KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fl‑24 ta’ Frar 2022 (1)
Kawża C‑110/21 P
Universität Bremen
vs
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA)
“Appell – Artikolu 19 tal–Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati f’rikorsi diretti – Rabtiet bejn ir-rappreżentant legali u l-parti rrappreżentata li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità ta’ rappreżentanza ta’ dik il-parti quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentanza minn għalliem universitarju – Għalliem universitarju fl-università rikorrenti li kien involut fil-kwistjoni li hija s-suġġett tat-tilwima – Possibbilità li jiġi rrimedjat difett fir-rappreżentanza legali – Dritt ta’ aċċess għal qorti – Limitazzjonijiet”
I. Introduzzjoni
1. L-Universität Bremen (l-Università ta’ Bremen, Bremen, il-Ġermanja) talbet, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka (REA) ċaħdet it-talba tagħha għall-finanzjament ta’ proġett. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli, peress li kkonstatat li r-rappreżentant legali ta’ din l-università, professur fl-Università ta’ Bremen b’responsabbiltajiet speċifiċi fir-rigward tat-twettiq tal-proġett inkwistjoni, ma kienx issodisfa d-dmir ta’ indipendenza meħtieġ mir-rappreżentanti legali ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati (2).
2. F’dan l-appell, l-Università ta’ Bremen titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, billi ssostni li din il-qorti wettqet żball ta’ liġi meta applikat id-dmir ta’ indipendenza għar-rappreżentant legali tagħha u, fi kwalunkwe każ, meta ma ppermettietx lill-appellanti taħtar rappreżentant differenti.
3. Il-kwistjoni tal-indipendenza tar-rappreżentanti legali fi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali ma hijiex waħda ġdida. Id-dmir ta’ indipendenza ġie żviluppat fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni kif applikabbli għall-avukati li jidhru quddiemhom. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement speċifikat, essenzjalment, li d-dmir ta’ indipendenza tal-avukat jeħtieġ l-assenza ta’ rabtiet mal-parti rrappreżentata li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità tal-avukat li jaġixxi fl-aħjar interessi tar-rikorrent (3).
4. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali applikat id-dmir ta’ indipendenza għal għalliem universitarju. Fuq qari restrittiv, il-kawża preżenti tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk għalliem universitarju jistax jirrappreżenta l-università tiegħu quddiem il-qrati tal-Unjoni, u b’mod partikolari waqt li kien involut bħala koordinatur u bħala l-kap tal-proġett xjentifiku li ċaħdet ir-REA. Minn perspettiva usa’, il-kawża preżenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara, għal darba oħra, ir-restrizzjonijiet marbuta mar-rappreżentanza legali obbligatorja ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni.
II. Il‑kuntest ġuridiku
5. L-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut” jipprovdi li:
“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.
[…]
Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat.
Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.
[…]
Fir-rigward ta’ dawn il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiemha, il-Qorti għandha jkollha s-setgħat li normalment igawdu qrati u tribunali, skond il-kondizzjonijet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.
Għalliema ta’ l-Università li jkunu ċittadini ta’ l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tagħtihom id-dritt ta’ udjenza għandu jkollhom l-istess drittijiet quddiem il-Qorti li dan l-Artikolu jagħti lill-avukati.”
6. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut “[i]r-rikors għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament jew fl-ipotesi kontemplata fl-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea, minn dokument li jiċċertifika d-data tat-talba prevista f’dawn l-Artikoli. Jekk dawn id-dokumenti ma jkunux ġew preżentati mar-rikors, ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lil parti nteressata sabiex iġġibhom fi żmien raġonevoli, bla ma iżda tkun tista’ tiġi eċċepita d-dekadenza f’każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors”.
7. Skont l-Artikolu 53 tal-Istatut, “[i]l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III […]”. Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 19 tal-Istatut.
8. L-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-“Obbligu ta’ rappreżentanza” u jistipula li:
“1. Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut.
2. L-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta jew jassisti parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE.
3. Meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar.
4. Jekk id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma jiġux ippreżentati, ir-Reġistratur għandu jiffissa, għall-parti kkonċernata, terminu raġonevoli sabiex jiġu prodotti. Jekk dawn id-dokumenti ma jiġux prodotti fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-formalità jimplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors jew tan-nota.”
9. It-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu III tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tittratta “Fuq id-drittijiet u l-obbligi tar-rappreżentanti tal-partijiet”. Din it-taqsima fiha l-Artikoli 52 sa 56.
10. L-Artikolu 55 ta’ dawk ir-Regoli tal-Proċedura jikkonċerna “Esklużjoni mill-proċedura”. Dan jipprovdi li:
“1. Jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-aġir ta’ aġent, konsulent jew avukat quddiem il-Qorti Ġenerali, il-President, Imħallef jew ir-Reġistratur huwa inkompatibbli mad-dekor tal-Qorti Ġenerali jew mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jew li dan l-aġent, konsulent jew avukat qiegħed juża d-drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatawlu dawn id-drittijiet, hija għandha tinforma b’dan lill-persuna kkonċernata. Il-Qorti Ġenerali tista’ tinforma b’dan lill-awtoritajiet kompetenti li taqa’ taħthom il-persuna kkonċernata. Kopja tal-ittra indirizzata lil dawn l-awtoritajiet għandha tintbagħat lill-persuna kkonċernata.
2. Għall-istess raġunijiet, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u wara li tinstema l-persuna kkonċernata, tiddeċiedi, permezz ta’ digriet motivat, li teskludi aġent, konsulent jew avukat mill-proċedura. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat.
3. Meta aġent, konsulent jew avukat jiġi eskluż mill-proċedura, il-proċedura għandha tiġi sospiża sal-iskadenza tat-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti kkonċernata tkun tista’ tinnomina aġent, konsulent jew avukat ieħor.
4. Id-deċiżjonijiet meħuda skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jistgħu jiġu rrevokati.”
11. L-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirrendi t-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ dawn ir-regoli applikabbli għall-“għalliema tal-università msemmija fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut”.
III. Id‑digriet appellat
12. Fil‑25 ta’ Settembru 2019, l-Università ta’ Bremen ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni Ares(2019) 4590599 tar-REA tas‑16 ta’ Lulju 2019, li ċaħdet il-proposta li din l-università kienet ippreżentat bi tweġiba għas-sejħa għal proposti H2020-SC6-Governance-2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
13. Ir-REA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, billi sostniet, essenzjalment, li r-rappreżentant legali tar-rikorrenti ma kienx terz indipendenti peress li kien impjegat fl-Università ta’ Bremen bħala professur. Fil-fehma tar-REA, kien hemm assenza ċara ta’ distakk mit-tilwima peress li dan ir-rappreżentant kien ħejja u ppreżenta l-applikazzjoni għall-finanzjament inkwistjoni, kien ser jikkoordina u jmexxi l-proġett inkwistjoni, u kien ser jiġi fdat ukoll b’kompiti essenzjali f’dan il-kuntest.
