|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5923 |
2.10.2024 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-30 ta' Awissu 2024
dwar proposta għal regolament dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554
(CON/2024/29)
(C/2024/5923)
Introduzzjoni u bażi legali
Fit-28 ta’ Ġunju 2023 il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554 (1) (minn hawn’ il quddiem ir-“regolament propost”). Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li r-regolament propost jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu u għaldaqstant ddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 127(4), u fl-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex jadotta opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar ir-regolament propost.
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
|
1.1. |
Ir-regolament propost huwa element importanti tal-istrateġija Ewropea għad-data (2). L-istabbiliment ta’ qafas legali robust għall-ġestjoni tal-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti fis-settur finanzjarju lil hinn mill-kontijiet ta’ pagament għandu l-għan li jippermetti lill-klijenti, lill-konsumaturi individwali u lin-negozji jaċċessaw prodotti u servizzi personalizzati u mmexxija mid-data li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-BĊE jilqa’ l-objettiv tar-regolament propost fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ qafas għall-aċċess għad-data tal-klijenti u l-użu tagħha. Dan għandu jippromwovi l-innovazzjoni, jagħmel is-servizzi finanzjarji aktar kompetittivi u jagħti lill-klijenti aktar kontroll fuq id-data finanzjarja tagħhom stess. Il-proposta tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali sal-punt li tħeġġeġ lill-fornituri joffru firxa usa’ ta’ servizzi li huma mfassla aħjar għall-ħtiġijiet tal-klijenti u biex inaqqsu t-tariffi hekk kif is-suq isir aktar kompetittiv. |
|
1.2. |
Ir-regolament propost jadotta approċċ iffukat fuq il-klijent billi jipprovdi għodod li jippermettu l-kontroll fuq id-data finanzjarja tal-klijenti. F’dan ir-rigward, ir-regolament propost jagħti lill-klijenti d-dritt li jitolbu li d-detenturi tad-data (3) jikkondividu d-data tal-klijenti mal-utenti tad-data (4) għall-finijiet u skont il-kondizzjonijiet speċifikament permessi mill-klijenti (5), u b’hekk jiġi żgurat li l-kondiviżjoni tad-data sseħħ dejjem wara l-għoti tal-permess mill-klijent għal tali kondiviżjoni tad-data. Għal dan l-għan, ir-regolament propost jimponi obbligi fuq id-detenturi tad-data biex jipprovdu tali aċċess (6) u biex jipprovdu lill-klijenti b’dashboards tal-permessi għall-aċċess għad-data finanzjarja (7) li jippermettulhom jimmonitorjaw u jimmaniġġjaw il-permessi li jkunu taw. Dan is-sett ta’ regoli, li huwa mfassal biex itejjeb it-trasparenza u l-fiduċja tal-klijenti fil-proċess tal-kondiviżjoni tad-data, huwa kkomplementat b’salvagwardji addizzjonali. Dawn jinkludu l-iżgurar ta’ ġestjoni responsabbli tad-data billi jiġi ristrett l-aċċess għad-data tal-klijenti għal istituzzjonijiet finanzjarji diġà awtorizzati u għal fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni finanzjarja awtorizzati ġodda (8), li jikkostitwixxu kategorija ġdida ta’ fornituri ta’ servizzi (9). Barra minn hekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, f’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, huma meħtieġa jiżviluppaw linji gwida mmirati li jistabbilixxu perimetru tal-użu tad-data li jipproteġi lill-konsumatur kontra trattament inġust jew riskji ta’ esklużjoni (10). Barra minn hekk, ir-regolament propost jirrikjedi l-istandardizzazzjoni tad-data tal-klijenti u jistabbilixxi rekwiżiti għall-ħolqien u l-governanza ta’ skemi ta’ kondiviżjoni tad-data finanzjarja biex tiġi ssimplifikata l-kondiviżjoni tad-data u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi billi jiġi żviluppat qafas kuntrattwali għall-aċċess, it-trasparenza, il-kumpens, ir-responsabbiltà, u s-soluzzjoni ta’ tilwim. Ir-regolament propost jirrikjedi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ governanza (11). |
|
1.3. |
