IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.5.2018
SWD(2018) 158 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR
Li jakkumpanja d-dokument
Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (85/374/KEE)
{COM(2018) 246 final}
{SWD(2018) 157 final}
1.Introduzzjoni
Id-Direttiva 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (id-“Direttiva”) għandha l-għan li tiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa u tal-proprjetà tal-konsumaturi, il-moviment liberu tal-oġġetti u kompetizzjoni mingħajr distorsjoni bejn l-operaturi tas-suq fis-Suq Uniku.
Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni biex tiġġudika jekk id-Direttiva tissodisfax l-objettivi tagħha u hijiex xierqa għall-iskop fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda bħall-Internet tal-Oġġetti jew sistemi awtonomi. Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kienet parti minn din l-evalwazzjoni.
2.Objettivi tal-konsultazzjoni
L-istrateġija ta’ konsultazzjoni kellha l-għan li tiġbor informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati biex titma l-valutazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza tagħha u l-valur miżjud tal-UE.
Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jinkludu l-produtturi, l-importaturi, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet industrijali tagħhom, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assiguraturi u l-federazzjonijiet tal-assiguraturi, l-esperti tekniċi u l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili (eż. think-tanks, esperti, uffiċċji legali/esperti legali).
Dan id-dokument jippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni u r-riżultati tagħhom.
3.Metodi u għodod ta’ konsultazzjoni
B’mod ġenerali, 657 parti kkonċernata mill-Istati Membri kollha (ħlief għal-Latvja, il-Portugall u s-Slovenja) u l-gruppi fil-mira kollha (ħlief għal esperti tekniċi) ikkontribwixxew għall-konsultazzjoni.
3.1.
Konsultazzjoni Pubblika
Inbdiet konsultazzjoni pubblika miftuħa (10 ta’ Jannar - 26 ta’ April 2017) fi 23 lingwa tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsisti fi tliet kwestjonarji online indirizzati lill-produtturi; lill-konsumaturi; lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili.
113-il parti kkonċernata (40 produttur, 48 konsumatur u 23 awtorità pubblika/is-soċjetà ċivili) minn 16-il Stat Membru
wieġbu. 14-il dokument ta’ pożizzjoni ġew kondiviżi mill-konsumaturi (1), mill-assoċjazzjonijiet tan-negozju (9) u mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi/tas-soċjetà ċivili (4).
3.2.
Stħarriġiet
Stħarriġ immirat (3 ta’ April - 20 ta’ Mejju 2017) twettaq permezz ta’ ħames kwestjonarji bl-Ingliż indirizzati lil:
·Produtturi u fornituri u assoċjazzjonijiet tal-industrija relatati (4 tweġibiet);
·Assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi (11);
·Assiguraturi u assoċjazzjonijiet relatati (0);
·Rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili (11);
·Esperti tekniċi attivi fil-qrati (0).
Ir-risposti ġew minn 14-il Stat Membru.
Stħarriġ bit-telefown bl-għajnuna ta’ kompjuter (CATI) (29 ta’ Mejju - 14 ta’ Ġunju 2017) li jkopri 11-il Stat Membru
ġie indirizzat lill-produtturi, lill-importaturi u lill-fornituri. Wieġbu 457 produttur.
Saru 61 intervista (3 ta’ Mejju - tmiem ta’ Lulju 2017) mal-partijiet ikkonċernati b’esperjenza bid-Direttiva (17-il produttur, 11-il konsumatur, 9 assiguraturi, 24 rappreżentant tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili).
L-istħarriġiet immirati ltaqgħu ma’ xi limitazzjonijiet:
·Livell baxx ta’ parteċipazzjoni fl-istħarriġ immirat: aktar minn 400 parti kkonċernata ġew ikkuntattjati, iżda wieġbu biss 26.
·L-ebda rappreżentant mill-esperti tekniċi ma wieġeb.
3.3. Konferenza dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodott
Il-Kummissjoni Ewropea organizzat Konferenza dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodott
fi Brussell fl-20 ta’ Ottubru 2017, indirizzata lir-rappreżentanti tal-Istati Membri u kategoriji differenti ta’ partijiet ikkonċernati u mmirata biex jiġu skambjati opinjonijiet dwar ir-riżultati preliminari tal-istudju estern dwar l-evalwazzjoni.
