KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑15 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑451/22

RTL Nederland BV,

RTL Nieuws BV

fil-preżenza ta’

Minister van Infrastructuur en Waterstaat

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il‑Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Avjazzjoni ċivili – Regolament (UE) Nru 376/2014 – Artikolu 15(1) – Kunfidenzjalità adatta tad-dettalji ta’ okkorrenzi – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 11 u 42 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Artikolu 10 – Libertà li tirċievi informazzjoni – Limitazzjoni – Sigurtà pubblika)

I. Introduzzjoni

1.

Fis‑17 ta’ Lulju 2014, 298 persuna tilfu ħajjithom meta t-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines, titjira skedata tal-passiġġieri minn Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) għal Kuala Lumpur (il-Malasja), ikkraxxjat qrib Hrabove, villaġġ fl-Ukraina tal-Lvant ( 2 ). RTL Nederland BV u RTL Niews BV (iktar ’l quddiem, “RTL”), żewġ impriżi tal‑midja Olandiżi, talbet informazzjoni mill-Gvern Olandiż sabiex tiskopri x’kien jaf dwar is-sigurtà tal-ispazju tal-ajru Ukrain qabel id-diżastru. Il-minister van Infrastructuur en Waterstaat (il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Immanniġġjar tal-Ilma, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) iddeċieda li l-liġi nazzjonali u r‑Regolament Nru 376/2014 ( 3 ) jipprojbixxu żvelar ta’ dik l-informazzjoni. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta mill-appell ta’ RTL minn dik id-deċiżjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

2.

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014, intitolat “Kunfidenzjalità u użu adatt tal-informazzjoni”, jistipula:

“1.   L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, u [l-Aġenzija Ewropew tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-“Aġenzija”)] għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità adatta tad-dettalji tal-okkorrenzi li dawn irċevew skont l-Artikoli 4, 5 u 10.

Kull Stat Membru, kull organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, jew l‑Aġenzija għandhom jipproċessaw id-data personali biss sal-punt meħtieġ għall-fini ta’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall‑atti legali nazzjonali li jimplimentaw id-[Direttiva 95/46/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p.355)].

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fl-Artikoli 12, 14 u 15 tar‑[Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id‑Direttiva 94/56/KE (ĠU 2010, L 295, p. 35)], l-informazzjoni li tkun ġejja mir-rapporti tal-okkorrenzi għandha tintuża biss għall-fini li għaliha tkun inġabret.

L-Istati Membri, l-Aġenzija u l-organizzazzjonijiet ma għandhomx jagħmlu disponibbli jew jużaw l-informazzjoni dwar l-okkorrenzi:

(a)

sabiex jattribwixxu ħtija jew ta’ responsabbiltà, jew;

(b)

għal kwalunkwe fini ieħor minbarra l-manutenzjoni jew it-titjib tas‑sikurezza tal-avjazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fit-twettiq tal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 14 fir-rigward tal‑informazzjoni li tinsab fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew, għandhom:

(a)

jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, u;

(b)

jillimitaw l-użu tal-informazzjoni għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mas-sikurezza mingħajr ma jagħtu t-tort jew ir-responsabbiltà; f’dak ir-rigward, l-informazzjoni għandha b’mod partikolari tintuża għall-ġestjoni tar‑riskji u għall-analiżi tax-xejriet tas-sikurezza li jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet relatati mas-sikurezza, li jindirizzaw nuqqasijiet attwali jew potenzjali tas-sikurezza.

[…]”

B.   Il‑Liġi tal‑Pajjiżi l‑Baxxi

3.

L-Artikolu 2.1 tal-Wet openbaarheid van bestuur (il-Liġi dwar l-Informazzjoni tal-Gvern (Aċċess Pubbliku)) jipprovdi li:

“Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha, entità amministrattiva għandha, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra stipulati fil-liġi, tipprovdi informazzjoni skont din il-Liġi u f’dan ir-rigward issegwi l‑interess ġenerali għal aċċess miftuħ għal informazzjoni.”

4.

L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar l-Informazzjoni tal-Gvern (Aċċess Pubbliku) jistipula:

“1.   Kull persuna tista’ tagħmel talba għal informazzjoni f’dokumenti relatati ma’ kwistjoni amministrattiva lil entità amministrattiva jew lil istituzzjoni, dipartiment jew kumpannija li tiffunzjona taħt l-awtorità ta’ entità amministrattiva.

2.   Fit-talba, min jagħmel it-talba għandu jispeċifika l-kwistjoni amministrattiva, jew id-dokument relatat magħha, li dwarha min jagħmel it-talba jixtieq jikseb l-informazzjoni.

3.   Min jagħmel it-talba ma għandux għalfejn jiddikjara xi interess meta jagħmel it-talba.

4.   Jekk it-talba ssir b’mod ġenerali wisq, l-entità amministrattiva għandha mill-iktar fis possibli titlob lil min jagħmel it-talba sabiex jikkjarifika t-talba tiegħu u għandha tassistih sabiex jagħmel dan.

5.   Talba għal informazzjoni għandha tintlaqa’ bla ħsara għad‑dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11.”

5.

L-Artikolu 1.1 tal-Wet luchtvaart (il-Liġi tal-Avjazzjoni) jistipula li:

“F’din il-Liġi u d-dispożizzjonijiet ibbażati fuqha, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

[…]

okkorrenza: interruzzjoni operazzjonali, difett, ħsara jew irregolarità oħra li taffettwa jew tista’ taffettwa sigurtà ta’ titjira, mingħajr ma tikkostitwixxi aċċident jew inċident serju, kif imsemmi fl-Artikolu 3(a) u (k) tad-Direttiva 94/56/KE tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej tal‑21 ta’ Novembru 1994 li tistabbilixxi l-prinċipji fondamentali li jirregolaw l‑investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti ta’ avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 224);

[…]”

6.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7.1 tal-Liġi tal-Avjazzjoni jitlob li l-okkorrenzi għandhom jiġu nnotifikati lill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ambjent.

7.

Skont l-Artikolu 7.2 tal-Liġi tal-Avjazzjoni:

“1.   Data miksuba minn notifika msemmija fl-Artikolu 7.1(1) jew riċevuta minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea bħala risposta għal notifika simili f’dak l-Istat Membru ma hijiex pubblika.

2.   Kwalunkwe awtorità li għandha kompetenza regolatorja fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili jew b’kompetenza investigattiva fir-rigward ta’ aċċidenti jew inċidenti li jseħħu fi ħdan il-Komunità Ewropea għandu jkollha aċċess għad-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

3.   Meta n-notifika tkun irreġistrata, l-ismijiet u l-indirizzi ta’ persuni individwali ma għandhomx ikunu rrekordjati.”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari magħmula u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

8.

Fl‑10 ta’ Jannar 2018, RTL talbet dokumenti relatati mad-diżastru tat-titjira MH17 mingħand il-Gvern Olandiż skont il-Liġi dwar l-Informazzjoni tal-Gvern (Aċċess Pubbliku). Id-dokumenti mitluba kienu jinkludu “ir‑rapporti ECCAIRS kollha dwar l-Ukraina fl‑2014” ( 4 ).

9.

Il-Ministru identifika żewġ rapporti rilevanti iżda ddeċieda li ma setax jiżvelahom għaliex: (i) RTL ma kinitx waħda mill-partijiet interessati li għalihom jirreferi l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 376/2014, jiġifieri persuni u organizzazzjonijiet attivi fis-settur tal‑avjazzjoni elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-regolament; u (ii) l-Artikolu 7.2 tal-Liġi tal-Avjazzjoni jipprojbixxi l-iżvelar tagħhom ( 5 ).