Il-BĊE jinnota li d-data tal-klijenti li d-detenturi tad-data huma obbligati jipprovdu lill-utenti tad-data fuq talba minn klijent tista’ tinkludi data dwar ftehimiet ta’ kreditu ipotekarju, self u kontijiet, ħlief kontijiet ta’ pagament, kif ukoll data li tifforma parti minn valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ ditta li tinġabar bħala parti minn proċess ta’ applikazzjoni għal self jew talba għal klassifikazzjoni tal-kreditu (12). Id-data miġbura skont ir-Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/13) (13) (minn hawn’ il quddiem ir-“Regolament AnaCredit”) li ġiet kondiviża ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu permezz tal-mekkaniżmu taċ-ċirkwit ta’ feedback abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament AnaCredit ma tridx tiġi kondiviża aktar mal-utenti tad-data abbażi tal-Artikoli 4 u 5 tar-regolament propost. Tali kondiviżjoni tikser l-Artikolu 11(1) tar-Regolament AnaCredit, li jirrestrinġi l-użu ta’ din id-data esklużivament għall-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u t-titjib tal-kwalità tal-informazzjoni dwar il-kreditu, u jipprojbixxi espressament l-iżvelar tagħha lil partijiet oħra ħlief f’ċerti ċirkostanzi ristretti. Għalhekk, il-BĊE jilqa’ dikjarazzjoni espliċita fir-regolament propost biex jiġi ċċarat li d-data kondiviża mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu permezz tal-mekkaniżmu taċ-ċirkwit ta’ feedback abbażi tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament AnaCredit hija eskluża milli tiġi kondiviża ma’ klijenti jew utenti tad-data skont l-Artikoli 4 u 5 tar-regolament propost. |
|
1.4. |
Ir-Regolament propost jirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet u d-dmirijiet previsti fih (14). B’referenza għall-istituzzjonijiet finanzjarji, ir-regolament propost jidentifika bħala awtoritajiet kompetenti dawk speċifikati fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) (minn hawn’ il quddiem “DORA”) (16). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw il-konformità mar-regolament propost skont is-setgħat mogħtija mir-regolament propost u mill-atti legali rispettivi elenkati fl-Artikolu 46 tad-DORA (17), li jipprevedi li l-konformità mad-DORA għandha tiġi żgurata għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kklassifikati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (18) (minn hawn’ il quddiem ir-“Regolament MSU”) mill-BĊE skont is-setgħat u l-kompiti kkonferiti mir-Regolament MSU (19). Huwa kruċjali li jiġi nnotat li d-DORA tiffoka fuq ir-reżiljenza operazzjonali, filwaqt li l-enfasi primarja tar-regolament propost hija l-protezzjoni tal-konsumatur, u din id-differenza tista’ teħtieġ kompetenzi differenti. |
|
1.5. |
F’dan l-isfond, ir-rwol tal-BĊE skont ir-regolament propost, f’termini tal-kompetenza superviżorja prudenzjali tiegħu, għandu jiġi ċċarat (ara l-paragrafu 2). |
2. Kjarifika tal-kompetenza superviżorja tal-BĊE
|
2.1. |
Ir-regolament propost jipprevedi li l-BĊE jissorvelja konformità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti miegħu. Il-BĊE huwa mħasseb li r-regolament propost b’hekk jassenja lill-BĊE kompiti superviżorji li mhumiex ta’ natura prudenzjali, iżda pjuttost jirrelataw mal-protezzjoni tal-konsumatur. Dan ikun inkonsistenti mal-fatt li l-Kunsill jista’ b’mod unanimu jikkonferixxi biss kompiti speċifiċi relatati mas-superviżjoni prudenzjali lill-BĊE skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Għaldaqstant, ir-Regolament MSU jassenja lill-BĊE, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompitu li jiżgura l-konformità minn istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti mal-atti rilevanti kollha tal-Unjoni, li jimponu rekwiżiti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ikollhom fis-seħħ, fost l-oħrajn, proċessi robusti ta’ ġestjoni tar-riskju u mekkaniżmi ta’ kontroll intern (20). Ir-rwol superviżorju prudenzjali tal-BĊE f’dan ir-rigward huwa limitat għall-iżgurar li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jimplimentaw politiki u proċessi biex jevalwaw u jimmaniġġjaw l-iskopertura tagħhom għal riskji prudenzjali, inklużi riskji relatati ma’ aspetti differenti tal-mudelli ta’ negozju tal-banek, il-governanza, u r-riskji operazzjonali. Dawn il-kompiti huma assenjati lill-BĊE biex jiżgura s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (21). Għalhekk, il-BĊE jista’ jitqies bħala awtorità kompetenti biss sa fejn ikun meħtieġ biex iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu skont it-Trattat u r-Regolament MSU (22). |
