|
12.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 15/218 |
P9_TA(2021)0262
Il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2021 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit (2021/2594(RSP))
(2022/C 15/23)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 16, 47 u 52 tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tas-16 ta' Lulju 2020 fil-kawża C-311/18, Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited u Maximillian Schrems (is-sentenza Schrems II) (1), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-kawża C-362/14, Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner (is-sentenza Schrems I) (2), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sentenza tal-QĠUE tas-6 ta' Ottubru 2020 fil-kawża C-623/17, Privacy International vs Secretary of State of Foreign and Commonwealth affairs (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-użu tad-data tal-utenti ta' Facebook minn Cambridge Analytica u l-impatt fuq il-protezzjoni tad-data (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar is-sentenza tal-QĠUE tas-16 ta' Lulju 2020 – Data Protection Commissioner vs Facebook Ireland Limited u Maximillian Schrems (“Schrems II”) – Kawża C-311/18 (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni tal-31 ta' Diċembru 2020 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2021 dwar l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (11) – (GDPR), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data (12) (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (13), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika (COM(2017)0010) u l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwarha adottata fl-20 ta' Ottubru 2017 (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), inkluża d-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2021 dwar ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika u r-rakkomandazzjonijiet 01/2020 tiegħu tal-10 ta' Novembru 2020 dwar miżuri li jissupplimentaw għodod ta' trasferiment biex tiġi żgurata l-konformità mal-livell tal-UE ta' protezzjoni tad-data personali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-referenzjal tal-adegwatezza adottat mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data fis-6 ta' Frar 2018 u approvat mill-EDPB, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet 01/2021 tal-EDPB tat-2 ta' Frar 2021 dwar ir-referenzjal tal-adegwatezza skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data, |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozzi tad-deċiżjonijiet ta' adegwatezza ppubblikati mill-Kummissjoni fid-19 ta' Frar 2021, waħda skont il-GDPR (15) u l-oħra skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Protezzjoni tad-Data (16), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet 14/2021 u 15/2021 tal-EDPB tat-13 ta' April 2021 dwar l-Abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont id-Direttiva (UE) 2016/680 dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali fir-Renju Unit, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll il-protokoll emendatorju tagħha (“Konvenzjoni 108+”) li r-Renju Unit jagħmel parti minnhom, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
A. |
billi l-kapaċità li d-data personali tiġi trasferita bejn il-fruntieri għandha l-potenzjal li tkun xprun ewlieni tal-innovazzjoni, il-produttività u l-kompetittività ekonomika, u hija ta' importanza kruċjali għal kooperazzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transfruntiera u serja kif ukoll fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li kulma jmur qed tiddependi dejjem aktar mill-iskambju tad-data personali; |
|
B. |
billi fis-sentenza tagħha Schrems I, il-QĠUE indikat li l-aċċess indiskriminat mill-awtoritajiet tal-intelligence għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jikser l-essenza tad-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 7 tal-Karta, u li l-Istati Uniti ma jipprovdux biżżejjed rimedji legali għal persuni li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti kontra s-sorveljanza tal-massa, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta; |
|
C. |
billi r-Renju Unit tradizzjonalment kien sieħeb kummerċjali importanti ta' ħafna Stati Membri tal-UE kif ukoll alleat mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà; billi l-UE u r-Renju Unit għandhom iżommu din il-kooperazzjoni mill-qrib minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE peress li dan se jkun ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat; |
|
D. |
billi l-impriżi Ewropej jeħtieġu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tad-dritt peress li l-kapaċità li d-data personali tiġi trasferita minn naħa għall-oħra tal-fruntieri saret importanti ħafna għat-tipi kollha ta' kumpaniji li jipprovdu oġġetti u servizzi fuq livell internazzjonali; billi deċiżjoni ta' adegwatezza rigward ir-Renju Unit skont il-GDPR hija ta' importanza mill-akbar peress li ħafna impriżi Ewropej jagħmlu kummerċ man-naħa l-oħra tal-Kanal Ingliż, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-Brexit għadu reċenti ħafna u l-flussi tad-data fl-Unjoni ma ġewx soġġetti għal restrizzjonijiet; billi n-nuqqas ta' adozzjoni ta' qafas ta' adegwatezza robust jirriskja li jkun hemm interruzzjonijiet fit-trasferimenti kummerċjali transfruntiera tad-data personali bejn l-UE u r-Renju Unit kif ukoll spejjeż għoljin ta' konformità; |
