52007PC0744




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.11.2007

KUMM(2007) 744 finali

2007/0258 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Provviżorju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Il-Proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Provviżorju bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, minn issa 'l quddiem imsejħa is-Serbja, min-naħa l-oħra[1].

2. Skond id-direttivi ta' negozjati adottati mill-Kunsill fit-3 ta' Ottubru 2005, kif emendati fl-24 ta' Lulju 2006, u wara sospensjoni ta' tliet xhur minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tas-Serbja mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja (ICTY), il-Kummissjoni fit-13 ta' Ġunju 2007 ikkonkludiet in-negozjati għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) mal-pajjiż. Il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill l-iffirmar u l-konklużjoni ta' l-SAA iżda se jidħol fis-seħħ biss wara r-ratifika sew tal-Komunità kif ukoll ta' l-Istati Membri kollha minn naħa, u s-Serbja fuq in-naħa l-oħra.

3. Sakemm isseħħ ir-ratifika ta' l-SAA, il-Kummissjoni, skond id-direttivi ta' negozjar u l-Artikolu 139 ta' l-SAA innifsu, qed tipproponi li tikkonkludi Ftehim Provviżorju ssabiex id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u dawk relatati mal-kummerċ ta' l-SAA jidħlu fis-seħħ kemm jista' jkun malajr wara l-iffirmar ta' l-SAA. Il-Kummissjoni nnegozjat it-test ta' Ftehim Provviżorju mas-Serbja, u inizjalatu fis-7 ta' Novembru 2007.

4. Il-konċessjonijiet kummerċjali l-aktar favorevoli mogħtija mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2000 tat-18 ta' Settembru 2000, li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali ta' eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2820/98, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1763/1999 u (KE) Nru 6/2000[2] se jkomplu japplikaw, biswit il-Ftehim Provviżorju.

5. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill, li meta l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu waslu għal reviżjoni konġunta pożittiva tal-kundizzjonalità politika[3], li japprovaw ir-riżultati tan-negozjati, u li jiffirmaw u jikkonkludu il-Ftehim Provviżorju f'isem il-Komunità Ewropea abbażi tal-proposta mehmuża.

2007/0258 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Provviżorju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2), u l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 300(3), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

Billi

(1) Sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, iffirmat fi ..............., jinħtieġ li jiġi approvat il-Ftehim Provviżorju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra.

(2) Id-dispożizzjonijiet kummerċjali li hemm fil-Ftehim huma ta' natura eċċezzjonali, marbuta mal-politika implimentata fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u m'huma se jikkostitwixxu, għall-Unjoni Ewropea, l-ebda preċedent fil-politika kummerċjali tal-Komunità fir-rigward ta' pajjiżi terzi diversi minn dawk tal-Balkani tal-Punent.

(3) dan il-Ftehim għandu għaldaqstant jiġi ffirmat u approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim Provviżorju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, l-Annessi u l-Protokolli annessi mal-Ftehim, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti u d-dikjarazzjoni mill-Komunità mehmuża ma' l-Att Finali huma b'dan approvati f'isem il-Komunità Ewropea.

2. It-testi msemmija fil-paragrafu 1 huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa, f'isem il-Komunità Ewropea, li jiffirmaw il-Ftehim u jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 59 tal-Ftehim.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Il-konklużjoni tal-Ftehim Provviżorju isseħħ bil-kundizzjoni li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li hu ppjanat li jsir fi Brussell fit-tieni jew fit-tielet kwart ta' l-2007. Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim Provviżorju jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, iż-żewġ proċeduri ġew imnedija biswit xulxin.

[2] ĠU L 240, 23.9.2000, p.1 Regolament kif l-aħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1946/2005 (ĠU L 312, 29.11.2005, p.1)

[3] 12589/05 u 12591/05 PESC