6.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 87/2011

tal-1 ta’ Lulju 2011

li temenda l-Anness XX (Ambjent) tal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XX tal-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 57/2011 tal-20 ta’ Mejju 2011 (1).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni skont l-Artikolu 3c(4) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ġewwa l-Komunità (2) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim.

(3)

B’konformità mal-Anness XX tal-Ftehim, taħt il-punt 21al (id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), adattament bb, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ipprovdiet ċifri għall-emissjoinjiet storiċi mill-avjazzjoni li jikkorrispondu għal titjiriet ġewwa u bejn it-territorji tal-Istati tal-EFTA u titjiriet bejn l-Istati tal-EFTA u pajjiżi terzi. Dawn iċ-ċifri ġew deċiżi b’kooperazzjoni mal-Eurocontrol permezz tal-applikazzjoni tal-istess metodoloġija li intużat biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni.

(4)

Skont l-istess test ta’ adattament, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiddeċiedi dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni maż-ŻEE kollha billi jgħodd l-emissjonijiet storiċi tal-avjazzjoni minn titjiriet ġewwa u bejn it-territorji tal-Istati tal-EFTA u titjiriet bejn l-Istati tal-EFTA u pajjiżi terzi mal-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni stipulati fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/149/UE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt li ġej għandu jiġi mdaħħal wara punt 21apa (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/450/KE) tal-Anness XX tal-Ftehim:

“21apb.

32011 D 0149: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/149/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar l-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni skont l-Artikolu 3c(4) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 61, 8.3.2011, p. 42).

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattament li ġej:

Il-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud fl-Artikolu 1:

‘L-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni li jikkorrispondu għal titjiriet ġewwa u bejn it-territorji tal-Istati tal-EFTA u t-titjiriet bejn l-Istati tal-EFTA u pajjii terzi huma stabbiliti għal 1 943 935 tunnellata metrika ta’ CO2.

L-emissjonijiet storiċi mill-avjazzjoni huma stabbiliti għal 221 420 279 tunnellata metrika ta’ CO2.’ ”

Artikolu 2

It-testi tad-Deċiżjoni 2011/149/UE fil-lingwa Islandiża u f’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-2 ta’ Lulju 2011, sakemm in-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ikunu saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kurt JÄGER


(1)   ĠU L 196, 28.7.2011, p. 39.

(2)   ĠU L 61, 8.3.2011, p. 42.

(*1)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.