|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1821 |
27.6.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1821
tal-25 ta’ Ġunju 2024
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib miżjud fl-ikel u użat fil-manifattura tas-supplimenti tal-ikel
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jistabbilixxu l-lista ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiżdiedu mal-ikel u l-forom li fihom jistgħu jiżdiedu. |
|
(2) |
L-Annessi I u II tad-Direttiva 2002/46/KE jistabbilixxu l-lista ta’ vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jintużaw fil-manifattura tas-supplimenti tal-ikel u l-forom li fihom jistgħu jiżdiedu. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/949 (3) awtorizza l-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib bħala ikel ġdid f’ċertu ikel u supplimenti tal-ikel, fost prodotti oħrajn, soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. |
|
(4) |
Matul il-proċess tal-awtorizzazzjoni, fl-4 ta’ Awwissu 2022, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika (4) li fiha kkonkludiet li l-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib huwa sikur fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti u li huwa sors li minnu l-ħadid huwa bijodisponibbli. |
|
(5) |
Abbażi ta’ dik l-opinjoni xjentifika, il-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib ġie inkluż fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat prevista fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (5). |
|
(6) |
Il-Kummissjoni tqis li l-opinjoni tal-Awtorità tipprovdi bażi suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-użu tal-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/949, meta jintuża fl-ikel u fis-supplimenti tal-ikel kif speċifikat fih, u eskluż l-użu għat-trabi u għat-tfal żgħar, mhux ta’ tħassib għas-sikurezza bħala sors ta’ ħadid. |
|
(7) |
Abbażi tal-opinjoni favorevoli tal-Awtorità u tal-awtorizzazzjoni bħala ikel ġdid kif stipulat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/949, jenħtieġ li l-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib jiġi inkluż fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 bħala forma ta’ ħadid. |
|
(8) |
Ġie kkonsultat il-Grupp Konsultattiv dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti u tqiesu l-kummenti tiegħu. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jiġu emendati skont dan. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.
(2) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/949 tat-12 ta’ Mejju 2023 li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-kaseinat tal-ħadid tal-ħalib bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 128, 15.5.2023, p. 60).
(4) EFSA NDA Panel. Safety of iron milk proteinate as a novel food pursuant to Regulation (UE) 2015/2283 and bioavailability of iron from this source in the context of Directive 2002/46/KE (EFSA Journal 2022;20(9):7549).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).
ANNESS
(1)
Fil-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn l-entrata għall-“ħadid elementali (karbonil + elettrolitiku + idroġenu imnaqqas)” u l-entrata għall-“karbonat tar-ram”:“kaseinat tal-ħadid tal-ħalib (*)
(*) Kif elenkat fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).”."
(2)
Fil-Punt B tal-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE, l-entrata li ġejja tiddaħħal bejn l-entrata għall-“EDTA ferriku tas-sodju” u l-entrata għat- “taurate ħadid (II)”:“kaseinat tal-ħadid tal-ħalib (*)
(*) Kif elenkat fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.”."
(*) Kif elenkat fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).”.
(*) Kif elenkat fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.”.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1821/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)