|
E. |
billi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jinkludi għadd ta' salvagwardji u kundizzjonijiet għall-iskambju ta' data personali rilevanti fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi; billi n-negozjati dwar il-flussi tad-data personali saru b'mod parallel man-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni iżda ma ġewx iffinalizzati sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni fil-31 ta' Diċembru 2020; billi “klawżola passerelle” ġiet inkluża fit-TCA bħala soluzzjoni provviżorja, dment li r-Renju Unit jimpenja ruħu li ma jibdilx ir-reġim attwali tiegħu rigward il-protezzjoni tad-data, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-flussi tad-data personali bejn ir-Renju Unit u l-UE sakemm tiġi adottata deċiżjoni ta' adegwatezza; billi l-perjodu inizjali ta' erba' xhur ġie prorogat u se jiskadi fl-aħħar ta' Ġunju 2021; |
|
F. |
billi l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni qabel ma ppreżentat l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha ma kinitx kompluta u kienet inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-QĠUE għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza, u dan ġie enfasizzat mill-EDPB fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-adegwatezza, fejn jagħti parir lill-Kummissjoni biex tkompli tivvaluta aspetti speċifiċi tal-liġi u l-prattika tar-Renju Unit relatati mal-ġbir fuq skala kbira, l-iżvelar barra mill-pajjiż u ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-intelligence, użu addizzjonali tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-indipendenza tal-kummissarji ġudizzjarji; |
|
G. |
billi ċerti aspetti tal-liġi u/jew tal-prattika tar-Renju Unit ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni, u dan wassal għal abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li huma inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni; billi l-Artikolu 45 tal-GDPR jgħid li “meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont, b'mod partikolari ta'… il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data personali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, ir-regoli professjonali u l-miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra li jkun hemm konformità magħhom f'dak il-pajjiż jew l-organizzazzjoni internazzjonali, preċedenti ta' ġurisprudenza”, u li “l-impenji internazzjonali li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata tkun daħlet għalihom, jew obbligi oħrajn li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mis-sehem tagħha f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari b'rabta mal-protezzjoni ta' data personali”, li jinkludu ftehimiet internazzjonali f'oqsma oħra li jinvolvu aċċess għad-data jew kondiviżjoni jew ta' informazzjoni, u għalhekk jirrikjedu valutazzjoni ta' dawn il-ftehimiet internazzjonali; |
|
H. |
billi l-QĠUE ddikjarat b'mod ċar fis-sentenza Schrems I tagħha li “fil-kuntest tal-eżami tal-livell ta' protezzjoni offrut minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dan il-pajjiż li jirriżultaw mil-liġi domestika tiegħu jew mill-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom kif ukoll il-prattiki intiżi li jiżguraw l-osservanza ta' dawn ir-regoli, sa fejn din l-istituzzjoni għandha, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati ma' trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz” (paragrafu 75); |
|
I. |
billi l-attivitajiet tas-servizzi ta' intelligence u l-kondiviżjoni ma' pajjiżi terzi huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont it-Trattati f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istati Membri, billi dawn huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-adegwatezza meħtieġa tal-livell ta' data personali offruta minn pajjiżi terzi, kif ikkonfermat mill-QĠUE fis-sentenzi Schrems I u II; |
|
J. |
billi l-istandards tal-protezzjoni tad-data jiddependu mhux biss fuq il-leġiżlazzjoni stabbilita, iżda wkoll fuq l-applikazzjoni ta' dawk il-liġijiet fil-prattika, u billi l-Kummissjoni vvalutat biss il-leġiżlazzjoni, mhux l-applikazzjoni attwali fil-prattika, meta kienet qed tħejji d-deċiżjoni tagħha; |
|
K. |
billi l-Kummissjoni bħalissa tirrikonoxxi lil 12-il pajjiż terz bħala li pajjiżi li jipprovdu protezzjoni adegwata skont il-GDPR u reċentement ikkonkludiet taħditiet mar-Repubblika tal-Korea f'dan ir-rigward; billi r-Renju Unit huwa l-ewwel pajjiż li lilu l-Kummissjoni tipproponi li tagħti l-adegwatezza skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi; |
|
L. |
billi l-każ tar-Renju Unit huwa differenti mill-valutazzjonijiet tal-adegwatezza preċedenti kollha peress li jikkonċerna Stat Membru preċedenti tal-UE li inkorpora d-dispożizzjonijiet tal-GDPR fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u barra minn hekk ippreveda li l- leġiżlazzjoni nazzjonali derivata mill-UE kollha, inkluża l-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, se tkompli tapplika wara tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni; |