10.

RTL appellat mid-deċiżjoni tal-Ministru. Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Diċembru 2018, hija informat lir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali, Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) li, fl-interess ta’ effiċjenza proċedurali, hija llimitat l-appell tagħha għad-dokumenti kollha relatati ma’ rapporti dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-ispazju tal-ajru fuq l-Ukraina qabel is‑17 ta’ Lulju 2014, inklużi rapporti fl-ECCAIRS ( 6 ).

11.

Ir-Rechtbank (il-Qorti Distrettwali) ċaħdet l-appell ta’ RTL ( 7 ). L-Artikolu 7.2 tal-Liġi tal-Avjazzjoni, li għandu l-għan li jirrifletti l‑obbligu ta’ kunfidenzjalità li jinsab fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014, jipprojbixxi l-iżvelar tar-rapporti ECCAIRS. RTL ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 376/2014 għaliex din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod eżawrjenti kif u lil min tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni. RTL rikonoxxiet li ma kinitx persuna interessata għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. Lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 13(12) tar-Regolament Nru 376/2014 billi din id-dispożizzjoni ma tipprovdix proċedura għall-iżvelar ta’ informazzjoni anonimizzata fuq talba. B’żieda ma dan, RTL ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dritt li tingħata informazzjoni skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea fuq id-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) billi dawn il-limitazzjonijiet huma stipulati mil-liġi u ma hemmx ċirkustanzi eċċezzjonali fil-ġurisprudenza rilevanti li jindikaw li dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jkunu illegali. Sa fejn dik it-talba ta’ RTL setgħet tiġi interpretata bħala li tinkludi kwalunkwe dokumenti relatati mar-rapporti ECCAIRS, l-istess kunsiderazzjonijiet kienu jimmilitaw kontra l-iżvelar tagħhom.

12.

Għalkemm il-Ministru kien ipprovda lir-Rechtbank (il-Qorti Distrettwali) biż-żewġ rapporti li huwa kien identifika bħala rilevanti, din il-qorti iddeċidiet li ma kienx xieraq li taqrahom. Hija kkunsidrat ukoll li ma kienx xieraq li tilqa’ t-talba ta’ RTL għal dikjarazzjoni sostantiva dwar il-mistoqsija jekk il-Gvern Olandiż kienx irreaġixxa malajr biżżejjed għal kwalunkwe twissija dwar is-sigurtà tal-ispazju tal-ajru Ukrain.

13.

RTL appellat kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“(1)

X’tifsira għandha tingħata lil dettalji tal-‘okkorrenzi’ u ‘kunfidenzjalità’ fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-[Regolament Nru 376/2014] u fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)] u fl-Artikolu 10 tal-[KEDB]?

(2)

Fid-dawl tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 11 tal-[Karta] u fl-Artikolu 10 tal-[KEDB], l‑Artikolu 15(1) tar-[Regolament Nru 376/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kompatibbli ma’ regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ebda informazzjoni rċevuta wara okkorrenzi nnotifikati ma tista’ tiġi ppubblikata?

(3)

Jekk għat-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tapplika sistema ġenerali nazzjonali ta’ żvelar li abbażi tagħha l-informazzjoni ma tiġix żvelata sakemm l‑iżvelar tagħha ma jkunx jipprevali fuq l-interessi involuti minħabba, pereżempju, ir-relazzjonijiet ma’ Stati oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, l-ispezzjoni, il-kontroll u s‑sorveljanza minn awtoritajiet amministrattivi, ir-rispett tal-ħajja privata u l-fatt li għandu jiġi evitat li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jiġu vantaġġati jew żvantaġġati b’mod sproporzjonat?

(4)

Jagħmel differenza, fl-applikazzjoni tas-sistema ġenerali nazzjonali ta’ żvelar, il-fatt li l-informazzjoni tkun inkluża fid-database nazzjonali jew meħuda minn rapporti, jew tkun dwar dawn ir‑rapporti, u tkun tinsab f’dokumenti oħra, bħal pereżempju dokumenti ta’ gwida?”

14.

Il-Gvern Olandiż, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta fit‑30 ta’ Marzu 2023, saret it-trattazzjoni tal-partijiet u dawn irrispondew għall‑mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

A.   It‑tħassir tad‑Direttiva 2003/42/KE u l‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 376/2014

15.

Fl‑2011, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar it-twaqqif ta’ sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni Ewropea ( 8 ). Fid-dawl ta’ żieda antiċipata fin-numru ta’ titjiriet, hija osservat li ser tkun sfida sabiex tinżamm ir-rata baxxa ta’ inċidenti tal-Unjoni Ewropea jekk ma jittieħdux azzjonijiet speċifiċi, inklużi l-identifikazzjoni ta’ perikoli għas-sigurtà, il-qsim ta’ informazzjoni dwar sigurtà u l-investigazzjoni b’mod proattiv ta’ inċidenti.

16.

Minkejja l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/42 ( 9 ), il-Kummissjoni identifikat limitazzjoni sinjifikattiva fir-rappurtar ta’ avvenimenti relatati ma’ sigurtà, inklużi dawk ikkawżati minħabba data inkompleta jew informazzjoni ta’ kwalità baxxa. Sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib, inħass il-bżonn li tiġi stabbilita kultura ta’ rappurtar miftuħ u li jinħoloq ambjent fejn individwi jħossuhom li jistgħu jirrappurtaw avvenimenti sinjifikattivi mingħajr il-biża’ ta’ ritaljazzjoni, deskritta bħala “kultura ġusta” ( 10 ).

17.

Waqt ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/42 mill-Kummissjoni, l-Istati Membri indikaw li kienu jqisu r-rappurtar effettiv ta’ okkorrenza bħala kruċjali sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ sigurtà bbażata fuq l-evidenza. Huma wrew id-dispjaċir tagħhom għan-nuqqas ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni rrapportata u l-livell baxx ta’ protezzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji. Huma pproponew li jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni sabiex jinħoloq ambjent fejn ma jkunx hemm ippuntar ta’ swaba fejn individwi jiġu inkoraġġiti jirrappurtaw nuqqasijiet u żbalji relatati mas-sigurtà ( 11 ).

18.

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għar-Regolament Nru 376/2014 ( 12 ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qabel li s-sistema ta’ rappurtar ta’ okkurrenza tista’ tiffunzjona b’mod effettiv biss jekk tkun implimentata fil-kuntest ta’ “kultura ġusta”, li tagħti protezzjoni lill-impjegati minn kull proċedura miġjuba kontrihom mill-persuna li timpjegahom u tipproteġihom minn kull konswegenza ta’ preġudizzju jew azzjoni legali bħala riżultat ta’ żbalji involontarji. Sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ biżgħat bla bażi u reazzjonijiet negattivi fil-pubbliku, huwa xieraq li l-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni f’forma aggregata u f’rapporti annwali dwar is-sigurtà ġenerali tal-avjazzjoni.

