|
19.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/57 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/858
tat-18 ta’ Ġunju 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/732 rigward il-posponiment tal-applikazzjoni tiegħu
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/732 (2), it-turija tat-tqabbil tal-prezzijiet tal-fjuwil fl-istazzjonijiet tal-petrol għandhom iserrħu fuq kampjuni ta’ karozzi tal-passiġġiera li jistgħu jitqabblu, tal-anqas fid-dawl tal-piż u l-qawwa tagħhom. L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jużaw l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni, bħal għodod online, biex jipprovdu tagħrif dwar mudelli tal-vetturi li jeżistu fis-suq, u biex iżidu tagħrif ieħor. Għaldaqstant, it-turija ta’ ħolqa lejn sit web b’tagħrif aktar komplut jew addizzjonali tista’ tintuża bħala mezz komplementari mat-turija tat-tqabbil tal-prezzijiet tal-unità tal-fjuwil fl-istazzjonijiet tal-petrol. Jenħtieġ li dan ma jiħux post it-turija fl-istazzjon tal-petrol. |
|
(2) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeterminaw liema stazzjonijiet tal-petrol għandhom juru r-riżultati tat-tqabbil tal-prezzijiet tal-unità tal-fjuwils alternattivi, skont il-metodoloġija komuni stipulat fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/732. It-turija tat-tagħrif jenħtieġ li ssir b’mod li jiżgura informazzjoni adegwata lill-konsumatur, fost l-oħrajn permezz ta’ posters, panels jew monitors. L-installazzjoni tagħhom tirrikjedi xogħlijiet speċifiċi fl-istazzjonijiet tal-petrol. Is-soluzzjonijiet jenħtieġ li ma jkunux ta’ piż fuq intrapriżi żgħar u medji. |
|
(3) |
L-Unjoni stabbiliet Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm (PSA) fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, sabiex tgħin lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/94/UE, inkluż rakkomandazzjonijiet għal distribuzzjoni armonizzata tal-iskrins jew apparat ieħor tal-wiri. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet s’issa mhumiex disponibbli, billi l-implimentazzjoni tat-testijiet wiċċ imb wiċċ meħtieġa kellha tiġi posposta, għaliex l-aċċess għall-istazzjonijiet tal-petrol huwa limitat ħafna mindu bdew il-miżuri ta’ konfinament marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, wara talba mill-Istati Membri li jieħdu sehem fil-PSA, estendiet it-tul tiegħu permezz ta’ emenda tal-Ftehim ta’ Għotja rilevanti, sat-30 ta’ Settembru 2020. Dan se jimplika dewmien fit-twassil aħħari tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom jinħarġu mill-PSA lill-Istati Membri, għal implimentazzjoni armonizzata tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/94/UE. |
|
(4) |
L-Istati Membri fil-Kumitat dwar l-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi, fil-laqgħa tat-3 ta’ April 2020, innutaw li l-miżuri għall-ikkonfinar mit-tixtrid tal-COVID-19 jillimitaw il-possibbiltà li wieħed jaċċessa stazzjon tal-petrol. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li wieħed iwettaq ix-xogħlijiet meħtieġa biex l-istazzjonijiet tal-petrol jitgħammru bl-iskrins skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-PSA. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ posters, panels jew monitors tirrikjedi ħidma fiżika fl-istazzjonijiet tal-petrol, li tista’ twassal għal riskji ta’ sikurezza għall-klijenti u għall-ħaddiema, minħabba l-obbligu tat-tbegħid fiżiku. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri talbu l-posponiment tad-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/732. |
|
(5) |
Dawk il-limiti ma jippermettux l-armar tal-infrastruttura meħtieġa biex l-istazzjonijiet tal-petrol ikunu jistgħu jakkomodaw il-metodoloġija stipulata fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/732 fid-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2. Barra minn hekk, l-Istati Membri jaffaċċaw ukoll sfidi fil-ġbir tad-data rilevanti. Għal dawn ir-raġunijiet, id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/732 jenħtieġ li tkun posposta b’6 xhur, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu tajjeb għall-impatt negattiv tad-dewmien ikkaġunat mill-kriżi tal-COVID-19, fl-implimentazzjoni prattika tal-miżuri previsti f’dak ir-Regolament. |
|
(6) |
Biex jingħata sulliev minnufih fil-kriżi tal-COVID-19 li għadha għaddejja, u biex l-Istati Membri u kull parti kkonċernata jkunu jistgħu jadattaw l-ippjanar tagħhom skont l-emenda proposta, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/94/UE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/732, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għandu japplika mis-7 ta’ Diċembru 2020 ”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/732 tas-17 ta’ Mejju 2018 dwar metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta’ unitajiet ta’ karburanti alternattivi bi qbil mad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 123, 18.5.2018, p. 85).