14. L-Università ta’ Bremen sostniet li r-rappreżentant legali tagħha ma kellu ebda interess ekonomiku personali fil-kwistjoni u kienet teżisti ebda relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejnu u l-università. L-appellanti spjegat ukoll li r-rappreżentanza legali mir-rappreżentant legali tagħha twettqet minn dan tal-aħħar bħala attività anċillari. Barra minn hekk, skont l-Università ta’ Bremen, ma kien hemm xejn li jindika li r-rabta bejn l-università u r-rappreżentant legali tagħha kienet tippreġudika manifestament il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jirrappreżenta lill-appellanti. Il-fatt li r-rappreżentant legali kien il-koordinatur tal-proġett inkwistjoni sempliċement jiżvela li huwa kellu l-istess interess xjentifiku fil-proġett bħall-appellanti. L-Università ta’ Bremen issostni li anki jekk ir-rappreżentant legali tagħha ma kienx awtorizzat jirrappreżentaha, konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors tagħha bħala konsegwenza diretta kienet inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
15. B’applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-REA u ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli minħabba nuqqas ta’ konformità mat-tielet u mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut kif ukoll mal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Hija ordnat ukoll lill-Università ta’ Bremen tbati l-ispejjeż tagħha u tħallas dawk sostnuti mir-REA.
16. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza relatata mal-kundizzjonijiet li taħthom l-avukati jistgħu jirrappreżentaw partijiet mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni. B’riferiment għal din il-ġurisprudenza, hija rreferiet għad-dmir ta’ indipendenza, implikat fil-kunċett awtonomu ta’ “avukat” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, fejn dan id-dmir jiġi ddeterminat mhux biss b’mod pożittiv (b’riferiment għal obbligi etiċi professjonali) iżda wkoll b’mod negattiv (min-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg). Hija tenniet ukoll id-diversi xenarji li fihom ir-rappreżentanza ta’ persuna ġuridika quddiem dawk il-qrati nstabet li kienet inammissibbli minħabba setgħat amministrattivi u finanzjarji estensivi eżerċitati mir-rappreżentant legali fi ħdan il-parti rrappreżentata (4).
17. In casu, il-Qorti Ġenerali osservat li minbarra li kien impjegat mill-appellanti, abbażi ta’ relazzjoni statutorja ta’ dritt pubbliku, ir-rappreżentant legali tal-Università ta’ Bremen ħejja u ppreżenta t-talba għall-finanzjament inkwistjoni, kien il-koordinatur u l-kap tal-proġett relattiv, u kien fdat b’kompiti essenzjali f’dan il-kuntest. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li huwa kellu rabta personali mill-qrib mal-kawża, u interess dirett fl-eżitu tagħha, li għaldaqstant jikkompromettu l-kapaċità tiegħu li jipprovdi l-assistenza legali meħtieġa mill-klijent, b’indipendenza sħiħa u fl-interessi prevalenti tal-ġustizzja (5). Il-Qorti Ġenerali żiedet li s-setgħat estensivi eżerċitati mir-rappreżentant legali fl-Università ta’ Bremen kienu jikkompromettu l-istatus tiegħu ta’ terz indipendenti u jikkostitwixxu rabta li kellha effett manifestament negattiv fuq il-kapaċità ta’ dan ir-rappreżentant li jirrappreżenta lir-rikorrenti (6).
18. Fir-rigward tal-argument li l-Università ta’ Bremen kellha tingħata l-opportunità li tirrettifika d-difett fir-rappreżentanza legali tagħha, il-Qorti Ġenerali sostniet li tali difett ma huwiex fost dawk li jistgħu jiġu rrettifikati (7).
IV. Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
19. F’dan l-appell, l-Università ta’ Bremen titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu, tikkonstata li r-rappreżentanza legali mill-għalliem universitarju inkwistjoni hija valida u, sussidjarjament, tikkonkludi li l-Università ta’ Bremen għandha d-dritt li tkompli l-proċeduri permezz ta’ avukat li jissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Barra minn hekk, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż u ssostni, essenzjalment, li ma għandux ikollha tbati l-ispejjeż, jew tal-inqas l-ispejjeż tar-REA, sostnuti sal-istadju preżenti tal-proċeduri. Barra minn hekk, hija ssostni li l-ammont li l-appellanti ħallset lir-REA fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi rrimborsat lilha. L-Università ta’ Bremen tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tassisti biex tinstab soluzzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
20. Fir-risposta tagħha, ir-REA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna li l-Università ta’ Bremen tbati l-ispejjeż kemm tal-proċeduri relatati ma’ dan l-appell kif ukoll tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
21. Fl-appell tagħha, l-Università ta’ Bremen tinvoka żewġ aggravji, ibbażati rispettivament, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 19 tal-Istatut u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).
22. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Università ta’ Bremen tiddikjara li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 19 tal-Istatut. Dan l-aggravju jqajjem tliet motivi prinċipali li jistgħu jitqassru kif ġej.
23. L-ewwel, l-appellanti essenzjalment issostni li peress li hija università pubblika, hija tikkostitwixxi emanazzjoni ta’ Stat Membru li huwa rikorrent ipprivileġġat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. L-appellanti żżid li bħala università pubblika, ir-rappreżentanza minn wieħed mill-għalliema tagħha li huwa familjari mal-suġġett tat-tilwima tikkostitwixxi vantaġġ.
24. It-tieni, l-appellanti essenzjalment issostni li l-għalliema universitarji ma humiex suġġetti għad-dmir ta’ indipendenza implikat fil-kunċett awtonomu ta’ “avukat” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Dan għaliex l-għalliema universitarji għandhom de lege l-garanziji li altrimenti jkunu meħtieġa mill-avukati. Ir-rappreżentanza legali ma hijiex fost il-kompiti obbligatorji mwettqa minnhom u huma ma jiddependux finanzjarjament fuqha. Għalhekk, tali rappreżentanza tikkostitwixxi attività anċillari u, bħala riżultat, huwa ferm inqas probabbli li jinqala’ kunflitt ta’ interess. Fl-istess ħin, l-appellanti ssostni li, skont is-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, il-kapaċità tagħhom li jirrappreżentaw għandu jiġi evalwat biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali biss, inkluż il-kwistjoni tal-kunflitti ta’ interess. B’riferiment għall-Artikolu 67 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura tal-Qorti Amministrattiva), l-appellanti tallega li r-rappreżentant legali tagħha kien awtorizzat jirrappreżentaha peress li ma kien prekluż minn ebda kunflitt ta’ interess serju, li, fi kwalunkwe każ, jista’ jaffettwa biss ir-responsabbiltà professjonali tiegħu iżda mhux il-kapaċità tiegħu li jirrappreżentaha jew l-ammissibbiltà tar-rikors.
25. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dmir ta’ indipendenza japplika għall-għalliem universitarju inkwistjoni, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippermettilu jirrappreżenta lill-Università ta’ Bremen fuq bażi eċċezzjonali. Hija ssostni li għandha d-dritt tinvoka l-aspettattivi leġittimi tagħha fid-dawl tal-kliem ċar tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut li jagħmel l-applikazzjoni tad-dmir ta’ indipendenza għall-għalliema universitarji ferm mhux mistennija.