19.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, fost oħrajn, wasslu għat-tħassir tad-Direttiva 2003/42. Huwa ċar li l-partijiet ikkonċernati kollha kkunsidraw il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni bħala kruċjali għat-tħaddim effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni ta’ sigurtà tal-avjazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 376/2014, naqbel ma’ dik il-pożizzjoni. Filwaqt li hemm ħafna kuntesti li fihom it-trasparenza hija fl-interess pubbliku għaliex iżżid il-leġittimità u l-effettività u tiżgura li persuni u organizzazzjonijiet jistgħu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom, hemm sitwazzjonijiet oħra fejn dan ma jistax ikun it-tħassib ewlieni. Ir-rappurtar ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili jaqa’ b’mod ċar f’dik it-tieni kategorija.

20.

Ir-Regolament Nru 376/2014 jistipula regoli sabiex jiżgura li informazzjoni dwar is-sigurtà relatata mal-avjazzjoni ċivili hija rrapportata, miġbura, maħżuna, protetta, skambjata ma’ esperti tal-avjazzjoni u analizzata, u li, fejn xieraq, tittieħed azzjoni għas-sigurtà f’waqtha abbażi ta’ dik l-informazzjoni ( 13 ). Ir-regolament ikopri l‑okkorrenzi kollha li jinvolvu inġenju tal-ajru rreġistrat fi Stat Membru jew operat minn organizzazzjoni stabbilita fi Stat Membru, anki meta l-okkorrenza sseħħ barra mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ( 14 ).

21.

Ir-Regolament Nru 376/2014 jirrikjedi r-rappurtar obbligatorju ta’ okkorrenzi li jirrapreżentaw riskju sinjifikattiv għas-sigurtà tal-avjazzjoni u r-rappurtar volontarju ta’ okkorrenzi li ma humiex koperti mir-rekwiżit ta’ rappurtar obbligatorju ( 15 ) L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom aċċess għad-databases nazzjonali rispettivi tagħhom li jinkludu dawk ir‑rapporti ( 16 ). Il-Kummissjoni tiġġestixxi r-RĊE, li fiha ir-rapporti tal-okkorrenzi kollha miġbura fl-Unjoni Ewropea jinħażnu, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti tal‑Istati Membri, l-Aġenzija ( 17 ) u l‑Kummissjoni għandhom aċċess ( 18 ). Informazzjoni rrapportata għandha tiġi segwita f’livell nazzjonali billi tiġi analizzata sabiex jiġu identifikati perikoli ta’ sigurtà, sabiex jiġu stabbiliti passi xierqa sabiex tiġi mtejba s-sigurtà tal-avjazzjoni fejn rilevanti, u sabiex jiġu implimentati u tiġi ssorveljata l‑effettività ta’ tali passi. L-Aġenzija għandha tkun informata b’dawn l-iżviluppi. Hemm ukoll sistema ta’ segwitu f’livell tal-Unjoni ( 19 ).

22.

Ir-Regolament Nru 376/2014 jinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità u l-użu adattat tal-informazzjoni, il-protezzjoni ta’ sorsi ta’ informazzjoni, l-aċċess għal dokumenti u l-protezzjoni ta’ data personali. L-informazzjoni hija ġeneralment anonimizzata sa fejn possibbli u hija disponibbli biss għal persuni li xogħolhom huwa dak li jżommu u jtejbu s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Ser nirreferi għal dawn id-dispożizzjonijiet f’iktar dettall iktar ’l isfel.

B.   L‑ewwel domanda

1. L‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 376/2014

23.

Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar xi tfisser “il-kunfidenzjalità adatta tad-dettalji tal-okkorrenzi” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 ( 20 ). Hija tqis li t-tifsira eżatta ta’ din il-frażi hija importanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-Ministru kellux raġun li ma jiżvelax iż-żewġ rapporti li huwa kien identifika bħala rilevanti għat-talba ta’ RTL għal “rapporti dwar is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fl-ispazju tal-arju fuq l-Ukraina qabel is‑17 ta’ Lulju 2014, inklużi fuq l‑ECCAIRS”.

24.

Qabel ma neżamina t-test tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014, huwa utli li jiġu deskritti fil-qosor il-flussi ta’ informazzjoni relatati mal-okkorrenzi ( 21 ).

25.

Impjegati, kuntratturi u fornituri ta’ servizzi tal-organizzazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament Nru 376/2014 normalment jirrapportaw okkorrenzi lill-organizzazzjoni li timpjegahom jew tuża s-servizzi tagħhom. B’mod alternattiv, jistgħu jirrapportaw l-okkorrenzi direttament lil awtorità nazzjonali kompetenti jew lill-Aġenzija. Ir-rapporti ta’ okkorrenzi, redatti abbażi ta’ dettalji ta’ okkorrenzi miġbura, huma maħżuna f’databases ( 22 ). Ir-rapporti huma ttrasferiti lejn id-database tal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri ( 23 ). L-awtoritajiet għall-investigazzjoni tas-sigurtà u l-awtoritajiet ta’ avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru għandhom aċċess għad-databases nazzjonali rispettivi tagħhom sabiex janalizzaw rapporti ta’ okkorrenzi, jisiltu konklużjonijiet minnhom u jimplimentaw azzjonijiet sabiex jippromwovu s-sigurtà tal-avjazzjoni ( 24 ).

26.

L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jagħmlu l-informazzjoni kollha relatata mas-sigurtà maħżuna fid-databases ta’ rappurtar rispettivi tagħhom, disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha, l-Aġenzija u l-Kummissjoni, permezz ta’ aċċess onlajn sħiħ sigur għar-RĊE. ( 25 ) Ir-rapporti huma analizzati u kull azzjoni ta’ segwitu tkun implimentata f’livell tal-Unjoni ( 26 ).

27.

Fir-rigward tal-analiżi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jirreferux b’mod espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tagħhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni u l-kuntest ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet u l-għan li għandu jintlaħaq min dik il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 27 ).

28.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li l-Istati Membri, organizzazzjonijiet u l-Aġenzija għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità adatta tad-dettalji tal-okkorrenzi li huma rċevew skont l-Artikoli 4, 5 u 10 tiegħu.

29.

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 376/2014 jiddefinixxi “okkorrenza” bħala “kwalunkwe avveniment relatat mas-sikurezza li jipperikola jew li, jekk ma jiġix ikkoreġut jew indirizzat, jista’ jipperikola lill-inġenju tal-ajru, lil min ikun qiegħed abbord jew lil kwalunkwe persuna oħra u jinkludi b’mod partikolari aċċident jew inċident serju”.

30.

Ir-Regolament Nru 376/2014 ma jiddefinixxix “dettalji”. Definizzjonijiet tad-dizzjunarju ta’ dan it-terminu jinkludu “biċċa informazzjoni jew fatt dwar xi ħaġa”, “parti subordinata” jew “elementi żgħar li jikkostitwixxu parti sħiħa”. Il-kelma “renseignements”, użata fil-verżjoni tal-lingwa Franċiża, spiss hija tradotta fil-lingwa Ingliża bħala “dettalji” jew “informazzjoni”. Il-verżjonijiet tal-lingwa Spanjola, Ċeka, Ġermaniża u Portugiża wkoll jużaw kliem li jfisser “informazzjoni”, “data” jew “dettalji”. Huwa interessanti li l-verżjoni tal-lingwa Olandiża tuża l-kelma “bijzonderheden”, li tagħti l-idea ta’ “karatteristiċi”, “speċifiċitajiet” jew “fatturi distintivi”, kif ukoll “dettalji” jew “informazzjoni”. Dan jixbah it-test tal-verżjoni tal-lingwa Taljana, li jirreferi għal “informazioni dettagliate”, “informazzjoni ddettaljata”. Dan l-analiżi testwali komparattiv jiżvela li “dettalji tal-okkorrenzi” ifisser l-informazzjoni kollha fl-okkorrenzi li għaliha l-organizzazzjonijiet rilevanti, l-Istati Membri jew l-Aġenzija għandhom aċċess skont l-Artikoli 4, 5 jew 10 tar-Regolament Nru 376/2014.