I. REGOLAMENT ĠENERALI DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA
Osservazzjonijiet ġenerali
|
1. |
Jinnota li r-Renju Unit huwa firmatarju tal-KEDB u tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali; jistenna li r-Renju Unit jiżgura l-istess qafas minimu ta' protezzjoni tad-data, minkejja li ħareġ mill-Unjoni Ewropea; |
|
2. |
Jilqa' l-impenn tar-Renju Unit li jirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li jipproteġi u jagħti effett domestiku lid-drittijiet fundamentali bħal dawk stabbiliti fil-KEDB, inklużi livelli għoljin ta' protezzjoni tad-data; ifakkar li din hija prekundizzjoni meħtieġa għall-kooperazzjoni tal-UE mar-Renju Unit; ifakkar li minkejja l-Artikolu 8 tal-KEDB dwar id-dritt għall-privatezza li huwa parti mil-liġi domestika tar-Renju Unit permezz tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998 u l-liġi komuni permezz tad-dannu l-ġdid tal-użu ħażin tal-informazzjoni dwar il-privatezza, l-isforzi biex jiġi inkluż dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ġew irrifjutati mill-gvern; |
|
3. |
Jindika li l-UE għażlet approċċ iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-governanza tad-data fl-iżvilupp ta' regoli sodi dwar il-protezzjoni tad-data skont il-GDPR, u għalhekk huwa mħasseb serjament dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-Prim Ministru tar-Renju Unit li jiddikjaraw li r-Renju Unit se jfittex li jiddevja mir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u jistabbilixxi l-kontrolli “sovrani” tiegħu stess f'dan il-qasam; iqis li l-istrateġija nazzjonali dwar id-data tar-Renju Unit tal-2020 tirrappreżenta bidla mill-protezzjoni tad-data personali lejn użu usa' u kondiviżjoni tad-data li hija inkompatibbli mal-prinċipji tal-ġustizzja, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-iskop skont il-GDPR; jinnota li fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-adegwatezza, l-EDPB enfasizza li dan jista' jwassal għal riskji possibbli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-UE; |
|
4. |
Jindika li deċiżjonijiet ta' adegwatezza validi jikkontribwixxu bil-kbir għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi u ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji; jisħaq, madankollu, li deċiżjonijiet ta' adegwatezza bbażati fuq valutazzjonijiet mhux kompluti u mingħajr infurzar xieraq mill-Kummissjoni jista' jkollhom l-effett oppost jekk jiġu kkontestati fil-qorti; |
|
5. |
Jindika li l-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni qabel ma ppreżentat l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha ma kinitx kompluta u kienet inkonsistenti mar-rekwiżiti tal-QĠUE għall-valutazzjonijiet tal-adegwatezza, u dan ġie enfasizzat mill-EDPB fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-adegwatezza, fejn jagħti parir lill-Kummissjoni biex tkompli tivvaluta aspetti speċifiċi tal-liġi u l-prattika tar-Renju Unit relatati mal-ġbir fuq skala kbira, l-iżvelar barra mill-pajjiż u ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-intelligence, użu addizzjonali tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-indipendenza tal-kummissarji ġudizzjarji; |
Infurzar tal-GDPR
|
6. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' infurzar u xi drabi ineżistenti tal-GDPR mir-Renju Unit meta kien għadu membru tal-UE; jindika, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' infurzar xieraq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni (ICO) tar-Renju Unit fil-passat; jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju tal-għeluq ta' lment mill-ICO dwar teknoloġija tar-reklamar (ad tech) wara li organizza żewġ avvenimenti mal-partijiet interessati, kiteb rapport (ir-“Rapport ta' Aġġornament dwar it-Teknoloġija tar-Reklamar”) u ddikjara li “l-industrija tat-teknoloġija tar-reklamar tidher immatura fil-fehim tagħha tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data”, mingħajr ma uża l-ebda setgħa ta' infurzar tiegħu (17); huwa mħasseb dwar il-fatt li n-nuqqas ta' infurzar huwa problema strutturali, kif stabbilit fil-politika ta' azzjoni regolatorja tal-ICO, li tiddikjara b'mod espliċitu li “fil-maġġoranza tal-każijiet aħna se nirriżervaw is-setgħat tagħna għall-aktar każijiet serji, li jirrappreżentaw l-aktar każijiet ta' ksur serji tal-obbligi tad-drittijiet tal-informazzjoni. Dawn jinvolvu tipikament atti volontarji, intenzjonati jew negliġenti, jew ksur ripetut ta' obbligi tad-drittijiet tal-informazzjoni, li jikkawżaw dannu jew ħsara lill-individwi”; jissottolinja li fil-prattika, dan ifisser li għalhekk, għadd kbir ta' każijiet ta' ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data fir-Renju Unit ma ġewx rimedjati; |
|
7. |