26. B’risposta għal dan, ir-REA tenfasizza li l-fatt li l-Università ta’ Bremen tagħmel parti mil-Land ta’ Bremen ma jfissirx li għandha tiġi ekwiparata mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludi li r-reġjuni jitqiesu li huma rikorrenti pprivileġġati.
27. Ir-REA ssostni wkoll li l-għalliema universitarji ma jgawdu minn ebda pożizzjoni pprivileġġata meta mqabbla mal-avukati. L-argumenti tal-Università ta’ Bremen ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, ir-rikorrenti pprivileġġati biss jistgħu jkunu rrappreżentati mill-impjegati jew mill-uffiċjali tagħhom stess.
28. F’dan il-kuntest, ir-REA tissottometti li l-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tapplika għal għalliema universitarji li, meta jaġixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni, ikunu fl-istess sitwazzjoni tal-avukati. Il-konformità mal-liġi nazzjonali għalhekk ma hijiex kundizzjoni suffiċjenti biex jiġi konkluż li għalliem universitarju jista’ jirrappreżenta parti quddiem dawn il-qrati, peress li għalliem universitarju, l-istess bħal avukat, għandu jkun ukoll indipendenti. Barra minn hekk, il-fatt li l-għalliem universitarju inkwistjoni ma huwiex finanzjarjament dipendenti fuq ir-rappreżentanza legali huwa irrilevanti peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li huwa personalment involut fil-proġett.
29. Barra minn hekk, l-argumenti mqajma sabiex juru li r-rappreżentant legali inkwistjoni għandu l-kapaċità li jaġixxi skont id-dritt Ġermaniż huma, skont ir-REA, elementi fattwali irrilevanti ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell.
30. Fl-aħħar nett, ir-REA tqis li l-Università ta’ Bremen ma tistax tinvoka aspettattivi leġittimi peress li naqset milli turi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li taħthom tapplika tali protezzjoni.
31. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, imressaq sussidjarjament, l-Università ta’ Bremen issostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) KEDB, meta ma għarrfithiex bil-fatt li l-allegat difett fir-rappreżentanza legali tagħha kien ser jirriżulta f’li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli u anki meta ma pprovdietx lill-appellanti bil-possibbiltà li taħtar rappreżentant legali differenti. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kien messha eżaminat il-kwistjoni mhux biss fid-dawl tar-Regoli tal-Proċedura tagħha iżda wkoll b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt fundamentali għal smigħ. F’dan il-kuntest, l-appellanti tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA (8).
32. L-Università ta’ Bremen żżid li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors minħabba assenza ta’ rappreżentanza legali xierqa tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja seta’ jintlaħaq b’mezzi inqas onerużi. L-Università ta’ Bremen tenfasizza l-effetti negattivi ta’ din id-deċiżjoni kemm għall-appellanti kif ukoll għar-rappreżentant legali tagħha. Hija tispjega li ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż tar-REA li jammontaw għal EUR 12 000 filwaqt li r-rappreżentant legali tagħha jirriskja li jiffaċċja azzjoni għal irkupru mill-università.
33. Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li, jekk ma tkunx awtorizzata tinvoka l-aspettattivi leġittimi tagħha abbażi tal-kliem tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt jeħtieġ li l-appellanti tingħata twissija li d-dispożizzjoni ser tiġi interpretata bil-kontra tal-kliem tagħha u l-opportunità li terġa’ tibda l-proċeduri b’avukat li jissodisfa d-dmir ta’ indipendenza.
34. Bi tweġiba għal dan, ir-REA tikkontesta l-allegat ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Hija tgħid li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx meħtieġ li l-appellanti tiġi avżata minħabba li d-difett fir-rappreżentanza inkwistjoni ma setax jiġi rrettifikat. Skont ir-REA, dan għalhekk jipprekludi l-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.
35. Ir-REA targumenta wkoll li l-Università ta’ Bremen naqset milli tistabbilixxi li r-restrizzjoni inkwistjoni ma ssegwix għan leġittimu, hija sproporzjonata jew taffettwa s-sustanza nnifisha tad-dritt għal rimedju effettiv.
V. Evalwazzjoni
36. Fir-rigward tal-kap tat-talbiet imressqa mill-Università ta’ Bremen, kif imqassra fil-punt 19 iktar ’il fuq, ninnota li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, meta tiddeċiedi fuq appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha billi tannulla d-deċiżjoni rispettiva tal-Qorti Ġenerali, fejn l-appell ikun fondat sewwa, u billi tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali jew, fejn l-istat tal-proċeduri jippermetti li dan iseħħ, billi tagħti hija stess is-sentenza finali fil-kwistjoni. Kif indikat ġustament ir-REA, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti sentenza dikjaratorji mitluba mill-appellanti dwar ir-rappreżentanza legali tagħha. Fir-rigward tat-talba tal-appellanti dwar il-faċilitazzjoni ta’ ftehim, u mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja setgħetx tiddeċiedi dwarha (9), ninnota li r-REA tiċħad, fi kwalunkwe każ, li tali ftehim seta’ jiġi konkluż. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni għandha tiffoka fuq il-kap tat-talba intiż għall-annullament tad-digriet appellat.
37. Infakkar li, bl-ewwel aggravju tagħha, l-Università ta’ Bremen essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 19 tal-Istatut. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, hija tallega ksur tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.
38. Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-ewwel aggravju huwa, parzjalment, fondat. Tabilħaqq, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tinterpreta b’mod korrett id-dmir ta’ indipendenza li rappreżentanti legali li jaġixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom jirrispettaw (A). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx fuq dan il-punt u tipproċedi bl-eżami tat-tieni aggravju, jiena tal-fehma li dan l-aggravju huwa wkoll fondat. Id-dikjarazzjoni tar-rikors bħala inammissibbli bħala konsegwenza awtomatika tal-konstatazzjoni li r-rappreżentant legali ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tal-Istatut tikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dawk il-qrati li ma tissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità (B).
A. L-ewwel aggravju: l‑allegata interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 19 tal‑Istatut
39. Biex nindirizza l-ewwel aggravju, ser nibda billi nikkunsidra l-argument tal-appellanti li, essenzjalment, din għandha titqies bħala rikorrenti pprivileġġata fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut (1). Imbagħad ser nindirizza l-kwistjoni ċentrali ta’ dan l-aggravju dwar l-applikabbiltà tad-dmir ta’ indipendenza għar-rappreżentant legali tal-appellanti biex nikkonkludi li, filwaqt li dan id-dmir tabilħaqq japplika għalih, il-Qorti Ġenerali interpretatu b’mod żbaljat (2). Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza t-tielet parti tal-ewwel aggravju li permezz tiegħu l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk id-dmir ta’ indipendenza japplikax għall-għalliem universitarju inkwistjoni (u jekk jonqos milli jissodisfah) li tippermettilu li jirrappreżentaha fuq bażi eċċezzjonali fil-kawża preżenti (3).
