|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2604 |
8.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2604
tal-25 ta’ Ġunju 2024
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u l-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Għad hemm il-ħtieġa li jittaffew id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmu ġdid għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati taż-ŻEE-EFTA u mekkaniżmu finanzjarju Norveġiż ġdid. |
|
(2) |
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Iżlanda, mal-Prinċipat tal-Liechtenstein u mar-Renju tan-Norveġja rigward ftehim dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji futuri tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028. Dan ser jieħu l-forma tal-Protokoll 38d tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni nnegozjat ukoll, f’isem l-Unjoni, Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028. |
|
(3) |
Il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028 (“il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-“ŻEE”) u l-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028 (“il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż”) ser jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Istati Benefiċjarji. |
|
(4) |
Il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE jirrifletti l-benefiċċji meħuda mill-Istati taż-ŻEE-EFTA mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq intern u jqis l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti kollha għall-Ftehim ŻEE f’konformità mal-Artikolu 115 tal-Ftehim taż-ŻEE. |
|
(5) |
Il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u l-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż jistabbilixxu proċeduri speċjali li jżidu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Istati Benefiċjarji. B’mod partikolari, kemm il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE kif ukoll il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż jipprevedu li tiġi kkonsultata l-Kummissjoni fuq livell strateġiku matul in-negozjati għall-Memoranda ta’ Qbil bejn l-Istati Donaturi u l-Istati Benefiċjarji. Huma jinkludu wkoll arranġamenti sabiex il-Kummissjoni tipprovdi assistenza lill-Istati Benefiċjarji fil-konsultazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi. Dawn is-salvagwardji ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effiċjenti u f’waqtha tal-mekkaniżmi, filwaqt li jqisu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-Istati Benefiċjarji u d-diffikultajiet sostanzjali li jistgħu jesperjenzaw fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi finanzjarji, inkluż fir-rigward tal-valuri u l-prinċipji komuni tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li tingħata attenzjoni lid-dritt ta’ Stat Benefiċjarju li jinstema’ fejn huma kkonċernati miżuri bħas-sospensjoni tal-pagamenti u l-irkupru tal-fondi. |
|
(6) |
Meta jitqies li l-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE ser jiżdied bħala protokoll addizzjonali għall-Ftehim taż-ŻEE, l-Unjoni tista’, f’konformità mal-proċeduri rilevanti skont it-Trattati, tressaq tilwim dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-protokoll addizzjonali quddiem il-Kumitat Konġunt, skont l-Artikolu 111 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kunsill taż-ŻEE jista’ jqis kwalunkwe kwistjoni li twassal għal diffikultà, skont l-Artikolu 89 tal-Ftehim ŻEE. |
|
(7) |
Id-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu ħut u prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Iżlanda u min-Norveġja, stabbiliti fil-Protokolli Addizzjonali tal-Ftehimiet rispettivi tagħhom ta’ Kummerċ Ħieles mal-Komunità Ekonomika Ewropea (1), skadew fit-30 ta’ April 2021 u jenħtieġ li jiġu riveduti f’konformità mal-Artikolu 1 ta’ dawk il-Protokolli Addizzjonali. Għalhekk il-Kunsill, flimkien man-negozjati ta’ kontribuzzjoni finanzjarja futura u bħala parti minn ftehim ta’ pakkett komprensiv, fl-20 ta’ Mejju 2021, awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar ftehim dwar l-aċċess għas-suq għall-ħut u l-prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Iżlanda u min-Norveġja. |
|
(8) |
Is-sostituzzjoni tal-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti b’mekkaniżmi finanzjarji ġodda, li jipprovdu għall-proċeduri speċjali, jirrigwardaw perjodi differenti ta’ żmien, ammonti differenti ta’ fondi u dispożizzjonijiet differenti ta’ implimentazzjoni, kif ukoll it-tiġdid u l-estensjoni ta’ konċessjonijiet li jirrigwardaw ċerti prodotti ta’ ħut u prodotti tal-baħar, li kienu parti mill-pakkett komprensiv ta’ negozjati, ikkunsidrati komplessivament jikkostitwixxu żvilupp importanti tal-assoċjazzjoni mal-Istati taż-ŻEE-EFTA, li jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(9) |
Kull wieħed mill-Ftehimiet u l-Protokolli Addizzjonali msemmi hawn fuq jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tiegħu stess qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(10) |
Kull wieħed mill-Ftehimiet u l-Protokolli Addizzjonali jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, u applikat fuq bażi proviżorja. |
|
(11) |
F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Ftehimiet u l-Protokolli Addizzjonali, soġġett għall-konklużjoni tagħhom, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u l-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimiet u Protokolli Addizzjonali (2).
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u l-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda, soġġett għall-konklużjoni tagħhom.
Artikolu 3
Soġġett għall-konklużjoni tagħhom f’data aktar tard u sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħhom, għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028 u l-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn Mejju 2021 u April 2028, f’konformità, rispettivament, mal-Artikolu 3, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 10(3) tal-Ftehimiet, mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li jsir id-depożitu tal-aħħar notifika għal dan l-għan (3).
Soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard u sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja għandu japplika b’mod proviżorju, f’konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Protokoll Addizzjonali, mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara li jsir id-depożitu tal-aħħar notifika għal dan l-għan (4).
Soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard u sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda għandu japplika b’mod proviżorju, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Protokoll Addizzjonali, mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara li jsir id-depożitu tal-aħħar notifika għal dan l-għan (5).
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LAHBIB
(1) ĠU L 141, 28.5.2016, pp. 18 u 22.
(2) It-test tal-Ftehimiet u tal-Protokolli Addizzjonali huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/2600, 8.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2600/oj, ĠU L, 2024/2601, 8.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/2601/oj, ĠU L, 2024/2602, 8.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/2602/oj, ĠU L, 2024/2603, 8.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/2603/oj.
(3) Id-data minn meta l-Ftehimiet ser jiġu applikati proviżorjament ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
(4) Id-data minn meta l-Protokoll Addizzjonali ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
(5) Id-data minn meta l-Protokoll Addizzjonali ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2604/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)