31994R0122



Official Journal L 021 , 26/01/1994 P. 0007 - 0008
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 55 P. 0363
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 55 P. 0363


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 122/94

tal-25 ta' Jannar 1994

li jipprovdi ċerti regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 dwar id-definizzjoni, deskrizzjoni u preżentazzjoni ta' nbejjed aromatizzati, xorb bil-bażi ta' nbid aromatizzat, u cocktails prodotti minn inbid aromatizzat

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunita Ekonomika Ewropea,

Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta' Ġunju 1991 li jipprovdi regoli ġenerali għad-definizzjoni, deskrizzjoni u preżentazzjoni ta' nbejjed aromatizzati, xorb bil-bażi aromatizzata u cocktails prodotti minn inbid aromatizzat [1], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3279/92 [2], u b'mod partikolari l-ewwel subinciż tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 2(1)(a) u r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 2(1)(b) tiegħu,

Billi l-użu ta' sustanzi li jagħtu t-togħma identika għat-togħma ta' sustanzi naturali u ż-żieda ta' alkoħol fil-produzzjoni ta' ċertu xorb aromatizzat għandu jkun permess taħt ċerti ċirkostanzi b'mod partikolari biex jikkonforma mat-tradizzjonijiet u l-użanzi ta' diversi reġjuni fil-Komunita;

Billi dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet transitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3664/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 li jipprovdi dispożizzjonijiet transitorji għall-imbejjed aromatizzati, xorb bil-bażi ta' nbid aromatizzat u cocktails prodotti minn inbid aromatizzat [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1791/93 [4]; billi dawn il-miżuri transitorji japplikaw sas-16 ta' Diċembru 1993;

Billi l-miżuri li jinsabu f'dan ir-Regolament jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat li Jimplimenta l-inbejjed Aromatizzati, xorb bil-bażi Ta' nbid Aromatizzat u Cocktails prodotti minn Inbid Aromatizzat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. L-użu ta' sustanzi li jagħtu t-togħma identika ma'vanillin naturali kif imfisser fl-Artikolu 1(2)(b) (ii) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/388/KEE [5] huwa b'dan awtorizzat fil-manifattura ta' inbejjed aromatizzati mfissra fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1601/91.

2. L-użu ta' taħlit ta' sustanzi li jagħtu t-togħma identika ma' dik ta' sustanzi naturali, li jinxtammu u/jew għandhom it-togħma tal-lewż, tal-berquq jew tal-bajd huwa b'dan awtorizzat rispettivament bħala suppliment għall-lewż, berquq jew bajd, f'inbejjed aromatizzati bil-kundizzjoni li:

- dan it-taħlit ikun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 88/388/KEE u mal-miżuri li jimplimentaw din id-Direttiva,

- id-deskrizzjoni tal-prodott tirreferi għal wieħed jew aktar mill-ikel imsemmi hawn fuq,

- l-impriżi in kwistjoni jżommu reġistru separat dwar l-użu ta' dawn is-sustanzi li jagħtu t-togħma identika mas-sustanzi naturali.

Ir-reġistru għandu jkun fih tagħrif dettaljat dwar it-togħmiet identiċi għat-togħmiet naturali li jintużaw, eż. In-natura u l-kwalita tat-togħmiet identiċi mat-togħmiet naturali preżenti fl-impriża, il-post tal-ħażna tagħhom u t-tagħrif dwar l-użu supplimentari tagħhom fix-xorb mqabbel mat-togħmiet prinċipali. Kull operat jew immaniġġjar għandu jkun indikat fir-reġistru. Ir-reġistri għandhom jiġu rikonċiljati darba fis-sena u verifikati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru.

L-Artikolu 2

Iż-żieda ta' alkoħol hija b'dan awtorizzata mal-prodotti li ġejjin:

- xorb bil-bażi ta' nbid aromatizzat bil-ħlewwa miżjuda, miksub minn inbid abjad, li miegħu ġie miżjud għeneb niexef distillat li ngħata t-togħma esklużivament b'estratt ta' kardamomu,

- xorb fuq bażi ta' nbid aromatizzat li ġie miksub minn inbid aħmar u li ġie miżjud bil-ħlewwa, u li miegħu ġew miżjuda l-preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma, kif imfissra fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 88/388/KEE. Dawn il-preparazzjonijiet għandhom jinkisbu esklużivament minn ħwawar, ginseng, lewż, essenza tal-frott taċ-ċitru u ħwawar aromatiċi.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara dak li fih jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jkun japplika b'effett mis-17 ta' Diċembru 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fil-25 ta' Jannar 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 149, ta' l-14.6.1991, p. 1.

[2] ĠU L 327, tat-13.11.1992, p. 1.

[3] ĠU L 348, tas-17.12.1991, p. 53.

[4] ĠU L 163, tas-6.7.1993, p. 20.

[5] ĠU L 184, tal-15.7.1988, p. 61.

--------------------------------------------------