1. Tista’ l-Università ta’ Bremen titqies bħala rikorrenti pprivileġġata?
40. L-Università ta’ Bremen issostni li università pubblika tikkostitwixxi emanazzjoni ta’ Stat Membru li huwa rikorrenti ipprivileġġat. Jien nifhem dak l-argument bħala li jipprovdi, essenzjalment, li l-appellanti għandha hija nnifisha titqies li hija rikorrenti pprivileġġjata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.
41. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li rikorrenti pprivileġġati jistgħu jkunu rrappreżentati mill-aġenti tagħhom. B’hekk, jekk l-appellanti tiġi kkunsidrata bħala rikorrenti pprivileġġata, l-obbligu li tiġi rrappreżentata minn avukat indipendenti li jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut (jew minn għalliem universitarju kif previst fis-seba’ paragrafu ta’ dan l-istess artikolu) ma japplikax għaliha.
42. Madankollu, kif tosserva r-REA, anki jekk jiġi stabbilit li l-Università ta’ Bremen tikkostitwixxi parti mil-Land ta’ Bremen, dan ma jippermettilhiex li titqies li hija rikorrenti pprivileġġata peress li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-entitajiet infrastatali ma humiex ikkunsidrati bħala rikorrenti pprivileġġati (10) u, għalhekk, l-obbligu li jkunu rrappreżentati japplika għalihom (11).
43. Għaldaqstant, inqis li din il-parti tal-ewwel aggravju hija manifestament infondata.
2. L-applikabbiltà u l-ambitu tad-dmir ta’ indipendenza
44. Filwaqt li nindirizza l-qalba tal-ewwel aggravju, infakkar fil-kjarifiki mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Uniwersytet Wrocławski dwar is-sitwazzjonijiet li fihom ir-rappreżentanza ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati minn avukat tista’ titqies bħala li ma tosservax id-dmir ta’ indipendenza li jirriżulta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut (a). Sa fejn dan id-dmir għandu l-għan li jippreżerva l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, fuq kollox, li jiggarantixxi r-rispett għall-interessi tal-partijiet rappreżentati, ser nikkonkludi li għandu japplika wkoll, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, għar-rappreżentanza ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati minn għalliem universitarju skont is-seba’ paragrafu tal-istess dispożizzjoni (b). Sejjer imbagħad nosserva li s-sitwazzjonijiet li fihom l-għażla tar-rappreżentant legali tar-rikorrenti għandha tkun limitata għandhom ikunu ristretti, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, għal każijiet li fihom ir-rappreżentanza legali tippreġudika manifestament l-interessi tal-parti rrappreżentata (ċ). F’dan il-punt, ser nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat dan it-test għad-digriet appellat (d).
a) Is‑sentenza Uniwersytet Wrocławski
45. Is-sentenza Uniwersytet Wrocławski ssegwi ġurisprudenza pjuttost stabbilita dwar l-interpretazzjoni tat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut, li tistabbilixxi l-obbligu tar-rikorrenti mhux ipprivileġġati li jkunu rrappreżentati fi proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni minn “avukat” (12).
46. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li tali “avukat” għandu jissodisfa żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, għandu “jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru […]”. Il-fatt jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta għandu jiġi vverifikat fid-dawl tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “avukat” li jidher fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jimplika dmir ta’ indipendenza min-naħa tal-avukat, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat (13).
47. Id-dmir ta’ indipendenza żviluppa fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni l-ewwel, sabiex jiġi ddefinit l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sigriet professjonali u, bl-istess mod, sabiex jiġu identifikati d-dokumenti maqbuda mill-Kummissjoni li għandhom jibbenefikaw minn din il-protezzjoni (14). Sussegwentement ġie traspost fil-kuntest tal-Artikolu 19 tal-Istatut sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rappreżentanza legali ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati u l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom (15).
48. Fis-sentenza tagħha Uniwersytet Wrocławski, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-portata tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu meta jevalwaw jekk rappreżentant legali partikolari jissodisfax id-dmir ta’ indipendenza.
49. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li skontha essenzjalment id-dmir ta’ indipendenza tal-avukat jeskludi l-possibbiltà għal rikorrenti mhux ipprivileġġati li jkunu rrappreżentati minn avukati li huma marbuta magħhom b’ċertu mod, hija żiedet li l-indipendenza tal-avukat ma hijiex imfixkla mill-eżistenza ta’ “kwalunkwe rabta” bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iżda pjuttost biss minn dawk ir-rabtiet “li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità tiegħu li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu” (16).
50. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fis-sentenza Uniwersytet Wrocławski li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’dik il-kawża (17), tali effett dannuż ma kienx manifest, fejn l-università rikorrenti kienet irrappreżentata minn avukat li kien qiegħed jgħallem f’dik l-università abbażi ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ir-rappreżentant legali ma kienx qiegħed jirrappreżenta lill-Università ta’ Wroclaw fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni (18).
b) Id‑dmir ta’ indipendenza japplika għall‑għalliema universitarji?
51. L-evalwazzjoni tal-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel aggravju teħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dmir ta’ indipendenza, kif irriżulta mill-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “avukat”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, japplikax ukoll għal għalliema universitarji li d-dritt ta’ udjenza tagħhom huwa rregolat mis-seba’ paragrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni.
52. Filwaqt li r-REA ssostni li d-dmir ta’ indipendenza japplika wkoll għal għalliema universitarji li jaġixxu bħala rappreżentanti legali, l-Università ta’ Bremen tikkontesta dan u ssostni li l-kapaċità li wieħed jaġixxi bħala rappreżentant fi proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni għandha tiġi evalwata, sa fejn huma kkonċernati l-għalliema universitarji, fid-dawl biss għad-dritt nazzjonali. Hija tispjega essenzjalment li l-istatus speċifiku li jgawdu l-għalliema universitarji taħt id-dritt Ġermaniż jirrendi l-kriterju ta’ indipendenza irrilevanti.
53. Sabiex jiġi evalwat dan l-argument, huwa importanti li jiġi ċċarat xi jfisser id-dmir ta’ indipendenza tal-avukati b’mod ġenerali u, b’mod iktar importanti, fil-kuntest partikolari tar-rappreżentanza legali quddiem il-qrati tal-Unjoni.
54. It-terminu “indipendenza” huwa ta’ spiss deskritt bħala karatteristika ewlenija tal-professjoni tal-avukati bħala tali (19) Għalkemm il-kontenut preċiż tiegħu jista’ jinftiehem b’mod differenti f’ordinamenti ġuridiċi differenti, b’mod partikolari skont il-perċezzjoni tar-rwol tal-avukat fil-kuntest usa’ tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jidher li jitqies bħala karatteristika fundamentali sottostanti l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni awtoregolata li jirrikjedi li fl-għoti ta’ pariri legali jiġu rrispettati ċerti standards professjonali u li dawn ikunu ħielsa minn kwalunkwe pressjoni jew preġudizzju estern li jirriżulta mill-interessi personali tal-avukat jew minn dawk ta’ partijiet terzi (20). Hija fehma komuni li kwalunkwe parir legali għandu jingħata fl-aħjar interessi tal-parti rrappreżentata (21). Madankollu, id-dmir ta’ indipendenza tal-avukat jimplika wkoll obbligu fuq l-avukat li jirrifjuta li jsegwi ċerti istruzzjonijiet, fejn dan ikun kuntrarju għar-regoli statutorji jew etiċi.