31.

Il-kelma “adatta” fl-espressjoni “kunfidenzjalità adatta” fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 ma hijiex iddefinita. Is-sens ordinarju tagħha, bħala “xierqa u proprja fiċ-ċirkustanzai” ( 28 ), fih innifsu jitlob analiżi kuntestwali.

32.

Il-premessa 33 tar-Regolament Nru 376/2014 tistipula li “is-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili hija stabbilita fuq il-bażi ta’ feedback u t-tagħlimiet meħuda minn aċċidenti u inċidenti. Ir-rappurtar tal-okkorrenzi u l-użu ta’ informazzjoni dwar l-okkorrenzi għat-titjib tas-sikurezza jiddependu fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn min jagħmel ir-rapport u l-entità responsabbli mill-ġbir u mill-valutazzjoni tal-informazzjoni. Dan jeħtieġ applikazzjoni stretta tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità. Il-protezzjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza mill-użu mhux xieraq, u l-aċċess tar-[RĊE] limitat biss għall-partijiet interessati li jipparteċipaw fit-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, għandhom l-iskop li jiżguraw id-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni dwar is-sikurezza sabiex ikun possibbli li tittieħed azzjoni adatta u fil-ħin ta’ prevenzjoni u biex titjieb is-sikurezza tal-avjazzjoni. F’dan il-kuntest, l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza għandha tkun protetta b’mod adatt, u l-ġbir tagħha għandu jiġi żgurat billi tiġi garantita l-kunfidenzjalità tagħha, il-protezzjoni tas-sors tagħha u tiġi żgurata l-fiduċja tal-ħaddiema li jaħdmu fl-avjazzjoni ċivili fis-sistemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri adatti sabiex jiżguraw li dik l-informazzjoni miġbura permezz ta’ skemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi tinżamm kunfidenzjali, u li jiġi ristrett l-aċċess għar-[RĊE]. Ir-regoli nazzjonali dwar il-libertà tal-informazzjoni għandhom jieħdu kont tal-kunfidenzjalità meħtieġa ta’ informazzjoni bħal din. L-informazzjoni miġbura għandha tkun protetta b’mod adatt mill-użu jew mill-iżvelar mhux awtorizzat. Għandha tkun strettament użata għaż-żamma jew għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni u ma għandhiex tiġi użata għall-attribuzzjoni ta’ ħtija jew ta’ responsabbiltà.”

33.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li “[l]-uniku objettiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi huwa l-prevenzjoni tal‑aċċidenti u tal-inċidenti u mhux l-attribuzzjoni ta’ ħtija jew ta’ responsabbiltà”.

34.

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li l-organizzazzjonijiet għandhom jaħtru persuna jew aktar biex tieħu ħsieb il-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta’ dettalji tal-okkorrenzi rrapportati skont l-Artikoli 4 u 5 tal-istess regolament. L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jitlob l-iżvilupp ta’ proċess biex janalizza l-okkorrenzi miġbura sabiex jidentifika l-perikoli għas-sigurtà assoċjati. L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 376/2014 jitlob li jinħatru awtoritajiet kompetenti biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta’ dettalji tal-okkorrenzi rrapportati skont l-Artikoli 4 u 5 tal-istess regolament.

35.

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li kwalunkwe entità li tiġi fdata biex tirregola s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, jew kwalunkwe awtorità tal-investigazzjoni tas-sigurtà fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandu jkollha aċċess sigur u sħiħ onlajn għall-informazzjoni dwar l-okkorrenzi miżmuma fir-RĊE.

36.

Kunsiderazzjoni tal-kuntest tindika li l-frażi “kunfidenzjalità adatta” tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li d-dettalji tal-okkorrenzi jkunu disponibbli biss għall-persuni maħtura fi ħdan organizzazzjonijiet, awtoritajiet kompetenti maħtura, entitajiet inkarigati sabiex jirregolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sigurtà kif jistipula espressament ir-Regolament Nru 376/2014 u dan biss għaż-żamma jew għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Il-korollarju ta’ dan huwa li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 ma jippermettix l-iżvelar, wara talba, ta’ dettalji ta’ okkorrenzi lil membru tal-pubbliku jew lil impriża tal-midja.

37.

Għal finijiet ta’ kompletezza, nosserva li ma huwiex kredibbli li impriża tal-midja bħall-RTL tista’, billi tikseb u tagħti l-informazzjoni rilevanti lill-pubbliku, tikkontribwixxi b’xi mod sinjifikattiv għaż-żamma jew titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dan ma huwiex biex jitnaqqas il-mertu ta’ impenn ġurnalistiku indipendenti u imparzjali, li huwa ta’ importanza kruċjali sabiex jiġu żvelati nuqqasijiet ta’ istituzzjonijiet u entitajiet pubbliċi u privati. Dan sempliċement jirrifletti l-fatt li l-leġiżlatura tal-UE ddeċidiet, fil-kuntest tas-sistema komprensiva ta’ superviżjoni li minnha r-Regolament Nru 376/2014 huwa parti, li l-interess pubbliku huwa protett aħjar jekk l-informazzjoni rilevanti ma tiġix żvelata barra ċ-ċirku tal-esperti tal-avjazzjoni u tas-sigurtà li xogħolhom huwa li janalizzaw dik l-informazzjoni u jimplimentaw kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu.

38.

Iż-żewġ rapporti dwar l-okkorrenzi inkwistjoni huma maħżuna fid-database nazzjonali rilevanti u fir-RĊE ( 29 ). L-obbligi relatati mal-kunfidenzjalità u l-użu adatt tal-informazzjoni fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 376/2014 huma għalhekk rilevanti wkoll.

39.

L-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li informazzjoni li tinsab fir-RĊE għandha tinżamm kunfidenzjali. L-użu tagħha huwa ristrett sabiex il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom relatati mas-sigurtà. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 376/2014 jistabbilixxi proċedura għal talba għal aċċess għal informazzjoni fir-RĊE għal “partijiet interessati”, li fl-Artikolu 2(14) huma ddefiniti bħala dawk f’pożizzjoni li jipparteċipaw fit-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni, billi jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar okkorrenzi li l-Istati Membri jiskambjaw, u jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji tal-partijiet interessati stipulati fl-Anness II tiegħu. Id-deċiżjoni li l-informazzjoni tiġi ddisseminata skont l-Artikolu 11 għandha tkun limitata strettament għal dak li huwa meħtieġ għall-fini tal-utenti tagħha ( 30 ). Partijiet interessati jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu biss għall-għan stipulat fil-formula tat-talba, li għandu jkun kompatibbli mal-għan tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 376/2014. Ma jistgħux jiżvelaw informazzjoni li jirċievu b’dan il-mod mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-fornitur tal-informazzjoni ( 31 ). L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula kif għandhom jiġu ppreżentati u pproċessati talbiet għal informazzjoni fir-RĊE. L-Artikolu 20(1) tal-istess regolament jistipula li l-Artikoli 10 u 11 tiegħu jistabbilixxu regoli iktar stretti dwar aċċess għad-data u informazzjoni li jinsabu fir-RĊE minn dak stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 32 ). L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 376/2014 jgħid li l-użu ta’ informazzjoni maħżuna fir-RĊE għandu jkun skont l-Artikolu 15 tiegħu.