Jieħu nota tal-istrateġija nazzjonali dwar id-data tar-Renju Unit, kif aġġornata fid-9 ta' Diċembru 2020, li tissuġġerixxi li se jkun hemm bidla mill-protezzjoni tad-data personali lejn użu u kondiviżjoni tad-data akbar u usa'; jindika li pożizzjoni li “iż-żamma tad-data jista' jkollha impatt negattiv fuq is-soċjetà”, kif indikat fl-istrateġija, mhijiex kompatibbli mal-prinċipji tal-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-iskop skont il-GDPR u l-liġi primarja; |
|
8. |
Jieħu nota li l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fl-2004 (18) u l-Kumitat għall-Affarijiet Pubbliċi tal-Parlament tar-Renju Unit fl-2014 (19) irrakkomandaw li tiġi żgurata l-indipendenza tal-ICO billi jsir uffiċjal tal-parlament li jirrapporta lill-parlament minflok ma jkompli jinħatar mill-Ministru għall-Midja Diġitali u l-Isport; jesprimi dispjaċir għall-fatt li din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx segwita; |
L-ipproċessar tad-data għall-kontroll tal-immigrazzjoni
|
9. |
Jinnota li l-liġi tar-Renju Unit dwar il-protezzjoni tad-data fiha deroga minn ċerti aspetti tad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tad-data, bħad-dritt ta' aċċess u d-dritt ta' suġġett tad-data li jkun jaf ma' min tkun ġiet kondiviża d-data tiegħu, jekk tali protezzjoni “tippreġudika l-kontroll effettiv tal-immigrazzjoni”; jissottolinja li l-monitoraġġ u l-konformità tal-użu tal-eżenzjoni jridu jitwettqu f'konformità mal-istandards meħtieġa fir-referenzjal tal-adegwatezza li jirrikjedu kunsiderazzjoni tal-prattika kif ukoll il-prinċipju billi jiġi indikat li “huwa meħtieġ li jitqies mhux biss il-kontenut tar-regoli applikabbli għad-data personali trasferita lil pajjiż terz … iżda wkoll is-sistema fis-seħħ biex tiġi żgurata l-effettività ta' dawn ir-regoli”; jirrikonoxxi li din l-eżenzjoni, li hija disponibbli għall-kontrolluri kollha tad-data fir-Renju Unit, ġiet approvata mill-ICO u minn qorti, u tista' tiġi invokata biss fuq bażi ta' każ b'każ u applikata b'mod meħtieġ u proporzjonat; ifakkar fl-informazzjoni li ġiet żvelata dan l-aħħar skont liema saru 17 780 talba għall-aċċess fir-rigward ta' data pproċessata mill-Home Office (Ministeru tal-Intern) bejn l-1 ta' April 2018 u l-31 ta' Marzu 2019 li jikkonċernaw 146,75 miljun suġġett tad-data u li l-eżenzjoni mill-immigrazzjoni ntużat f'aktar minn 70 % tat-talbiet tas-suġġetti tad-data lill-Home Office fl-2020 (20); jisħaq li anke f'dawk il-każijiet li fihom il-Home Office għamel użu mid-deroga, l-aċċess għall-informazzjoni ma kienx totalment miċħud iżda ristrett għal dokumenti li ġew redatti; |
|
10. |
Jinnota li din l-eżenzjoni issa tapplika għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu jew li qed jippjanaw li jirrisjedu fir-Renju Unit; huwa mħasseb ħafna li l-eżenzjoni tneħħi l-opportunitajiet ewlenin għall-obbligu ta' rendikont u r-rimedji, u jissottolinja li dan mhuwiex livell adegwat ta' protezzjoni; |
|
11. |
Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar eċċezzjoni għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fil-politika dwar l-immigrazzjoni tar-Renju Unit; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-eżenzjoni għall-ipproċessar tad-data personali għal skopijiet ta' immigrazzjoni fl-Att tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data teħtieġ li tiġi emendata qabel ma tkun tista' tinħareġ deċiżjoni valida dwar l-adegwatezza, kif ġie espress ripetutament, inkluż fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għal negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq (21) u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-5 ta' Frar 2021 (22); jistieden lill-Kummissjoni tfittex it-tneħħija tal-eżenzjoni tal-immigrazzjoni, jew tiżgura li tiġi riformata sabiex l-eżenzjoni u l-użu tagħha jipprovdu biżżejjed salvagwardji għas-suġġetti tad-data u ma jiksrux l-istandards mistennija minn pajjiż terz; |
Sorveljanza tal-massa
|
12. |
Ifakkar fir-rivelazzjonijiet tas-sorveljanza tal-massa mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit, kif żvelati mill-informatur Edward Snowden; ifakkar li l-programm tar-Renju Unit “Tempora” immexxi mill-Kwartieri Ġenerali tal-Komunikazzjonijiet tal-Gvern (GCHQ) jinterċetta komunikazzjonijiet f'ħin reali permezz ta' kejbils ewlenin tal-internet tal-fibra ottika, u jirreġistra d-data sabiex tkun tista' tiġi pproċessata u analizzata aktar tard; ifakkar li din is-sorveljanza tal-massa tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet u l-metadata sseħħ irrispettivament minn jekk hemmx xi suspett speċifiku jew xi data mmirata; |
|
13. |
Ifakkar li fis-sentenzi Schrems I u Schrems II, il-QĠUE sostniet li l-aċċess tal-massa għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet privati jolqot l-essenza tad-dritt għall-privatezza, u li f'każijiet bħal dawn, test tan-neċessità u tal-proporzjonalità ma għadux meħtieġ; jissottolinja li dawn il-prinċipji japplikaw għat-trasferimenti ta' data lejn pajjiżi terzi oħra għajr l-Istati Uniti, inkluż ir-Renju Unit; |
|
14. |
Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014, li sabet li l-programmi ta' sorveljanza tal-massa indiskriminati u mhux ibbażati fuq suspetti mwettqa mill-aġenzija tal-intelligence tar-Renju Unit, GCHQ, huma inkompatibbli mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità f'soċjetà demokratika u mhumiex adegwati skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jirrikonoxxi li minn dak iż-żmien ir-Renju Unit irriforma b'mod sinifikanti l-liġijiet ta' sorveljanza tiegħu u introduċa salvagwardji li jmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fis-sentenza tagħha “Schrems II” (23) u s-salvagwardji previsti fil-liġijiet ta' sorveljanza tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; jilqa' b'mod partikolari l-għoti ta' aċċess sħiħ għal rimedju ġudizzjarju effettiv; ifakkar li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza laqa' s-salvagwardji b'saħħithom introdotti bl-Att dwar is-Setgħat Investigattivi (IPA) tal-2016 f'termini ta' neċessità, proporzjonalità u awtorizzazzjoni indipendenti minn korp ġudizzjarju; |
|
15. |
Ifakkar li f'Settembru 2018, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat li l-programmi tar-Renju Unit dwar l-interċettazzjoni u ż-żamma tad-data tal-massa, inkluż Tempora, kienu “illegali u inkompatibbli mal-kundizzjonijiet meħtieġa għal soċjetà demokratika” (24); |
|
16. |
Iqis li huwa inaċċettabbli li l-abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza jonqsu milli jqisu n-nuqqas ta' limitazzjonijiet fuq l-użu tas-setgħat ta' data fuq skala kbira tar-Renju Unit, jew l-użu reali ta' operazzjonijiet ta' sorveljanza bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti kif esposti minn Edward Snowden, inklużi l-fatti li:
jindika li barra minn hekk, fir-rigward tal-Istati Uniti, iċ-ċittadini tar-Renju Unit huma soġġetti għal xi salvagwardji informali bejn il-GCHQ u l-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali (NSA); jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li dawn is-salvagwardji ma jipproteġux liċ-ċittadini jew lir-residenti tal-UE li d-data tagħhom tista' tkun soġġetta għal trasferimenti ulterjuri u għall-kondiviżjoni mal-NSA; |
|
17. |
Jistieden lill-Istati Membri jidħlu fi ftehimiet kontra l-ispjunaġġ mar-Renju Unit u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-iskambji tagħha mal-kontropartijiet tar-Renju Unit tagħha biex twassal il-messaġġ li, jekk il-liġijiet u l-prattiki ta' sorveljanza tar-Renju Unit ma jiġux emendati, l-unika għażla fattibbli biex jiġu ffaċilitati d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza tkun il-konklużjoni ta' ftehimiet “kontra l-ispjunaġġ” mal-Istati Membri; |
Trasferimenti ulterjuri
|
18. |
Jissottolinja bil-qawwa l-fatt li l-European Union (Withdrawal) Act 2018 jipprevedi li l-ġurisprudenza tal-QĠUE ġġenerata qabel tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni se ssir “liġi tal-UE miżmuma” u għalhekk legalment vinkolanti għar-Renju Unit; jindika li r-Renju Unit huwa marbut bil-prinċipji u l-kundizzjonijiet definiti fis-sentenzi Schrems I u Schrems II tal-QĠUE meta jivvaluta l-adegwatezza ta' pajjiżi terzi oħra; huwa mħasseb li l-qrati tar-Renju Unit madankollu mhux se jibqgħu japplikaw il-Karta; jindika li r-Renju Unit mhuwiex aktar taħt il-ġuriżdizzjoni tal-QĠUE, li hija l-ogħla qorti li tista' tinterpreta l-Karta; |
|
19. |
Jindika li r-regoli tar-Renju Unit dwar il-kondiviżjoni tad-data personali skont l-Att dwar l-Ekonomija Diġitali tal-2017 u dwar it-trasferimenti ulterjuri tad-data tar-riċerka huma bla dubju mhux “essenzjalment ekwivalenti” għar-regoli stabbiliti fil-GDPR, kif interpretati mill-QĠUE; |
|
20. |
Huwa mħasseb li r-Renju Unit ta lilu nnifsu d-dritt li jiddikjara li pajjiżi jew territorji terzi oħra jipprovdu protezzjoni tad-data adegwata, irrispettivament minn jekk il-pajjiż terz jew it-territorju inkwistjoni jkunx ġie meqjus li jipprovdi tali protezzjoni mill-UE; ifakkar li r-Renju Unit diġà ddikjara li Ġibiltà tipprovdi tali protezzjoni minkejja li l-UE ma għamlitx dan; huwa mħasseb ħafna li status ta' adegwatezza tar-Renju Unit iwassal għalhekk biex jiġu evitati r-regoli tal-UE dwar it-trasferimenti lejn pajjiżi jew territorji li ma jitqisux adegwati skont il-liġi tal-Unjoni; |
|
21. |
Jieħu nota li fl-1 ta' Frar 2021, ir-Renju Unit bagħat talba biex jissieħeb fil-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTTP), b'mod partikolari biex “jibbenefika minn regoli moderni dwar il-kummerċ diġitali li jippermettu li d-data tgħaddi liberament bejn il-membri, jitneħħew l-ostakli bla bżonn għan-negozji [eċċ.]”; jinnota bi tħassib li hemm 11-il membru tas-CPTTP, li tmienja minnhom ma għandhomx deċiżjoni ta' adegwatezza mill-UE; huwa mħasseb ħafna dwar trasferimenti ulterjuri potenzjali ta' data personali miċ-ċittadini u mir-residenti tal-UE lejn dawn il-pajjiżi jekk ir-Renju Unit jingħata deċiżjoni ta' adegwatezza (26); |
|
22. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ma vvalutatx l-impatt u r-riskji potenzjali tal-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika Komprensiva, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-data personali u dwar il-livell tal-protezzjoni tad-data; |
|
23. |
Huwa mħasseb li jekk ir-Renju Unit jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti tad-data fi kwalunkwe ftehimiet kummerċjali futuri, fost l-oħrajn ftehimiet kummerċjali bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit, il-livell ta' protezzjoni offrut mill-GDPR jiġi mminat; |