4.Riżultati ewlenin tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni
Diversi partijiet ikkonċernati kellhom esperjenza bid-Direttiva. Ħafna negozji indirizzaw talbiet imressqa minn persuni li ġarrbu dannu u li ħallsu għall-assigurazzjoni; l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi kienu familjari ma’ talbiet minn persuni li garrbu dannu; l-assiguraturi pprovdew poloz tal-assigurazzjoni speċifiċi u ħallsu kumpensi; ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili indirizzaw il-ħtiġijiet ta’ kategoriji speċifiċi ta’ partijiet ikkonċernati, aġixxew f’litigazzjoni jew għamlu riċerka fuq id-Direttiva.
4.1
Effettività
Il-konsultazzjoni kellha l-għan li tivverifika jekk u sa liema punt l-objettivi tad-Direttiva f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kompetizzjoni mingħajr distorsjoni u moviment liberu tal-prodotti s’issa nkisbu kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-UE.
Il-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati huma konxji tad-Direttiva. Għal bosta rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, id-Direttiva hija effettiva peress li l-konsumaturi jibbenefikaw mir-responsabbiltà stretta tal-produtturi, u l-interessi tal-konsumaturi u tal-produtturi huma bbilanċjati b'mod ġust. Għal dawn ir-raġunijiet, huma jemmnu wkoll li s-sistema ta’ responsabbiltà stretta għandha tinżamm.
Il-biċċa l-kbira tal-produtturi jqisu d-Direttiva bħala effettiva, peress li toħloq kundizzjonijiet ekwi fl-Ewropa billi tistabbilixxi l-istess regoli ta’ responsabbiltà fl-Istati Membri kollha u tibbilanċja l-interessi tal-konsumaturi u tal-produtturi, billi tistabbilixxi regoli ċari irrispettivament mit-tip ta’ prodott.
Fl-aħħarnett, għall-assiguraturi, id-Direttiva hija effettiva b’mod ġenerali, minħabba li tibbilanċja l-interessi tal-konsumaturi u tal-produtturi.
Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, id-Direttiva mhijiex kompletament effettiva, peress li tipproteġi l-interessi tal-produtturi aktar minn dawk tal-konsumaturi.
B’mod partikolari, xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma meqjusa bħala aktar effettivi minn oħrajn:
·Prodotti, mhux servizzi
Għal uħud mill-partijiet ikkonċernati (kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi) id-distinzjoni bejn prodotti u servizzi m’għadhiex ċara u d-Direttiva għandha tkopri wkoll id-danni kkawżati mis-servizzi; produtturi oħrajn jemmnu li d-Direttiva m’għandhiex tkopri dawn id-danni.
Għal aktar minn nofs ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili kkonsultati, id-distinzjoni bejn prodotti u servizzi mhijiex adegwata u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jiġi estiż għas-servizzi.
Il-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jenfasizzaw li jista’ jkun diffiċli li wieħed jiddistingwi prodott minn servizz, peress li spiss ikunu miġbura flimkien, u jiffavorixxu reġim li jkopri kemm prodotti kif ukoll servizzi.
Għall-kuntrarju, għal aktar minn nofs in-negozji, id-distinzjoni bejn prodotti u servizzi hija adegwata u m’hemmx għalfejn li d-Direttiva tiġi estiża għas-servizzi.
·Xi ngħidu dwar l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda?
L-applikazzjoni tad-Direttiva għall-żviluppi teknoloġiċi ġodda mhijiex ċara.
Ir-rispons mill-partijiet ikkonċernati dwar l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda huwa pjuttost diverġenti: għal xi partijiet ikkonċernati (inkluż bosta produtturi, uħud mill-konsumaturi, assiguraturi u rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi/tas-soċjetà ċivili) m’hemmx bżonn li d-Direttiva tiġi aġġornata fir-rigward ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda. Oħrajn mill-kategoriji kollha kkonsultati jsibuha diffiċli biex japplikaw id-Direttiva għal dawn l-oġġetti, minħabba n-natura intanġibbli tagħhom u l-kumplessità li dejjem tiżdied.