55. Dawn ma humiex kunsiderazzjonijiet li jkunu rilevanti għal għalliema universitarji meta jaġixxu bħala tali, għas-sempliċi raġuni li l-professjoni tagħhom hija, għal raġunijiet pjuttost ovvji, kemxejn differenti minn dik tal-avukati.
56. Għal din ir-raġuni, fir-rigward tal-għalliema universitarji, wieħed jista’ jitħajjar iwarrab ir-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-dmir ta’ indipendenza tal-avukati, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut.
57. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-mod korrett kif tiġi indirizzata l-problema għaliex, f’ċirkustanzi fejn għalliem universitarju jippreżenta ruħu quddiem il-qrati tal-Unjoni, dan l-għalliem ma jkunx qiegħed hemm biex jgħallem, iżda pjuttost biex jirrappreżenta klijent bl-istess mod bħal ma jagħmel avukat.
58. Għalhekk, ladarba jintalbu jaġixxu bħala rappreżentanti legali quddiem il-qrati tal-Unjoni, il-pożizzjoni tal-għalliema universitarji ssir l-istess bħall-pożizzjoni tal-avukati sal-punt li t-tnejn jaqdu l-istess rwol, jiġifieri li jirrappreżentaw lil partijiet mhux ipprivileġġati. Dan huwa rifless, kif issostni r-REA, fil-kliem tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut li skontu l-għalliema universitarji għandhom l-istess drittijiet (u, għandu jiżdied, b’implikazzjoni, l-istess dmirijiet) bħalma huma mogħtija f’dan il-kuntest lill-“avukati” fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tiegħu.
59. Jiena nirrikonoxxi bis-sħiħ li l-possibbiltà għal għalliem universitarju li effettivament jassumi r-rwol ta’ rappreżentant legali tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ status speċjali li dan jista’ jgawdi taħt il-liġi nazzjonali. Forsi ma huwiex komuni ħafna, iżda l-liġi nazzjonali tista’ tabilħaqq tagħti lill-għalliema universitarji aċċess issimplifikat għas-sħubija tal-avukatura (22), jew tista’ saħansitra tagħtihom possibbiltà diretta li jirrappreżentaw lill-partijiet, kif jidher li huwa l-każ fil-Ġermanja. Madankollu tali speċifiċità tal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed jaġixxi bħala rappreżentant legali hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tad-dmir ta’ indipendenza li r-rappreżentanti legali, inklużi l-għalliema universitarji awtorizzati biex jaġixxu bħala tali taħt il-liġi nazzjonali, għandhom jirrispettaw meta jaġixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni. Kif diġà ntqal hawn fuq, dan għaliex dak id-dmir huwa speċifikament marbut mar-rwol moqdi minnhom quddiem dawn il-qrati.
60. Kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem, fil-verifika dwar jekk rappreżentant legali jissodisfax id-dmir tiegħu ta’ indipendenza, il-qrati tal-Unjoni jwettqu stħarriġ residwu u eċċezzjonali li huwa intiż iżomm amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u, b’mod speċjali, r-rispett għad-drittijiet tal-partijiet irrappreżentati li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal- Karta. Peress li dan l-istħarriġ huwa ffukat preċiżament fuq id-drittijiet tal-partijiet irrappreżentati fil-proċeduri quddiem dawk il-qrati, ma nara l-ebda raġuni fil-prinċipju għaliex dan l-istħarriġ ma għandux isir fir-rigward ta’ għalliema universitarji li jaġixxu bħala rappreżentanti legali.
61. Il-mistoqsija ewlenija li tibqa’, madankollu, hija x’għandu jkun eżattament il-portata ta’ tali stħarriġ. Din hija l-kwistjoni li issa ser ngħaddi għaliha.
c) It‑test ta’ preġudizzju manifest
62. Kif ġie nnotat iktar ’il fuq fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza Uniwersytet Wrocławski, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li d-dmir ta’ indipendenza għandu jinftiehem bħala l-assenza ta’ rabtiet “li jippreġudikaw manifestament il-kapaċità [tar-rappreżentant legali] li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu.” (23).
63. Hemm diversi tipi ta’ dannu li wieħed jista’ jsofri b’riżultat tal-għażla ta’ rappreżentant legali speċifiku. Mis-sentenza Uniwersytet Wrocławski jirriżulta li d-dannu rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dmir ta’ indipendenza, żviluppat taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, ma huwiex sempliċement kwalunkwe dannu li wieħed jista’ jsofri bħala konsegwenza ta’ għażla (possibbilment ħażina) ta’ avukat, iżda dannu ovvju li huwa kkawżat, jew jista’ jiġi kkawżat, minn ċerti rabtiet bejn ir-rappreżentant legali u l-parti rrappreżentata.
64. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li avukati interni ma jistgħux jissodisfaw id-dmir ta’ indipendenza ma jistax jiġi ssodisfat mill-avukati impjegati (24) peress li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza rilevanti, l-opinjoni professjonali tagħhom tista’ tkun “għall-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali [tagħhom]” (25). Dan ix-xenarju għalhekk jindirizza wieħed mill-aspetti tad-dmir ta’ indipendenza tar-rappreżentant legali, imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ dmir ta’ rifjut li jiġu segwiti ċerti istruzzjonijiet, jekk dawn ikunu kuntrarji għar-regoli statutorji jew etiċi applikabbli. L-eżistenza ta’ obbligi paralleli min-naħa tar-rappreżentant legali, bħal dawk li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg, tista’ tabilħaqq tipprevjeni lir-rappreżentant legali milli jissodisfa tali dmir b’mod effettiv, u b’hekk taffettwa l-kwalità tal-parir legali li jipprovdi.
65. Madankollu, in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ indipendenza jista’ jseħħ ukoll f’sitwazzjonijiet oħra. Dan ikun tipikament il-każ fejn, fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima, teżisti, bejn ir-rappreżentant legali u l-parti rrappreżentata, tali rabta li tirrendi d-difiża tad-drittijiet tal-parti rrappreżentata fil-fatt illużorja, peress li r-rappreżentant legali jsegwi interessi separati minn dawk tal-klijent.