II. DIRETTIVA DWAR L-INFURZAR TAL-LIĠI GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA
|
24. |
Jenfasizza li r-Renju Unit huwa l-ewwel pajjiż li għalih il-Kummissjoni ssuġġeriet l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont id-Direttiva (UE) 2016/680; |
|
25. |
Jinnota l-ftehim tar-Renju Unit dwar l-aċċess transfruntier għad-data mal-Istati Uniti (27) skont il-CLOUD Act tal-Istati Uniti, li jiffaċilita t-trasferimenti għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi; huwa mħasseb serjament li dan se jippermetti aċċess bla bżonn għad-data personali taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; jikkondividi t-tħassib tal-EDPB li s-salvagwardji previsti skont il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti (28) applikati fuq bażi mutatis mutandis jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji ta' regoli ċari, preċiżi u aċċessibbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għad-data personali, jew jistgħu ma jkunux jinkorporaw biżżejjed tali salvagwardji sabiex ikunu effettivi u azzjonabbli skont il-liġi tar-Renju Unit; |
|
26. |
Ifakkar li s-sentenza C-623/17 tal-QĠUE trid tiġi interpretata bħala li teskludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil awtorità tal-Istat teżiġi li l-fornituri tas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika jwettqu t-trażmissjoni ġenerali u indiskriminata tad-data dwar it-traffiku u d-data ta' lokalizzazzjoni lill-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelligence tal-Istat bil-għan li tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali; |
|
27. |
Jinnota li f'dan il-każ, il-QĠUE ddeċidiet li l-ġbir ta' data fuq skala kbira mwettaq fir-Renju Unit skont l-Att tal-2000 dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Setgħat Investigattivi kien illegali; jindika li minn dak iż-żmien ir-regolament ġie ssostitwit bl-Att dwar is-Setgħat Investigattivi (l-IPA 2016) sabiex jissaħħu l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità; jissottolinja li l-IPA 2016 jagħmel l-interċettazzjoni soġġetta għas-sorveljanza ġudizzjarja u jagħti s-setgħa lill-individwi biex jaċċessaw id-data tagħhom u jressqu lmenti quddiem it-tribunal tas-setgħat investigattivi; jiddeplora, madankollu, il-fatt li l-IPA 2016 ikompli jippermetti l-prattika taż-żamma ta' data fuq skala kbira; |
|
28. |
Huwa mħasseb dwar rapporti reċenti li skema ta' ġbir u żamma tad-data tal-massa hija parti minn proċess mill-Uffiċċju tal-Intern tar-Renju Unit imwettaq skont l-IPA 2016; |
|
29. |
Ifakkar li fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020, il-Parlament Ewropew saħaq li r-“Renju Unit ma jistax ikollu aċċess dirett għal data tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE jew jipparteċipa fl-istrutturi ta' ġestjoni tal-aġenziji tal-UE fl-ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, filwaqt li kwalunkwe qsim ta' informazzjoni li tinkludi data personali mar-Renju Unit għandu jkun soġġett għal salvagwardji, awditjar u kundizzjonijiet ta' sorveljanza stretti, inkluż livell ekwivalenti ta' protezzjoni tad-data personali għal dak previst mil-liġi tal-UE”; jieħu nota tan-nuqqasijiet identifikati fil-mod kif ir-Renju Unit implimenta l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data waqt li kien għadu membru tal-UE; ifakkar li r-Renju Unit kien qed jirreġistra u jżomm kopja tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS); jistenna li l-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi tar-Renju Unit jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli applikabbli meta jiskambjaw data personali fil-futur; ifakkar li r-Renju Unit iżomm aċċess għal xi bażijiet tad-data tal-infurzar tad-dritt tal-Unjoni biss fuq bażi ta' hit/no hit u huwa legalment eskluż milli jkollu aċċess għas-SIS; |
|
30. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rivelazzjoni ta' Jannar 2021 li 400 000 rekord kriminali ġew imħassra aċċidentalment mill-Kompjuter Nazzjonali tal-Pulizija tar-Renju Unit; jisħaq li dan ma jispirax fiduċja fl-isforzi tar-Renju Unit għall-protezzjoni tad-data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi; |
|
31. |
Jinnota li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza jivvaluta b'mod approfondit id-drittijiet ta' kull awtorità tar-Renju Unit mogħtija s-setgħa mid-dritt nazzjonali li tinterċetta u żżomm data personali għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li r-rapporti dettaljati ta' sorveljanza dwar l-awtoritajiet inkarigati mill-komunità tal-intelligence jipprovdu informazzjoni dwar il-prattiki ta' sorveljanza reali tar-Renju Unit; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta u timmonitorja t-tipi ta' data ta' komunikazzjoni li jaqgħu taħt is-setgħat ta' żamma tad-data u ta' interċettazzjoni legali tar-Renju Unit; |
|
32. |