Aktar speċifikament, għal kważi nofs ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili u għal kważi l-konsumaturi kollha, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandu jitwessa’ għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda u għandu jibbilanċja s-sikurezza tal-konsumaturi u l-innovazzjoni, meta titqies id-distinzjoni bejn prodotti u servizzi u l-kunċett ta’ “difett” bħala mhux adegwat għal dawn l-iżviluppi.
Il-biċċa l-kbira tan-negozji jqisu li l-apps, is-softwer mhux integrat u l-komponenti tal-IoT huma “prodotti” skont id-Direttiva, filwaqt li għandhom opinjonijiet diverġenti dwar jekk ir-responsabbiltà hijiex allokata adegwatament fost l-operaturi differenti. Barra minn hekk, għalihom, id-difett huwa ddefinit b’mod xieraq għad-danni kkawżati minn robot avvanzat jew minn sistema awtonoma.
Għal maġġoranza kbira tan-negozji, l-eżenzjonijiet skont id-Direttiva huma adegwati għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda u d-Direttiva diġà tapplika għalihom; huma jikkunsidraw li d-Direttiva hija adatta għal finijiet tagħha u newtrali għal teknoloġiji differenti.
Bl-istess mod, għal maġġoranza kbira tal-assoċjazzjonijiet tal-assiguraturi m’hemmx għalfejn tiġi adattata d-Direttiva għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda.
·Oneru tal-provi
Għal maġġoranza kbira tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, il-prova ta’ difett u tal-konnessjoni bejnha u l-ħsara hija ta’ piż għall-konsumaturi.
Kważi l-assoċjazzjonijiet kollha tal-konsumaturi jaraw dan il-piż bħala l-aktar ostaklu frekwenti biex jinkiseb kumpens, speċjalment fir-rigward ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda u żieda fil-kumplessità tal-prodott.
Madankollu, ftit assiguraturi biss iqisu li l-oneru tal-provi bħala oneruż fil-prattika.
Ħafna negozji jaħsbu li t-tneħħija ta’ dan il-piż tkun ta’ żvantaġġ: fil-fatt, l-oneru tal-provi fuq il-persuna li tkun ġarrbet dannu huwa essenzjali bħala bażi għall-pretensjoni; it-tneħħija tiegħu tagħmel id-Direttiva inġusta.
·Danni lill-proprjetà
Għal maġġoranza żgħira tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, il-limitu ta’ € 500 għandu jitneħħa biex jippermetti kumpens għal danni iżgħar. Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi huma tal-fehma li jitbaxxa l-limitu, minħabba li l-prezz ta’ ħafna prodotti naqas matul is-snin.
Filwaqt li ħafna negozji ma jiffavorixxux modifika tal-limitu, sehem sinifikanti ta’ ditti żgħar (24 %) jiffavorixxu tnaqqis fil-limitu.
Għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, ħlief għall-assiguraturi, huwa diffiċli li tiġi applikata l-kundizzjoni li l-oġġett tal-proprjetà huwa ta’ tip ordinarjament maħsub għal użu jew konsum privat u ntuża mill-persuna li ġarrbet dannu l-aktar għall-użu privat jew il-konsum tagħha stess; huma jemmnu li din il-kundiazzjoni għandha jitneħħa.
Għal nofs ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili din id-dispożizzjoni għandha titneħħa, peress li huwa dejjem iktar diffiċli li ssir distinzjoni meta oġġett ta’ proprjetà huwa maħsub għal użu professjonali jew privat.
Ħafna negozji (63 %) u aktar minn nofs l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jikkunsidraw li d-distinzjoni bejn użu privat u professjonali mhijiex adegwata, minħabba li l-prodotti jista’ jkollhom iż-żewġ użi, u t-tneħħija ta’ din id-distinzjoni ma toħloq l-ebda problema.
Kważi l-assoċjazzjonijiet kollha tal-assiguraturi jikkunsidraw li d-distinzjoni bejn l-użu privat u professjonali ta’ prodotti hija ċara biżżejjed u l-ebda bidla mhija meħtieġa.