|
2.2. |
Ir-Regolament propost isegwi l-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumatur u mhux li jiżgura s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Jagħmel dan (1) billi jistabbilixxi regoli dwar il-kondiviżjoni tad-data finanzjarja tal-klijent u l-aċċess għaliha, u (2) billi jfittex li jiżgura li dawn ir-regoli jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-obbligi meħtieġa biex jiżdiedu l-kontroll u t-trasparenza. Konsegwentement, is-superviżjoni tal-konformità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolament propost taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi superviżorji prudenzjali tal-BĊE skont it-Trattat u r-Regolament MSU. Din il-konklużjoni hija allinjata mal-premessa 28 tar-Regolament MSU, li tiċċara li l-protezzjoni tal-konsumatur mhijiex fost il-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE u tibqa’ fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, it-test tar-regolament propost għandu jiċċara mingħajr ambigwità li l-BĊE mhuwiex maħtur bħala awtorità kompetenti fdata b’xi kompitu ta’ protezzjoni tal-konsumatur (23), inkluż fir-rwol tiegħu bħala superviżur konsolidanti (24). |
|
2.3. |
Madankollu, il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi pprovduta bażi legali ċara biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni (25), inkluż l-iffaċilitar ta’ skambji ta’ informazzjoni rilevanti bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont ir-regolament propost. Dan huwa konformi mal-premessa 29 tar-Regolament MSU, li tispeċifika li l-BĊE għandu jikkoopera, kif xieraq, bis-sħiħ mal-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
|
2.4. |
Fuq dik il-bażi, il-BĊE jissuġġerixxi li l-Artikoli 3(4) u 17(4), l-Artikolu 18(1), il-punt (b) (v), u l-Artikolu 26(1) tar-regolament propost għandhom jiġu emendati biex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-BĊE skont ir-regolament propost jirriflettu l-kompiti kkonferiti lilu mit-Trattat u r-Regolament MSU.
Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-30 ta’ Awissu 2024.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) COM(2023) 360 finali.
(2) COM(2020) 66 finali.
(3) Ara l-Artikolu 3, il-punt (5), tar-regolament propost.
(4) Ara l-Artikolu 3, il-punt (6), tar-regolament propost.
(5) Ara l-Artikolu 3, punti (2), u (5) tar-regolament propost.
(6) Ara l-Artikoli 4 uil- 5 tar-regolament propost.
(7) Ara l-Artikolu 8 tar-regolament propost.
(8) Ara l-Artikolu 6 tar-regolament propost.
(9) Ara l-Artikoli 12 sa 14 tar-regolament propost.
(10) Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost.
(11) Ara l-Artikoli 9 u 10 tar-regolament propost.
(12) Ara l-Artikolu 2(1), il-punti (a) u (f), u l-Artikoli 4 u 5 tar-regolament propost.
(13) Regolament (UE) 2016/867 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2016 dwar il-ġbir ta' mikrodejta dwar il-kreditu u r-riskju tal-kreditu (BĊE/2016/13) (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 44).
(14) Ara l-Artikolu 17(1) tar-regolament propost.
(15) Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011(ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).
(16) Ara l-Artikolu 17(4) tar-regolament propost.
(17) Ara l-Artikolu 17(4) tar-regolament propost.
(18) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(19) Ara l-Artikolu 46, il-punt (a), tad-DORA.
(20) Ara l-Artikolu 4(1), il-punt (e), tar-Regolament MSU.
(21) Ara l-premessa 30 tar-Regolament MSU.
(22) L-osservazzjoni li kompiti superviżorji prudenzjali biss jistgħu jiġu assenjati lill-BĊE hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jassenjaw il-kompiti superviżorji stabbiliti skont ir-regolament propost lill-awtoritajiet prudenzjali nazzjonali.
(23) Ara l-paragrafu 2 tal-Opinjoni CON/2021/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Diċembru 2021 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (ĠU C 115, 11.3.2022, p.5).
(24) Ara l-Artikolu 18(1), il-punt (b)(v), tar-regolament propost.
(25) Ara l-paragrafu 3 tal-Opinjoni CON/2022/4 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU C 210, 25.5.2022, p. 5).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5923/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)