Jindika li l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (TCA) bejn l-UE u r-Renju Unit jinkludi titoli dwar l-iskambju tad-DNA, tal-marki tas-swaba' u tad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni operazzjonali u l-kooperazzjoni mal-Europol u mal-Eurojust, li se japplikaw irrispettivament mid-deċiżjoni ta' adegwatezza; ifakkar, madankollu, fit-tħassib espress fl-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ta' Frar 2021 dwar it-TCA rigward l-użu speċjali u ż-żamma itwal ta' data personali mogħtija lir-Renju Unit skont it-titoli ta' Prüm u tal-PNR tat-TCA, li mhumiex konformi mal-użi u ż-żamma mill-Istati Membri; ifakkar fid-dritt li titressaq azzjoni quddiem il-QĠUE sabiex issir verifika tal-legalità tal-ftehim internazzjonali propost u, b'mod partikolari, tal-kompatibbiltà tiegħu mal-protezzjoni ta' dritt fundamentali (29); |
Konklużjonijiet
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura lin-negozji tal-UE li d-deċiżjoni ta' adegwatezza se tipprovdi bażi ġuridika soda, suffiċjenti u orjentata lejn il-futur għat-trasferimenti tad-data; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li din id-deċiżjoni ta' adegwatezza titqies aċċettabbli jekk tiġi rieżaminata mill-QĠUE u jisħaq li għalhekk ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fl-opinjoni tal-EDPB għandhom jiġu adottati; |
|
34. |
Jilqa' l-fatt li d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza se japplikaw biss għal erba' snin peress li r-Renju Unit jaf jagħżel li jemenda l-leġiżlazzjoni soġġetta għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-Kummissjoni issa li m'għadux Stat Membru tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex sadanittant tibqa' timmonitorja l-livell ta' protezzjoni tad-data fir-Renju Unit fil-liġi u fil-prattika u twettaq valutazzjoni approfondita qabel ma ġġedded id-deċiżjoni ta' adegwatezza fl-2025; |
|
35. |
Huwa tal-fehma li bl-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li mhumiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jiġi indirizzat it-tħassib kollu espress f'din ir-riżoluzzjoni, il-Kummissjoni qed tmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lilha bir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680; joġġezzjona għalhekk għaż-żewġ atti ta' implimentazzjoni fuq il-bażi li l-abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni mhumiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni; |
|
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni temenda ż-żewġ abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni bil-għan li tagħmilhom kompletament konsistenti mal-liġi u l-ġurisprudenza tal-UE; |
|
37. |
Jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data jissospendu t-trasferiment ta' data personali, li tista' tkun soġġetta għal aċċess indiskriminat mill-awtoritajiet tal-intelligence tar-Renju Unit jekk il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjonijiet ta' adegwatezza tagħha b'relazzjoni mar-Renju Unit qabel ma r-Renju Unit isolvi l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq; |
|
38. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex jistabbilixxu pjan ta' azzjoni sabiex jindirizzaw malajr kemm jista' jkun id-defiċjenzi identifikati fl-opinjonijiet tal-EDPB u kwistjonijiet pendenti oħra fil-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, li trid tkun prekundizzjoni għad-deċiżjoni ta' adegwatezza finali; |
|
39. |
Jistieden lill-Kummissjoni tibqa' timmonitorja mill-qrib il-livell ta' protezzjoni tad-data kif ukoll il-liġijiet u l-prattiki dwar is-sorveljanza tal-massa fir-Renju Unit; jindika li hemm possibbiltajiet legali oħra għat-trasferimenti ta' data personali lejn ir-Renju Unit fil-Kapitolu V tal-GDPR; ifakkar li f'konformità mal-linji gwida tal-EDPB, it-trasferimenti li jiddependu minn derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 49 tal-GDPR iridu jkunu eċċezzjonali; |
|
40. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni injorat it-talbiet tal-Parlament biex tissospendi t-Tarka tal-Privatezza sakemm l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkonformaw mat-termini tagħha, iżda minflok dejjem ippreferiet li “timmonitorja s-sitwazzjoni” mingħajr l-ebda riżultat konkret f'termini ta' protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini individwali u ċertezza tad-dritt għan-negozji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni titgħallem min-nuqqasijiet tagħha fil-passat biex tagħti widen għat-talbiet tal-Parlament u tal-esperti fir-rigward tal-konklużjoni u l-monitoraġġ ta' deċiżjonijiet ta' adegwatezza tal-passat, u biex ma tħallix l-infurzar xieraq tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data f'idejn il-QĠUE wara lmenti minn ċittadini individwali; |
|
41. |
Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-liġi u l-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data fir-Renju Unit, tinforma immedjatament lill-Parlament u tikkonsulta miegħu dwar kwalunkwe bidla futura fir-reġim ta' protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, u li l-Parlament ikollu rwol ta' skrutinju fil-qafas istituzzjonali l-ġdid, inkluż għal korpi rilevanti bħall-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja; |
o
o o
|
42. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-president tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Gvern tar-Renju Unit. |
(1) ECLI:EU:C:2020:559.