66. Fil-fehma tiegħi, kunsiderazzjonijiet bħal dawn wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tapprovax, fis-sentenza Trasta Komecbanka (26), l-approċċ wisq klementi adottat mill-Qorti Ġenerali (27), meta din tal-aħħar aċċettat l-effetti tad-dritt nazzjonali marbuta mar-revoka ta’ prokura minkejja li din ir-revoka seħħet mill-istralċarju tal-bank rikorrent, li aġixxa f’sitwazzjoni fejn kien hemm kunflitt ta’ interess. Il-Qorti rrimarkat dwar il-fatt li l-istralċarju kien inħatar minn korp nazzjonali li kien ipparteċipa fil-proċedura li wasslet għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-bank biex jopera u għalhekk għall-istralċ tiegħu. Wara li kkunsidrat ir-rabta bejn il-korp nazzjonali li kien ħatar lill-istralċarju u dan tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm riskju li l-istralċarju jista’ jevita li jikkontesta, quddiem il-Qrati tal-Unjoni, l-att li kkawża l-istralċ tal-parti rrappreżentata, peress li l-annullament possibbli ta’ dak l-att jista’ jwassal biex l-istralċarju jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu (28).
67. Bl-istess mod, meta l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet fis-sentenza Uniwersytet Wrocławski għall-kunċett ta’ preġudizzju manifest tar-rappreżentanza legali, dan kien ifisser sitwazzjonijiet ovvji li fihom ma hemmx dubju li r-rappreżentant legali ma jistax jaġixxi fl-aħjar interessi tal-klijent iżda kontra dawn l-interessi jew, fi kwalunkwe każ, meta fir-realtà jista’ jiddefendi interessi oħra. Dan ikun tipikament il-każ fejn l-avukat, abbażi tar-relazzjoni tiegħu mal-klijent, ikun f’pożizzjoni li jarrikkixxi ruħu għad-detriment tal-klijent, li jaġixxi mod ieħor b’mod li jikkawżalu dannu, jew fejn l-avukat jista’ juża informazzjoni dwar il-klijent għall-benefiċċju ta’ terzi. Madankollu, fin-nuqqas ta’ xenarji ċari bħal dawn, il-premessa awtomatika hija, u għandha tkun, li l-għażla ta’ avukat hija fuq kollox kwistjoni ta’ libertà u fiduċja kuntrattwali.
68. Biex tintwera d-distinzjoni li għandha ssir f’dan il-kuntest, ir-rappreżentanza legali minn membru tal-familja fil-qrib, li jinzerta li jkun avukat, x’aktarx tiġi evitata minħabba kunflitt ta’ interess fi proċeduri ta’ wirt li fihom kemm l-avukat kif ukoll il-parti rrappreżentata jkunu possibbilment werrieta. Għall-kuntrarju, dan jista’ jkun mhux problematiku f’tilwima ma’ ġar dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera bejn l-art tal-ġar u tal-familja. Biex nieħdu eżempju ieħor, avukat li jkun ukoll ħabib tal-qalb jista’ jkun għażla sensibbli fil-konfront tal-proċeduri ta’ wirt, iżda tali rappreżentanza f’tilwima dwar art tkun problema jekk dan il-ħabib tal-qalb jinzerta li jkun ukoll sid il-biċċa art ikkonċernata. Fl-aħħar nett, avukat b’sehem minoritarju fil-kumpannija li tkun teħtieġ rappreżentanza x’aktarx li ma jkunx għażla possibbli f’litigazzjoni ta’ tneħħija bejn dik il-kumpannija u l-azzjonisti minoritarji tagħha, filwaqt li r-rappreżentanza legali minn dak l-avukat f’isem dik il-kumpanija x’aktarx li ma tkunx problematika fi proċeduri ta’ responsabbiltà għall-prodott miġjuba minn terz.
69. Filwaqt li l-evalwazzjoni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet tista’ tvarja skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, dak li huwa importanti f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha ma huwiex biss l-identifikazzjoni ta’ ċerta rabta bejn ir-rappreżentant legali u l-parti rrappreżentata iżda wkoll evalwazzjoni dwar jekk, b’kunsiderazzjoni tas-suġġett tat-tilwima, dik ir-rabta twassal għall-konklużjoni li r-rappreżentant legali mhux ser jaġixxi jew mhux neċessarjament ser jaġixxi, fl-aħjar interessi tal-parti rrappreżentata.
d) Applikazzjoni tat‑test għall‑kawża preżenti
70. Fir-rigward ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq żewġ elementi sabiex tikkonstata li r-rappreżentant legali tal-appellanti naqas milli jissodisfa d-dmir ta’ indipendenza. Dawn iż-żewġ elementi jirrigwardaw rispettivament żewġ aspetti differenti tad-dmir ta’ indipendenza msemmija fil-punti 64 u 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel, il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 25 tad-digriet appellat li r-rappreżentant legali huwa impjegat mill-Università ta’ Bremen abbażi ta’ relazzjoni statutorja ta’ dritt pubbliku (1). It-tieni, fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali osservat, essenzjalment, li huwa kien involut personalment fil-kwistjoni kontenzjuża (2).
1) L‑istatus tar‑rappreżentant legali bħala għalliem universitarju fl‑Università ta’ Bremen
71. Kif diġà ntqal, il-Qorti Ġenerali osservat li r-rappreżentant legali tal-appellanti kien “impjegat” mill-appellanti “abbażi ta’ relazzjoni statutorja ta’ dritt pubbliku” (29). Sa fejn din l-osservazzjoni ssegwi direttament mir-riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej li tinsab fil-punt preċedenti tad-digriet appellat, u fin-nuqqas ta’ iktar raġunijiet, jidher li l-Qorti Ġenerali integrat is-sitwazzjoni tal-għalliem universitarju inkwistjoni fil-kategorija ta’ avukati impjegati (interni) li l-indipendenza tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tabilħaqq eskludiet minħabba r-riskju li l-opinjoni professjonali tagħhom tkun “għall-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali tagħhom” (30), kif diġà ġie nnotat.
72. Indipendentement mid-differenzi li jistgħu jeżistu bejn l-istatus tad-dritt pubbliku tal-pożizzjoni tar-rappreżentant legali tal-appellanti bħala għalliem universitarju u l-impjieg ta’ avukat intern, jiena tal-fehma li fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif sostniet quddiemha l-Università ta’ Bremen, (u kif kien argumentat fil-proċeduri preżenti), ir-rappreżentanza legali ma hijiex fost il-kompiti li r-rappreżentant legali tal-appellanti jwettaq fil-kapaċità tiegħu ta’ għalliem universitarju. L-Università ta’ Bremen argumentat ukoll li r-rappreżentanza legali għalhekk ma kinitx relatata mal-kapaċità tar-rappreżentant legali bħala għalliem universitarju (b’din tal-aħħar limitata għar-riċerka u tagħlim) u kienet imwettqa barra minn kwalunkwe relazzjoni ta’ subordinazzjoni.
73. Għalhekk nifhem li meta qabel li jaġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-appellanti, l-għalliem universitarju kkonċernat ma għamilx dan minħabba kwalunkwe obbligu li kellu fil-konfront tal-Università ta’ Bremen bħala wieħed mill-għalliema tagħha, iżda abbażi tad-deċiżjoni tiegħu li jwettaq dik ir-rappreżentanza barra mir-rwol tiegħu ta’ għalliem universitarju. F’dan ir-rigward, għalhekk, is-sitwazzjoni tiegħu, hija fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni tal-avukati interni meta jirrappreżentaw lill-persuna li timpjegahom fis-sens li, f’tali każ, ir-rappreżentanza legali tifforma parti mid-deskrizzjoni tax-xogħol tagħhom u tista’ tiġi deċiża mill-persuna li timpjegahom.