40.

Mit-test tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 376/2014 huwa ċar li l-possibbilità li jinkisbu aċċess għar-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna fir-RĊE hija limitata għal dawk li jużaw b’mod tajjeb il-proċedura tal-Artikolu 10. Skont informazzjoni li tinsab fil-proċess nazzjonali, RTL taqbel li ma tistax tibbenefika mill-proċedura tal-Artikolu 10 għaliex ma hijiex parti interessata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(14) tar‑Regolament Nru 376/2014 ( 33 ).

41.

Il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet jaqblu li “dettalji tal-okkorrenzi” skont l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jiġu żvelati, fuq talba, lil membru tal-pubbliku jew impriża tal-midja. L-argumenti tal-RTL quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u l-qorti tar-rinviju, kif imqassra fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jikkontestawx dik il-pożizzjoni.

42.

L-ewwel, RTL tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-premessa 33 tar-Regolament Nru 376/2014 tistipula li “l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza għandha tkun protetta b’mod adatt” sabiex targumenta li hemm kategorija ta’ informazzjoni dwar sigurtà li, minkejja li taqa’ fl-ambitu ta’ obbligi mandatorji jew volontarji ta’ rappurtar dwar l-okkorrenzi fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, ma hijiex sensittiva u għalhekk tista’ tiġi żvelata.

43.

Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet fid-dispożizzjonijiet operattivi tar-Regolament Nru 376/2014 biex isostnu dan l-argument, m’iniex persważ li r-riferiment għal “informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza” fil-premessa 33 jillimita l-portata tal-protezzjoni li l-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 376/2014 jestendi għal dettalji ta’ okkorrenzi ( 34 ).

44.

It-tieni, RTL tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 376/2014 relatati mal-protezzjoni ta’ dettalji personali ta’ dawk li jirrapportaw l-okkorrenzi, jew li jissemmew fil-kuntest tal-okkorrenzi, sabiex targumenta li hija intitolata tikseb dettalji ta’ okkorrenzi anonomizzati ( 35 ). Dan ma huwiex il-każ. Il-fatt li okkorrenzi jiġu anonimizzati mhux neċessarjament jipprekludi l-identifikazzjoni ta’ persuni li kienu involuti fihom jew li rrapportawhom. L-interpretazzjoni proposta mir-RTL tiddgħajjef l-effettività tar-Regolament Nru 376/2014.

45.

Barra minn hekk, x’aktarx l-okkorrenzi jiġu rrapportati minn dawk li seta’ kellhom xi responsabbiltà fihom jew li kienu involuti b’xi mod meta seħħew. Ir-Regolament Nru 376/2014 jagħti importanza partikolari għall-protezzjoni tad-data personali ta’ dawk l-individwi. Il-premessa 33 tiegħu tispjega li kunfidenzjalità stretta hija kruċjali għall-operat effettiv tas-sistema għaliex tiddependi “fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn min jagħmel ir-rapport u l-entità responsabbli mill-ġbir u mill-valutazzjoni tal-informazzjoni”. Il-premessi 34 sa 45 tar-regolament jispjegaw l-importanza li tiġi stabbilita “kultura ġusta”, fejn individwi huma inkoraġġiti jirrapportaw okkorrenzi billi jkunu protetti minn konsegwenzi negattivi talli jagħmlu dan, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Il-premessa 35 tistipula li rapporti dwar l-okkorrenzi ma għandhomx jinkludu karatteristiċi li bihom persuna tista’ tkun identifikata ( 36 ) u li dettalji relatati mal-identità ta’ min jagħmel ir-rapport u tal-persuni msemmija f’dawk ir-rapporti ma għandhomx jiddaħħlu fid-databases. It-tieni paragrafu tal‑Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li Stati Membri, organizzazzjonijiet u l-Aġenzija għandhom jipproċessaw id-data personali biss sal-punt meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 16 tar-regolament jistipula regoli ddettaljati għall-protezzjoni tas-sors ta’ informazzjoni ( 37 ).

46.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li huwa biss bħala ċirkustanzi eċċezzjonali li d-dettalji personali għandhom jiġu maħżuna fid-databases li jinkludu dettalji tal-okkorrenzi. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tar-Regolament Nru 376/2014 huwa impossibbli li jiġi dedott li dettalji ta’ okkorrenzi, sakemm ġew anonimizzati, jistgħu jiġu żvelati fuq talba lil membru tal-pubbliku jew impriża tal-midja.

47.

Fit-tielet lok, RTL tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 13(12) tar-Regolament Nru 376/2014, li jistipula li “[l]-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll rapporti ta’ okkorrenzi anonimizzati u eżiti tal-analiżi tar-riskju”, sabiex targumenta li l-Ministru jista’ jipprovdilha l-informazzjoni mitluba. Kif isostnu l-partijiet kollha li ppreżentaw sottomissjonijiet, it-test ta’ din id-dispożizzjoni jagħti b’mod ċar lill-Istati membri diskrezzjoni sabiex jippubblikaw ċertu informazzjoni b’mod anonimizzat ( 38 ). Huwa ma jistabbilixxix, madankollu sistema ta’ aċċess li permezz tagħha membru tal-pubbliku jew impriża tal-midja jistgħu jitolbu u jiksbu dettalji anonimizzati ta’ okkorrenzi. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minn RTL hija, għal darb’oħra, kuntrarja għat-test tar-Regolament Nru 376/2014 u tippreġudika l-effettività tagħha.

2. L‑Artikolu 11 tal‑Karta u l‑Artikolu 10 tal‑KEDB

48.

Fit-tieni parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, b’mod partikolari sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għad-dritt li tingħata informazzjoni, għandhomx effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 ( 39 ). Il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet qablu li dan l-approċċ jikkontesta l-validità ta’ dak ir-regolament.

49.

L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 40 ) jistipulaw li l-Artikolu 11 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 10 tal-KEDB. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet li l-Artikolu tagħha ggarantixxa għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) ( 41 ). Filwaqt li l-Artikolu 6(3) TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB huma prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, l-Unjoni Ewropea ma aderixxietx mal-KEDB u għalhekk din il-Konvenzjoni ma hijiex inkluża b’mod formali fl-ordinament ġuridiku tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-Artikolu 52(3) tal-Karta ma jippreġudikax l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 11 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 10 tal-KEDB, kif interpretat mill-QEDB ( 42 )

50.

Huwa ċar, u dwar dan jaqblu l-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet, li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jillimita d-dritt ta’ impriża tal-midja bħall-RTL li tirċievi, u għalhekk tgħaddi, ċerta informazzjoni ( 43 ).

51.

Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 44 ), limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet għandhom ikunu previsti mil-liġi u għandhom jirrispettaw l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tali limitazzjonijiet għandhom ikunu meħtieġa u ġenwinament jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn ( 45 ).

52.

Ir-Regolament Nru 376/2014 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti jistipulaw il-limitazzjoni inkwistjoni b’mod suffiċjentament ċar u prevedibbli ( 46 ). Ir-rekwiżit li tali limitu jkun provdut mill-liġi huwa, għalhekk, issodisfatt.