(2) ECLI:EU:C:2015:650.
(3) ECLI:EU:C:2020:790.
(4) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 104.
(5) ĠU C 118, 8.4.2020, p. 133.
(6) ĠU C 345, 16.10.2020, p. 58.
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0256.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0337.
(9) ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.
(10) Testi adottati, P9_TA(2021)0141.
(11) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(12) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(13) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(14) A8-0324/2017.
(15) L-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit.
(16) L-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali mir-Renju Unit.
(17) Lomas, N., UK's ICO faces legal action after closing adtech complaint with nothing to show for it, TechCrunch, San Francisco, 2020.
(18) Is-Seba' Rapport tal-Kumitat Magħżul għall-Affarijiet Kostituzzjonali ppubblikat mill-House of Commons fit-13 ta' Ġunju 2006. Paragrafu 108 jgħid: “Aħna naraw mertu konsiderevoli fil-fatt li l-Kummissarju għall-Informazzjoni jsir direttament responsabbli lejn, u ffinanzjat mill-Parlament, u nirrakkomandaw li tali bidla tiġi kkunsidrata meta tinħoloq opportunità biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni”.
(19) Rapport tal-Kumitat tal-Amministrazzjoni Pubblika intitolat “Min huwa responsabbli? Relazzjonijiet bejn il-Gvern u l-korpi indipendenti” ippubblikat mill-House of Commons fl-4 ta' Novembru 2014. Paragrafu 64 jgħid: “Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-HM Inspectorate of Prisons għandhom ikunu indipendenti b'mod aktar sħiħ mill-Gvern u għandhom jirrapportaw lill-Parlament. Il-Kummissarju għall-Informazzjoni, il-Kummissarju għall-Ħatriet Pubbliċi u l-President tal-Kumitat għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika għandhom isiru Uffiċjali tal-Parlament, peress li l-Ombudsman Parlamentari u tas-Servizz tas-Saħħa u l-Comptroller u l-Awditur Ġenerali diġà huma.”
(20) Stqarrija għall-istampa tal-Open Rights Group tat-3 ta' Marzu 2021 intitolata “Documents reveal controversial Immigration Exemption used in 70 % of access requests to Home Office” (Id-dokumenti jiżvelaw Eżenzjoni tal-Immigrazzjoni kontroversjali użata f'70 % tat-talbiet għall-aċċess indirizzati lill-Uffiċċju tal-Intern).
(21) Testi adottati, P9_TA(2020)0033.
(22) Opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata, LIBE_AL(2021)680848.
(23) Is-Sentenza tas-16 ta' Lulju 2020, Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data vs Facebook Ireland Limited u Maximillian Schrems, , C-311/18, ECLI:EU:C:2020:559.
(24) Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta' Settembru 2018, Big Brother Watch et al vs ir-Renju Unit, applikazzjonijiet nri 58170/13, 62322/14, 24960/15.
(25) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2014, Digital Rights Ireland Ltd vs Minister for Communications, Marine and Natural Resources et al u Kärntner Landesregierung et al, C-293/12 u C-594/12, ECLI:EU:C:2014:238.
(26) Stqarrija għall-istampa għad-Dipartiment tar-Renju Unit għall-Kummerċ Internazzjonali tat-30 ta' Jannar 2021 intitolata “ir-Renju Unit japplika biex jissieħeb fiż-żona enormi ta' kummerċ ħieles tal-Paċifiku CPTPP”.
(27) Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka tat-3 ta' Ottubru 2019 dwar l-Aċċess għal Data Elettronika bil-Għan li tiġi Miġġielda l-Kriminalità Serja.
(28) Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (ĠU L 336, 10.12.2016, p. 3).
(29) Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinnota l-livell adegwat ta' protezzjoni pprovdut għad-data personali li tinsab fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) trasferita lill-Uffiċċju Doganali u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665).