74. Għal din ir-raġuni, il-kawża preżenti tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi mqabbla ma’ sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Uniwersytet Wrocławski. Dak il-każ kien ukoll jinvolvi rappreżentant legali li kien qed jgħallem fl-università li huwa rrappreżenta quddiem il-qrati tal-Unjoni. Huwa minnu li ma kienx qiegħed jgħallem fuq bażi full-time, iżda pjuttost abbażi ta’ kuntratt li jirrigwarda dmirijiet ta’ tagħlim. Madankollu, ir-raġuni invokata mill-qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi n-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ indipendenza kienet il-fatt li ma kienx qiegħed jiddefendi “l-interessi tal-Università ta’ Wrocław fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni [ma’ din l-università]” (31).
75. Tabilħaqq, u skont dak li ġie nnotat iktar ’il fuq fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kwistjoni ewlenija f’dan il-kuntest hija jekk ir-rappreżentanza legali tistax tiġi mfixkla mill-obbligi li jorbtu lir-rappreżentant legali minħabba rabtiet speċifiċi mal-parti rrappreżentata, bħal dawk ibbażati fuq kuntratt tax-xogħol. Sal-punt li d-dmir ta’ indipendenza jimplika d-dmir li jiġu rrifjutati struzzjonijiet fejn tali struzzjonijiet ikunu f’kunflitt ma’ obbligi deontoloġiċi, is-sodisfazzjoni effettiv ta’ dak id-dmir jista’ jixxekkel bl-obbligu li titwettaq ir-rappreżentanza legali b’ċertu mod jew b’kontenut speċifiku, kif meħtieġ, pereżempju, mill-persuna li timpjega.
76. Mill-argumenti mressqa mill-Università ta’ Bremen, fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u għal darba oħra f’dan l-appell, jirriżulta li l-għalliem universitarju inkwistjoni ma kienx qiegħed jaġixxi bħala l-avukat intern tagħha, jiġifieri bħala membru tad-dipartiment legali tagħha, iżda bħala xi ħadd li l-istatus tiegħu jintitolah jirrappreżenta lil partijiet quddiem il-qrati u li ddeċieda li jidħol f’dan ir-rwol, indipendentement mill-pożizzjoni tiegħu bħala għalliem universitarju. Minn dawn l-argumenti jirriżulta wkoll li r-rappreżentanza legali inkwistjoni ma twettqitx bħala parti minn relazzjoni ta’ subordinazzjoni, u lanqas ma kienet affettwata b’mod ieħor minn kwalunkwe obbligi oħra li r-rappreżentant legali kellu lejn l-appellanti, minbarra dawk li jirriżultaw mir-rappreżentanza legali stess.
2) L‑involviment personali tar‑rappreżentant legali fil‑kwistjoni kontenzjuża
77. It-tieni raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fid-digriet appellat, li r-rappreżentant legali tal-Università ta’ Bremen naqas milli jissodisfa d-dmir ta’ indipendenza kienet relatata mal-pożizzjoni tiegħu ta’ koordinatur u ta’ kap tal-proġett inkwistjoni, li fil-kuntest tagħhom “huwa fdat b’kompiti essenzjali” (32). Il-Qorti Ġenerali żiedet ukoll li l-għalliem universitarju inkwistjoni ħejja u ppreżenta l-applikazzjoni għall-finanzjament inkwistjoni. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dan kien ifisser li dan ir-rappreżentant kellu interess dirett fl-eżitu tat-tilwima, li kkompromettiet il-kapaċità tiegħu li jipprovdi l-assistenza legali meħtieġa mill-klijent, b’indipendenza sħiħa u fl-interessi prevalenti tal-ġustizzja (33).
78. Permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali indirizzat l-aspett tad-dmir ta’ indipendenza diskuss iktar ’il fuq fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha r-rappreżentant legali jonqos ġenwinament milli jsegwi l-interessi tal-parti rrappreżentata u, minflok, effettivament. isegwi interessi oħra bħal ma huma l-interessi tiegħu.
79. Nifhem li jekk ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jirnexxi, l-Università ta’ Bremen tista’ tkun f’pożizzjoni li twettaq il-proġett xjentifiku inkwistjoni u, bl-istess mod, ir-rappreżentant legali tagħha jkun jista’ jaġixxi f’dan il-kuntest, inter alia, bħala l-kap tat-tim tar-riċerka. Fi kliem ieħor, is-suċċess possibbli tar-rikors għal annullament ser jaffettwa l-possibbiltà tal-appellanti li tikseb il-finanzjament, li min-naħa tiegħu huwa ta’ interess għar-rappreżentant legali tagħha fil-pożizzjoni tiegħu ta’ għalliem universitarju, peress li taffettwa l-kapaċità tiegħu li jsegwi u jmexxi l-proġett ta’ riċerka inkwistjoni.
80. Dan juri, kif indikat l-appellanti stess, li r-rappreżentant legali għandu interess konverġenti ma’ dak segwit mill-appellanti. Madankollu, u kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, ma narax kif tali komunità ta’ interessi li jirriżultaw mill-involviment tar-rappreżentant legali fil-proġett inkwistjoni tista’, fin-nuqqas ta’ elementi oħra, twassal għall-konklużjoni li r-rappreżentanza legali tippreġudika manifestament lill-interessi tal-Università ta’ Bremen. Tabilħaqq, fid-deskrizzjoni tal-involviment tar-rappreżentant legali fil-proġett inkwistjoni ma nipperċepixxi xejn li juri li billi rrappreżenta lill-Università ta’ Bremen, huwa kien qiegħed fir-realtà jsegwi l-interessi tiegħu jew interessi oħra għad-detriment tal-appellanti.
81. Ma neskludix, bħala prinċipju, li dak li jidher bħala komunità ta’ interessi jista’ fir-realtà jaħbi difett fundamentali. Madankollu, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tindika fil-punt 26 tad-digriet appellat li r-rabta bejn ir-rappreżentant legali u l-appellanti kellha effett manifestament detrimentali għal dik il-kapaċità ta’ rappreżentanza legali għad-difiża tal-aħjar interessi tal-appellanti, hija sempliċement ma ssostni ebda element li jattesta tali xenarju.
3. L-aspettattivi leġittimi tal‑appellanti ġew miksura?
82. Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-Università ta’ Bremen issostni li r-rappreżentant legali tagħha għandu jitħalla jirrappreżentaha fuq bażi eċċezzjonali jekk, essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li d-dmir ta’ indipendenza japplika għal dan ir-rappreżentant (bil-konsegwenza, nifhem, li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jirrappreżenta lill-appellanti fil-kawża preżenti). L-appellanti tispjega li għandha tkun tista’ tibbaża ruħha fuq l-aspettattivi leġittimi tagħha bbażati fuq il-kliem ċar tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut li minnu jirriżulta, skont l-appellanti, li d-dmir ta’ indipendenza, kif żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma japplikax għall-għalliema universitarji.