Il-Konferenza dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodott tat l-opportunità li tkompli telabora fuq l-opinjonijiet miksuba permezz tal-użu ta’ għodod ta’ konsultazzjoni oħrajn. Dwar l-effettività tad-Direttiva, il-maġġoranza tal-manifatturi u tal-assiguraturi qiesu li d-Direttiva tissodisfa l-għanijiet tagħha u li se tibqa’ valida fil-futur għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda. Fl-opinjoni tagħhom, kull reviżjoni f’dan l-istadju tkun prematura. Madankollu, il-konsumaturi kienu favur reviżjoni tad-Direttiva bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kumpens tal-parti li tkun ġarrbet dannu.
4.2
Effiċjenza
Il-konsultazzjoni ffokat fuq il-bilanċ bejn l-ispejjeż imġarrba mill-produtturi biex ikopru r-responsabbiltà stretta u l-piżijiet fuq il-parti li ġarrbet dannu biex tikseb kumpens, kif ukoll fuq aspetti li jagħmluha bejn wieħed u ieħor effiċjenti biex tiġi żgurata r-responsabbiltà stretta tal-produttur.
Id-dejta dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji kienet mistennija mill-istħarriġ immirat: madankollu, ir-rata baxxa ta’ rispons ostakolat il-kwantifikazzjoni xierqa. Id-dejta miġbura mill-attivitajiet ta’ konsultazzjoni l-oħrajn ippermettiet li titwettaq biss analiżi kwalitattiva.
B’mod partikolari, għal aktar minn nofs in-negozji, l-ispejjeż u l-benefiċċji li joħorġu mid-Direttiva huma bbilanċjati tajjeb.
Iżda aktar minn żewġ terzi tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jaraw l-ispejjeż bħala ogħla għall-konsumaturi: prova tad-difett u r-rabta tiegħu mal-ħsara mhijiex ħaġa sempliċi minħabba kumplessità tal-prodott dejjem akbar. Għal kważi nofs l-assiguraturi, l-oneru tal-provi jista’ jkun diffiċli biex jiġi ssodisfat fil-prattika.
Bħala t-tieliet perspettiva, għal żewġ terzi tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, għalkemm l-ispejjeż relatati mad-Direttiva huma aċċettabbli għall-prodotti tradizzjonali, l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda jistgħu jġibu spejjeż ġodda għall-produtturi biex jikkonformaw magħha.
4.3
Koerenza
Il-konsultazzjoni ffokat ukoll fuq kwistjonijiet relatati mal-koerenza, il-kumplimentarjetà u l-konsistenza bejn id-Direttiva u azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Il-Konferenza dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodott kienet l-okkażjoni għall-partijiet ikkonċernati biex jikkonfermaw li d-Direttiva hija meqjusa bħala koerenti u konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti u mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Tfakkar li l-prodotti mqiegħda fis-suq Ewropew għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza. F’każ li kkawżaw danni minħabba difett, il-konsumaturi jistgħu jippreżentaw azzjoni legali kontra l-produttur fil-kuntest tad-Direttiva (responsabbiltà mhux kuntrattwali) iżda wkoll kontra l-bejjiegħ skont ir-regoli ta’ responsabbiltà kuntrattwali.
4.4
Rilevanza
L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kellhom l-għan li wieħed jifhem jekk il-ħtiġijiet tal-bidu għadhomx jikkorrispondu mal-ħtiġijiet attwali, inklużi l-ħtiġijiet maħluqa minn prodotti innovattivi. Huma kellhom ukoll l-għan li jinvestigaw jekk id-definizzjonijiet ta’ prodott, produttur, difett u ħsara jew l-eżenzjonijiet skont id-Direttiva humiex adegwati għall-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi.
Ir-riżultati huma pjuttost frammentati: għall-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati hemm il-ħtieġa li d-Direttiva tiġi aġġornata fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, anke jekk ma esperjenzaw l-ebda problema fl-applikazzjoni tad-Direttiva.
B’mod ġenerali, għall-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, id-Direttiva se tibqa’ valida fil-futur, u l-armonizzazzjoni li ġabet fl-UE tikkonferma r-rilevanza attwali tagħha; madankollu, jissuġġerixxu reviżjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda. Għall-maġġoranza vasta tan-negozji, id-Direttiva se tibqa’ valida u rilevanti fil-futur minħabba l-armonizzazzjoni li ġabet.