53.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-essenza tad-dritt li tirċievi u tgħaddi informazzjoni hijiex osservata, ir-Regolament Nru 376/2014 bl-ebda mod ma jillimita d-dritt ta’ impriżi tal-midja li jiksbu informazzjoni, minn sorsi oħrajn, dwar sigurtà tal-avjazzjoni, jew x’kien jaf il-Gvern Olandiż f’dak ir-rigward, jew li jiżvelaw dik l-informazzjoni kif jidhrilhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(11) ta’ dak ir-regolament jobbliga lill-Istati Membri jippubblikaw analiżi dwar is-sigurtà mill-inqas darba fis-sena sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar il-livell ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili. Għalhekk, jidher li l-miżura kkontestata tosserva l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet li tinvoka RTL.

54.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni ta’ żvelar u jekk hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq għan leġittimu, l-Artikolu 10(2) KEDB jirreferi b’mod speċifiku għall-fatt li l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet li huma neċessarji fl-interess tas-sigurtà pubblika ( 47 ). Kif osservat fil-punti 15 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni tas-sigurtà pubblika kienet kunsidrata bir-reqqa matul il-proċess li wassal għar-revoka tad-Direttiva 2003/42, u dik il-kunsiderazzjoni kellha influwenza sinjifikattiva fuq is-sistema ta’ kunfidenzjalità stabbilita bir-Regolament Nru 376/2014. Jiena ma għandix dubju li r-regoli kontra l-iżvelar tar-rapporti dwar l-okkorrenzi huma neċessarji. L-iżvelar ta’ rapporti dwar l-okkorrenzi, fuq talba, lil membru tal-pubbliku jew impriża tal-midja jkollu impatt negattiv fuq l-inċentivi sabiex jiġu rrapportati okkorrenzi, jonqos kemm in-numru ta’ rapporti kif ukoll il-kwalità u l-kompletezza tal-informazzjoni hekk irrapportata, u b’hekk jiġi ppreġudikat għal livell mhux aċċettabbli l-operat b’mod effettiv tas-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-immanniġġjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa ċar għalija li l-limitazzjonijiet fuq l-iżvelar inkwistjoni f’din il-kawża huma neċessarji għall-operat effettiv tas-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-immanniġġjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni u jkunu limitazzjoni neċessarja u proporzjonata tad-drittijiet ta’ impriżi tal-midja ( 48 ). L‑Artikolu 11 tal-Karta ma jaffettwax l-interpretazzjoni proposta tiegħi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014. Lanqas għandu effett fuq il-validità ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet jaqblu fuq dan il-punt.

3. L‑Artikolu 42 tal‑Karta

56.

Minn qabel is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet sabiex jindirizzaw ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 11 u 42 tal-Karta, b’mod partikolari: (i) l-ambitu tad-drittijiet inklużi f’dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u tal-ġurisprudenza tal-QEDB fuq l-Artikolu 10 tal-KEDB, u (ii) l-implikazzjonijiet tal-ko-eżistenza tal-Artikoli 11 u 42 tal-Karta għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 376/2014. Skont il-partijiet li wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, dik il-kwistjoni hija rilevanti għaliex it-talba ta’ RTL għal informazzjoni hija relatata ma’ rapporti maħżuna fid-database nazzjonali inkwistjoni kif ukoll fir-RĊE ( 49 ), li għaliha entitajiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea fdati sabiex jirregolaw is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, jew awtorità għall-investigazzjoni tas-sigurtà, għandhom aċċess onlajn sigur u komplet.

57.

L-Artikolu 42 tal-Karta jagħti dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, organi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea ( 50 ). Id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Unjoni stipulat f’din id-dispożizzjoni ( 51 ) huwa manifestazzjoni speċifika tad-dritt għal aċċess għal informazzjoni li jinsab fl-Artikolu 11 tal-Karta. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt protett fl-Artikolu 42 tal-Karta ġie meħud mill-Artikolu 255 KE, illum l-Artikolu 15(3) TFEU ( 52 ). Dan tal-aħħar jirreferi għal dritt għal aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċji u aġenziji “ikun xi jkun il-mezz tagħhom”. Huwa jistipula li r-Regoli tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil għandhom jiddeterminaw il-prinċipji ġenerali u limitazzjonijiet abbażi ta’ interess pubbliku jew privat fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. Ir-Regolament Nru 1049/2001, adottat abbażi tal-Artikolu 255(2) KE, u r-Regolament Nru 376/2014 jistipulaw dawk il-prinċipji ġenerali u limitazzjonijiet.

58.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kundizzjonijiet u limitazzjonijiet stipulati f’dan ir-regolament. L-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament jinkludi eċċezzjoni li permezz tagħha l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument fejn l-iżvelar idgħajjef il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tas-sigurtà pubblika. Il-limitazzjonijiet fuq l-iżvelar fir-Regolament Nru 376/2014 jistgħu jkunu kkunsidrati bħala manifestazzjonijiet speċifiċi tal-eċċezzjoni tas-sigurtà pubblika. ( 53 )

59.

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 376/2014 jistipula li r-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 376/2014, li jistabbilixxu regoli iktar stretti dwar aċċess għad-data u informazzjoni li jinsabu fir-RĊE. L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 376/2014, liema artikolu huwa intitolat “Disseminazzjoni ta’ informazzjoni maħżuna fir-[RĊE]” fit-tieni subparagrafu jistipula li informazzjoni dwar okkorrenzi li tinsab fir-RĊE għandha tintuża, inter alia, b’mod konformi mal-Artikolu 15 tar-regolament. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 għalhekk jikkostitwixxi istanza speċifika tal-eċċezzjoni tal-interess pubbliku għad-dritt ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 54 ).

60.

L-Artikolu 52(1) tal-Karta huwa rilevanti għal limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet kollha rikonoxxuti minn dak id-dokument, inkluż il-limitazzjoni li jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 376/2014 sa fejn tapplika għal aċċess għal dokumenti fir-RĊE. Il-kunsiderazzjonijiet magħmula u l-konklużjoni misluta fil-punti 51 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet huma,, rilevanti hawn mutatis mutandis fil-kuntest tal-Artikolu 42 tal-Karta. Il-partijiet li rrispondew għall-mistoqsija rilevanti bil-miktub fis-seduta jaqblu ma’ din l-opinjoni.

C.   It‑tieni domanda

61.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jimponi rekwiżit fuq Stati Membri u organizzazzjonijiet sabiex jiżguraw l-kunfidenzjalità adatta ta’ dettalji ta’ okkorrenzi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ( 55 ).

62.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li l-ebda informazzjoni riċevuta dwar okkorrenzi rrapportati ma tista’ tiġi żvelata hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014.

63.

F’dan il-kuntest, “l-iżvelar” jirreferi għal żvelar lill-pubbliku ġenerali.

64.

Mill-analiżi tal-ewwel domanda kif proposta jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li l-ebda informazzjoni riċevuta minn okkorrenzi rrapportati ma’ tista’ tiġi żvelata lill-pubbliku, hija kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014.

D.   It‑tielet u r‑raba’ domandi

65.

Fid-dawl tar-risposti proposti għall-ewwel u t-tieni domandi, ma hemmx bżonn tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi. Kif indikaw il-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet rilevanti, dawn id-domandi jirrikjedu risposti biss jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fin-negattiv.

66.

Għall-iskop ta’ ċarezza, inżid li mir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi jirriżulta li, sa fejn informazzjoni riċevuta minn Stati Membri, organizzazzjonijiet u l-Aġenzija skont l-Artikoli 4, 5 u 10 tar-Regolament Nru 376/2014 hija inkluża f’dokumenti oħra tal-Gvern, l-Artikolu 15(1) tar-regolament jipprekludi l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni, fuq talba, lil membru tal-pubbliku jew impriża tal-midja ( 56 ).