83. Jiena nikkunsidra li ma hemmx lok li dan l-aggravju jiġi indirizzat fit-tul minħabba s-suġġeriment tiegħi iktar ’il fuq li minnu jirriżulta li, minkejja li d-dmir ta’ indipendenza japplika għal għalliema universitarji li jaġixxu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, l-interpretazzjoni xierqa tiegħu tfisser li, fil-kawża preżenti, ir-rappreżentant legali għandu jitħalla jirrappreżenta lill-appellanti.
84. Madankollu, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi mod ieħor, ser nispjega fil-qosor, u fuq bażi sussidjarja, ir-raġunijiet li għalihom it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha, fil-fehma tiegħi, titqies bħala infondata.
85. Fil-fehma tiegħi, b’dik il-parti, l-appellanti titlob deroga mir-“retrospettività inċidentali” (34) tad-deċiżjoni li għandha tingħata f’dan il-każ, jew, fi kliem ieħor, mir-regola li skontha l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni (in casu s-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut) “tikkjarifika u tippreċiża, fejn neċessarju, it-tifsira u l-portata ta’ dan id-dritt, hekk kif għandu jew kellu jinftiehem u jiġi applikat mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu” (35). Tabilħaqq, bit-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-Università ta’ Bremen issostni, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Defrenne (36), li jekk l-interpretazzjoni tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut timpedixxi lir-rappreżentant legali tagħha milli jirrappreżentaha, tali interpretazzjoni ma hijiex mistennija u għalhekk ma għandhiex tapplika għall-kawża preżenti (iżda pjuttost għal kawżi futuri).
86. F’dan il-kuntest, ninnota li fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-qrati tal-Unjoni aċċettaw b’mod eċċezzjonali li jillimitaw l-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni tagħhom (37), meta dan kien meħtieġ fl-interess taċ-ċertezza legali u suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel, il-persuna kkonċernata trid tkun aġixxiet in bona fide; it-tieni, mingħajr il-limitazzjonijiet ratione temporis, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal għal “diffikultajiet serji” (38).
87. F’dan il-kuntest, naqbel mar-REA li l-appellanti naqset milli turi li minn interpretazzjoni tas-seba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut jista’ jirriżulta riskju ta’ diffikultajiet speċifiċi li effettivament jista’ jipprevjenu lir-rappreżentant legali inkwistjoni milli jirrappreżenta lill-appellanti (39). L-Università ta’ Bremen sempliċement issemmi l-kwistjonijiet li ġejjin: il-fatt li l-merti tal-azzjoni tagħha ma ġewx eżaminati, l-obbligu li ssostni l-ispejjeż tal-proċeduri u l-possibbiltà ta’ azzjoni għal irkupru li l-appellanti tista’ tibda kontra r-rappreżentant legali tagħha.
88. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha titqies li hija infondata.
4. Konklużjoni dwar l‑ewwel aggravju
89. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li, bid-deċiżjoni tagħha li l-pożizzjoni tar-rappreżentant legali inkwistjoni fl-Università ta’ Bremen kif ukoll l-involviment personali tiegħu fil-kwistjoni kontenzjuża kienu jippreġudikaw manifestament il-kapaċità ta’ dan ir-rappreżentant li jirrappreżenta lill-appellanti fl-aħjar interessi tagħha, il-Qorti Ġenerali naqset milli tinterpreta b’mod korrett id-dmir ta’ indipendenza li rappreżentanti legali li jaġixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom jaqdu u, għalhekk, wettqet żball ta’ liġi. Sa dan il-punt, l-ewwel aggravju huwa għalhekk fondat.
B. It‑tieni aggravju: il‑konsegwenzi proċedurali tan‑nuqqas ta’ osservanza tad‑dmir ta’ indipendenza
90. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, imqajjem mill-Università ta’ Bremen fuq bażi sussidjarja, l-appellanti tallega, essenzjalment, li l-konsegwenzi proċedurali li l-Qorti Ġenerali siltet mill-konklużjoni li r-rappreżentant legali tagħha ma kienx jissodisfa l-istandards ta’ indipendenza meħtieġa jiksru l-Artikolu 47 tal-Karta (40).
91. Jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux ser ikollha għalfejn tindirizza din il-kwistjoni peress li, kif spjegat iktar ’il fuq, l-ewwel aggravju huwa parzjalment fondat.
92. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza, ser nispjega għalfejn, fil-fehma tiegħi, l-Università ta’ Bremen hija korretta meta targumenta li n-nuqqas ta’ għoti tal-opportunità li jinħatar rappreżentant legali ġdid biex jissostitwixxi dak meqjus mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat li ma kienx qiegħed josserva d-dmir ta’ indipendenza, jikser id-dritt ta’ aċċess għal qorti ta’ din l-università, mogħti taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.
93. Għal dan il-għan, ser nikkunsidra l-ewwel dik li fil-fehma tiegħi hija l-kwistjoni prinċipali f’dan il-kuntest, jiġifieri l-inammissibbiltà awtomatika tar-rikors (1). Imbagħad ser nirrikorri għall-kwistjoni anċillari tal-bażi legali għall-ħatra ta’ avukat il-ġdid (2).
1. Inammissibbiltà awtomatika tar‑rikors
94. Naqbel mar-REA li r-regoli proċedurali huma siekta dwar il-kwistjoni tal-ħatra ta’ avukat ġdid meta l-avukat maħtur inizjalment ma jissodisfax id-dmir ta’ indipendenza.
95. Madankollu, is-silenzju tar-regoli proċedurali ma jfissirx li l-għoti lill-appellanti ta’ opportunità li tissostitwixxi rappreżentant legali li ma jissodisfax id-dmir ta’ indipendenza jmur awtomatikament kontra dawn ir-regoli. Fi kwalunkwe każ, li għandu jiġi evalwat f’dan il-każ huma l-argumenti mqajma mill-Università ta’ Bremen fis-sens li l-interpretazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali adottata fid-digriet appellat kisret id-dritt tal-appellanti ta’ aċċess għal qorti.
96. Nibda f’dan il-kuntest billi ninnota li l-obbligu ta’ rappreżentanza minn rappreżentant legali indipendenti jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikors u, għalhekk, bl-istess mod, limitazzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal qorti.
97. Jiena ċertament naqbel mal-Qorti Ġenerali li, bħala prinċipju, “id-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex dritt assolut” (41). Madankollu, kwalunkwe limitazzjoni għal dan id-dritt tista’ tiġi aċċettata biss jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.
98. Skont l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet. It-tieni sentenza tagħha tipprovdi li, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, limitazzjonijiet għal dawk id-drittijiet u l-libertajiet jistgħu jsiru biss fejn ikunu meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
99. Peress li dawn l-erba’ kundizzjonijiet japplikaw b’mod kumulattiv, inqis li huwa biżżejjed li l-analiżi f’din il-kawża tiġi ffukata fuq l-eżistenza ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, u fuq il-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
100. