻ u minn dawk preċedenti għar-riżervi ta’ l-għaxar FEŻ. Minħabba l-objettivi importanti ta’ żvilupp segwiti mill-FSE, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, fil-konsiderazzjoni tiegħu, se jagħti attenzjoni wkoll lill-għoti ta’ aktar appoġġ lil spejjeż strutturali ta’ aġġustament u ħtiġijiet oħrajn ta’ żvilupp fl-implimentazzjoni tal-FSE.
3. Sussidji ta’ interess: Dikjarazzjoni Komunitarja:
Waqt li jagħraf l-ispejjeż għoljin ta’ adattament li l-pajjiżi tal-protokoll taz-zokkor qed jikkonfrontaw bħala riżultat tar-riformi taz-zokkor tal-KE, il-BĊE għandu jimpenja ruħu biex jidderieġi parti mir-riżorsi tal-faċilità ta’ l-investiment u tar-riżorsi proprji tiegħu lejn investimenti fis-settur taz-zokkor tal-pajjiżi tal-protokoll taz-zokkor ta’ l-AKP. Għandu jkun immobilizzat ammont ta’ 100 Miljun EUR fejn applikabbli u abbażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà mniżżlin fl-Anness II għall-Ftehim ta’ Kotonù mill-pakkett ta’ għotjiet għall-finanzjament tas-sussidji tar-rata ta’ interess previsti fil-paragrafu 2(ċ) ta’ l-Anness I(b) għall-Ftehim ta’ Kotonù.