31975D0364



Official Journal L 167 , 30/06/1975 P. 0017 - 0018
Finnish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0010
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0050
Swedish special edition: Chapter 16 Volume 1 P. 0010
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0200
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 1 P. 0200


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-16 ta' Ġunju 1975

li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Mediku

(75/364/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra l-abozz tad-Deċiżjoni ippreżentata mill-Kummissjoni,

Billi, fir-reżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ġunju 1974 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta' provi oħra ta' kwalifiki formali, il-Kunsill iddikjara li hu favur l-istabbiliment ta' kumitati konsultattivi;

Billi, fil-kuntest tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta' provi oħra ta' kwalifiki formali u l-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-insegwiment ta' l-attivitajiet ta' tabib, hu importanti li jkun assigurat livell ta' taħriġ li jkun eżiġenti b'mod li jista' jkun ikkomparat;

Billi, sabiex issir kontribuzzjoni għall-kisba ta' dan l-objettiv, hu prudenti li jkun stabbilit Kumitat Konsultattiv biex jagħti pariri lill-Kummissjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Mediku, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"kumitat", għandu jkun stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni.

Artikolu 2

1. Ix-xogħol tal-kumitat għandu jkun biex jgħin ħalli jassigura standard komparabbli kif mitlub mit-taħriġ mediku fil-Komunita, kemm f'dak li jirrigwardja t-taħriġ bażiku u wkoll taħriġ aktar profond.

2. Għandu jwettaq dan ix-xogħol partikolarment permezz tal-mezzi li ġejjin:

- bi skambju ta' informazzjoni komprensiva dwar il-metodi tat-taħriġ u l-kontenut, il-livell u l-istruttura tal-korsijiet teoretiċi u prattiċi kif ipprovduti fl-Istati Membri;

- bid-diskussjoni u l-konsultazzjoni ma' l-objettiv ta' l-iżvilupp ta' approċċ komuni li għandu jintlaħaq fit-taħriġ tat-tobba u, kif xieraq, għall-istruttura u l-kontenut ta' taħriġ bħal dan;

- iż-żamma permezz ta' reviżjoni ta' l-addattazzjoni tat-taħriġ mediku għall-iżviluppi fix-xjenza medika u l-metodi tat-tagħlim.

3. Il-kumitat għandu jikkomunika lejn il-Kummissjoni u lejn l-Istati Membri l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, inklużi, meta jikkunsidra li jkun xieraq, suġġerimenti għall-emendi li għandhom isiru għall-Artikoli li jirrigwardjaw it-taħriġ mediku fid-Direttivi Nru 75/362/KEE [1] u Nru 75/363/KEE [2].

4. Il-kumitat għandu wkoll javża lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tista' tirreferi lilu f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ mediku.

Artikolu 3

1. Il-kumitat għandu jikkonsisti minn tliet esperti minn kull Stat Membru, kif ġej:

- espert wieħed mill-professjoni prattikanti;

- espert wieħed mill-fakultajiet tal-mediċina ta' l-universitajiet;

- espert wieħed mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

2. Għandu jkun hemm sostitut għal kull membru. Is-sostituti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-kumitat.

3. Il-membri u s-sostituti deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu nnominati mill-Istati Membri. Il-membri referuti fl-ewwel u t-tieni inċiżi tal-paragrafu 1 u s-sostituti tagħhom għandhom ikunu nnominati fuq proposta mill-professjoni prattikanti u l-universitajiet. Il-membri u s-sostituti hekk innominati għandhom ikunu maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 4

1. Iż-żmien tal-kariga ta' membru tal-kumitat għandu jkun tlett snin. Wara li jiskadi dan il-perjodu il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm ikunu seħħu t-tibdiliet jew iż-żmien tal-kariga tagħhom ikun imġedded.

2. Iż-żmien tal-kariga ta' membru jista' jispiċċa qabel ma jeskadi l-perjodu ta' tliet snin permezz tar-riżenja jew tal-mewt tal-membru, jew tas-sostitut tiegħu b'persuna oħra, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 3. Din il-ħatra għandha tkun għall-bqija taż-żmien tal-kariga.

Artikolu 5

Il-Kumitat għandu jaħtar president u żewġ deputati presidenti mill-membri tiegħu. Għandu jadotta ir-regoli tiegħu tal-proċedura. L-aġenda tal-laqgħat għandha tkun imħejjija mill-president tal-kumitat b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kumitat jista' jistabbilixxi sotto-kumitati, isejjaħ u jħalli osservaturi jew esperti jassistuh inkonnessjoni ma' l-aspetti speċjali kollha tal-ħidma tiegħu.

Artikolu 7

Is-Segretarjat għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Ġunju 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Ryan

[1] ĠU L 167, tat-30.6.75, p. 1.

[2] ĠU L 167, tat-30.6.75, p. 14.

--------------------------------------------------