Għall-maġġoranza l-kbira tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, id-Direttiva armonizzat ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-prodott. Madankollu, huma jiffavorixxu reviżjoni tad-Direttiva biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, bħal ma jagħmlu r-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, minħabba r-rilevanza iżgħar tad-Direttiva fir-rigward tal-ħtiġijiet ġodda u l-applikabbiltà limitata tal-kunċetti tad-Direttiva għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda.
4.5
Valur miżjud tal-UE:
Il-konsultazzjoni kellha l-għan li tiġbor feedback dwar jekk ir-responsabbiltà stretta għadhiex teħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni ffokat fuq il-fehim tal-aktar konsegwenzi probabbli f’każ ta’ tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni jew tħassir tad-Direttiva jew estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati kollha jirrikonoxxu l-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva u l-ebda parti kkonċernata ma ssuġġeriet li tħassarha.
Il-maġġoranza tan-negozji jaqblu li l-kundizzjonijiet ugwali miksuba ma jkunux possibbli permezz tal-azzjoni individwali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, għal kważi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi kollha, il-protezzjoni tal-konsumaturi miksuba ma tkunx fattibbli b’azzjoni nazzjonali biss.
Il-biċċa l-kbira tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili jqisu li d-Direttiva żiedet valur għall-qafas u l-politiki legali tal-UE.
Il-Konferenza dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodott ikkonfermat il-pożizzjonijiet difiżi mill-kategoriji differenti tal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, ħafna parteċipanti enfasizzaw: (i) ir-rabta bejn ir-regoli dwar is-sikurezza tal-prodott u r-responsabbiltà għall-prodott, (ii) id-diffikultà għal vittmi ta’ effetti mhux mixtieqa ta’ prodotti farmaċewtiċi biex jagħtu prova tad-difett u r-rabta każwali bejn id-difett u l-ħsara sabiex jinkiseb kumpens, (iii) in-nuqqas ta’ evidenza dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva għall-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, u (iv) il-ħtieġa li jinżamm bilanċ ġust bejn l-interessi tal-partijiet.
5. Konklużjonijiet ewlenin
L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni ppermettew li jinġabru firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet dwar id-Direttiva f’termini ta’ dak li ħadem tajjeb u dak li ma tantx ħadem tajjeb s’issa, kif ukoll dwar l-aspettattivi għall-futur.
B’mod ġenerali, id-Direttiva tqieset bħala waħda ġeneralment effettiva biex jintlaħqu l-objettivi tagħha mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, tas-soċjetà ċivili, tan-negozji u tal-assiguraturi, għalkemm l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kienu iktar kritiċi speċjalment fuq ostakli biex jinkiseb kumpens, b’mod partikolari relatat mal-kumplessità dejjem tiżdied li jiġi pprovdut l-oneru tal-provi, delineazzjoni aktar diffiċli ta’ prodotti u servizzi kif ukoll il-limitu ta’ € 500 għad-danni materjali.
Il-parti l-kbira tal-kategoriji tal-partijiet ikkonċernati rrikonoxxew l-effiċjenza tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-kategoriji kollha, ħlief għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, jaħsbu li l-ispejjeż u l-benefiċċji li jirriżultaw mid-Direttiva għall-konsumaturi u l-produtturi huma bbilanċjati.
Id-Direttiva hija meqjusa bħala koerenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE li tipproteġi lill-konsumaturi, rilevanti u valida fil-futur. Madankollu, ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet pubbliċi, mis-soċjetà ċivili u mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jaqblu li hemm kwistjonijiet li mhumiex koperti b’mod adegwat mid-Direttiva fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, filwaqt li n-negozji huma inqas ħerqana li jemendaw id-Direttiva.
Kien hemm qbil ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati li d-Direttiva għandha valur miżjud tal-UE.
Il-Konferenza dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodott tat l-opportunità li tikkonferma l-ħtieġa li titkompla r-riflessjoni dwar il-futur tad-Direttiva sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għat-teknoloġiji ġodda, bħas-Sistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali u robots avvanzati u l-Internet tal-Oġġetti.