V. Konklużjoni

67.

Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel u t-tieni domandi mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007, b’mod partikolari l-kliem “dettalji tal-okkorrenzi” u “kunfidenzjalità adatta”, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 11 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 10 tal‑Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

għandu jiġi interpretat li jfisser li:

(1)

kull informazzjoni riċevuta skont l-Artikoli 4, 5 u 10 tar‑Regolament Nru 376/2014 hija kunfidenzjali u xejn minnha ma tista’ tiġi żvelata, fuq talba, lil membru tal-pubbliku jew impriża tal-midja; u

(2)

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula dan.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) F’Ottubru 2015, l-Onderzoeksraad voor Veiligheid (il-Bord tas-Sigurtà, il-Pajjiżi l‑Baxxi) ippubblika rapporti ta’ tliet investigazzjonijiet, wieħed dwar iċ-ċirkustanzi madwar il-waqgħa tat-titjira MH17; wieħed dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-rotot tat-titjiriet u wieħed dwar il-proċedura sabiex jinġabru l-listi tal‑passiġġieri. Huwa ħareġ rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ diżastri bħal dan fil-futur. Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni dwar l-MH17, li jikkonsisti minn membri tal-pulizija u tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Belġju, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Awstralja, tal-Malasja u tal-Ukraina, qed imexxi investigazzjoni kriminali.

( 3 ) Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r‑Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU 2014, L 122, p. 18).

( 4 ) ECCAIRS (Ċentru Ewropew ta’ Koordinament għas-Sistemi ta’ Notifika tal-Inċidenti tal-Avjazzjoni) huwa s-softwer li l-Istati Membri kollha u r-Repożitorju Ċentrali Ewropew (RĊE) jużaw għall-ħażna tar-rapport ta’ okkorrenza (premessa 16 tar-Regolament Nru 376/2014).

( 5 ) Deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018.

( 6 ) Fis-seduta l-Gvern Olandiż ikkonferma l-portata tal-appell ta’ RTL

( 7 ) Sentenza tar-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali, Midden-Nederland), 7 ta’ Novembru 2019, UTR 18/4363 (NL:RBMNE:2019:5226).

( 8 ) Komunikazzjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2011 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropea, It-twaqqif ta’ Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-Ewropa (COM 2011/670 finali).

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 331).

( 10 ) Komunikazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropea, It-twaqqif ta’ Sistema għall-Ġestjoni tas-Sikurezza tal‑Avjazzjoni għall-Ewropa (COM 2011/670 finali), taqsima 3.3.

( 11 ) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, Dokument ta’ Akkumpanjament mal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili (SWD(2012) 441 finali) (18 ta’ Diċembru 2012), Anness I, Taqsima 4 u Anness II, Taqsima 4.1. Għalkemm l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2003/42 b’mod ġenerali kien jitlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw kunfidenzjalità adatta tal-informazzjoni riċevuta, xi persuni indikaw li informazzjoni kienet ġiet żvelata meta mitluba.

( 12 ) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007” (COM(2012) 776 finali) (ĠU 2013, C 198, p. 73).

( 13 ) Inċidenti, inċidenti serji u aċċidenti kif iddefiniti fir-Regolament 996/2010 huma wkoll suġġetti għar-Regolament Nru 376/2014.

( 14 ) Premessa 18 tar-Regolament Nru 376/2014.

( 15 ) Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 376/2014. Ara wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1018 tad‑29 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi lista ta’ klassifikazzjoni tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li għandhom jiġu rapportati b’mod mandatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2015, L 163, p.1).

( 16 ) Artikolu 6 tar-Regolament Nru 376/2014.

( 17 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 30) stabbilixxa l-Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea, li eventwalment saret l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (ara r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r‑Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, Nru 996/2010, Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU 2018, L 212, p. 1)).

( 18 ) L-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 376/2014.

( 19 ) L-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 376/2014.

( 20 ) Fis-seduta, il-Gvern Olandiż ikkonferma li l-qorti tar-rinviju ma tqisx ir-Regolament Nru 996/2010, li għalih jirreferi l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 376/2014, bħala rilevanti għat-talba għal informazzjoni ta’ RTL. Il-partijiet li kienu preżenti waqt is-seduta qablu mal-approċċ adottat mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk nindirizza d-domandi abbażi tal-preżunzjoni li huma rilevanti għall-konklużjoni tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju (ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn, C‑230/17, EU:C:2018:497, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-finijiet ta’ kompletezza, nosserva wkoll li, minbarra li jistipula dwar ir-rappurtar obbligatorju u volontarju tal-okkorrenzi, ir-Regolament Nru 376/2014 ikopri r-rappurtar, fuq bażi volontarja, ta’ “informazzjoni relatata mas-sikurenzza”, kif ukoll l-analiżi tagħha u, jekk ikun il-każ, il-qsim u segwitu tagħha (ara l‑Artikolu 3, Artikolu 5(1)(b), (2)(b), (3)(b), u (4) sa (6) u l‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 376/2014). Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju tindika li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda okkorrenzi rrapportati, u mhux “informazzjoni relatata mas-sikurezza”, mhux ser nindirizza din tal-aħħar.

( 21 ) Dawk suġġetti għal rappurtar obbligatorju (ara l-Artikolu 4(6) u (7) tar-Regolament Nru 376/2014). Il-fluss ta’ informazzjoni għar-rappurtar volontarju ta’ okkorrenzi u informazzjoni oħra relatata mas-sigurtà ma huwiex materjalment differenti (ara l‑Artikolu 5 tar-Regolament Nru 376/2014). Ara wkoll EASA, “Easy Access Rules for Occurrence Reporting (Regulation (EU) No 376/2014)”, Diċembru 2022, pp. 111 sa 115.

( 22 ) L-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 376/2014.

( 23 ) Din hija relatata ma’ organizzazzjonijiet li l-Aġenzija ma tiċċertifikax (ara l-Artikolu 4(8) u l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 376/2014).

( 24 ) L-Artikolu 6(9) u (10) tar-Regolament Nru 376/2014.

( 25 ) L-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 376/2014.

( 26 ) L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 376/2014.

( 27 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Il-verżjonijiet tal-lingwa Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Taljana u Olandiża tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 376/2014 jużaw l-aġġettiv “xieraq” jew “adatt”. Il-verżjoni tal-lingwa Franċiża tneħħi l-aġġettiv u tirreferi għal “il‑kunfidenzjalità”.

( 29 ) Kif ikkonfermat fis-seduta.

( 30 ) L-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 376/2014.

( 31 ) L-Artikolu 11(7) tar-Regolament Nru 376/2014.

( 32 ) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal‑Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Ara wkoll l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2018/1139, li jistipula li, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 japplika għal dokumenti miżmuma mill‑Aġenzija, dan huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar aċċess għal data u informazzjoni mniżla fir-Regolament Nru 376/2014.

( 33 ) Għal finijiet ta’ kompletezza nosserva li, skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 376/2014, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet involuti fl‑amministrazzjoni tal-ġustizzja għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-bżonn ta’ amministrazzjoni xierqa ta’ ġustizzja u d-disponibbiltà kontinwa u neċessarja ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà. L-amministrazzjoni tal‑ġustizzja hija relatata ma’ prosekuzzjonijiet f’każijiet ta’ mġiba ħażina intenzjonata jew fejn kien hemm nuqqas ta’ osservanza ċara, severa u serja fir‑rigward ta’ riskju ovvju u nuqqas kbir ta’ responsabbiltà professjonali li tingħata l-attenzjoni li hija evidentement meħtieġa fiċ-ċirkustanzi. L-Artikolu 15(4) tar‑Regolament Nru 376/2014 għalhekk jippermetti l-iżvelar ta’ informazzjoni, wara arranġamenti amministrattivi stabbiliti minn qabel, fejn il-ħtieġa għall‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tippredomina fuq il-ħtieġa li tiżgura d‑disponibbiltà kontinwa tagħha. Din id-dispożizzjoni mhux biss hija irrilevanti fiċ‑ċirkustanzi applikabbli f’dan il-każ, iżda tikkonferma wkoll li l-kunfidenzjalità hija ta’ importanza ċentrali fir-Regolament Nru 376/2014.

( 34 ) Premessi ma għandhomx forza vinkolanti (ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et, C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54). Ħafna drabi jkunu ta’ għajnuna fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet operattivi ta’ strument legali, iżda premessa ma tistax tintuża sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni operattiva kuntrarjament għal dak li jingħad fit-test tagħha (ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 1998, Manfredi, C‑308/97, EU:C:1998:566, punt 30). Filwaqt li huwa possibbli li l-premessa 33 tar-Regolament Nru 376/2014 tirreferi b’mod indirett għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 996/2010, intitolat “Protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva ta’ sikurezza”, dan ma jsaħħaħx l-argument ta’ RTL.

( 35 ) L-Artikolu 2(9) tar-Regolament Nru 376/2014 jiddefinixxi “anonimizzazzjoni” bħala “it-tneħħija mir-rapporti dwar l-okkorrenzi tad-dettalji personali kollha, li jirrelataw ma’ min jagħmel ir-rapport u lill-persuni msemmijin fir-rapporti dwar l-okkorrenza u kwalunkwe dettall, inkluż l-isem tal-organizzazzjoni(jiet) involut(i) fl-okkorrenza, li jista’ jiżvela l-identità ta’ min jagħmel ir-rapport, jew ta’ parti terza, jew li jwassal biex din l-informazzjoni tkun tinftiehem mir-rapport dwar l-okkorrenza”.

( 36 ) L-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 376/2014 jiddefinixxxi “informazzjoni deidentifikata” bħala “informazzjoni li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi li minnhom tkun tneħħiet id-data personali kollha bħall-ismijiet jew l-indirizzi ta’ persuni fiżiċi”.

( 37 ) L-Artikolu 7.2(3) tal-Liġi tal-Avjazzjoni jistipula li ismijiet u indirizzi ta’ individwi ma għandhomx jinżammu meta tiġi rreġistrata okkorrenza.

( 38 ) Għalkemm il-punt ma huwiex ikkontestat, inqis li, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 376/2014, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw din id-diskrezzjoni biss meta jikkunsidraw li huwa fl-interess pubbliku li jagħmlu dan, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jissalvagwardjaw l-effettività tad-dispożizzjonijiet tagħha.

( 39 ) Skont ġurisprudenza stabbilita u l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw fis‑sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne, C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata); l-istituzzjonijiet tal-UE huma huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 110).

( 40 ) ĠU 2007, C 303, p. 17. Skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri.

( 41 ) Sentenzi tas‑26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 44), u tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal informazzjoni allegatament falza) (C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics and Johannes Reifenhäuser vs Il-Kummissjoni (C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punti 24 u 25 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) QEDB, 8 ta’ Novembru 2016, Magyar Helsinki Bizottság vs L-Ungerija (CE:ECHR:2016:1108JUD001803011, §§ 157 sa 170 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2022, Autorité des marchés financiers (C‑302/20 EU:C:2022:190, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara wkoll l-Artikolu 10(2) KEDB.

( 45 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 360 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 50); u tas‑26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 63). Skont il-QEDB, l-eċċezzjonijiet għandhom jitfasslu b’mod strett u stabbiliti b’mod konvinċenti (ara, pereżempju, QEDB, 10 ta’ Diċembru 2007, Stoll vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2007:1210JUD006969801, § 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara, pereżempju, QEDB, 15 ta’ Ottubru 2015, Perinçek vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2015:1015JUD002751008, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 115).

( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2001, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 58), u tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries (C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 43).

( 49 ) Dokumenti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 42 tal-Karta is-soltu jintalbu mill-istituzzjonijiet rilevanti, entitajiet, uffiċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 376/2014, talbiet għal informazzjoni fir-RĊE għandhom jiġu indirizzati lil punt ta’ kuntatt nazzjonali maħtur (Artikolu 10 tar-Regolament Nru 376/2014). Ma huwiex ċar jekk il-Ministru li pproċessa t-talba għal informazzjoni ta’ RTL ikkunsidrax jekk it-talba kellhiex l-informazzjoni rilevanti kollha dwar okkorrenzi maħżuna fir-RĊE (fi kliem ieħor, informazzjoni li Membri Stati oħra kienu ttrasferixxew lill-RĊE).

( 50 ) L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 376/2014.

( 51 ) L-Artikolu 42 tal-Karta ma għandux ekwivalenti dirett fil-KEDB; aċċess għal dokumenti jaqa’ fl-ambitu ta’ libertà li tirċievi informazzjoni protett bl-Artikolu 10 KEDB.

( 52 ) L-Artikolu 52(2) tal-Karta jistipula li drittijiet irrikonoxxuti mill-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti minn dawn it-Trattati.

( 53 ) Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, miżuri ta’ sikurezza normalment ikollhom l-għan li jipprevjenu jew jimmitigaw dannu mhux intenzjonat, filwaqt li miżuri ta’ sigurtà jirreferu għall-prevenzjoni ta’ dannu u mitigazzjoni ta’ theddid li jirriżulta minn azzjoni intenzjonata. Ir-Regolament Nru 376/2014 jirrigwarda b’mod formali sigurtà fl-avjazzjoni ċivili iktar milli s-sigurtà pubblika. Madankollu, huwa ċar li l‑okkorrenzi li għandhom jiġu rrapportati taħt dan ir-regolament jinkludu avvenimenti mhux intenzjonati u dawk li jinvolvu aġir doluż. Fi kwalunkwe każ, naqbel mal-argument espress mill-Avukat Ġenerali Bot, f’kuntest differenti, li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika jinkludi kwistjonijiet ta’ sikurezza pubblika (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Van Gennip et, C‑137/17, EU:C:2018:272, punt 82).

( 54 ) Fis-seduta, il-Kummissjoni għamlet analoġija mas-sitwazzjoni deskritta, pereżempju, fis-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, Pari Pharma vs EMA (T‑235/15, EU:T:2018:65, punti 54 u 55).

( 55 ) Minħabba n-natura u l-funzjoni tagħhom fis-sistema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom tista’, xi drabi, tirrikjedi lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni: sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2017, Lingurár (C‑315/16, EU:C:2017:244, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Il-Ministru identifika żewġ rapport wara t-talba għal informazzjoni ta’ RTL. L-eżistenza ta’ dokumenti oħra, inklużi dokumenti ta’ politika, li fihom informazzjoni minn jew dwar rapporti dwar l-okkorrenzi, għalhekk tidher li hija spekulattiva (ara l‑punt 10.7 tad-deċiżjoni tar-rinviju).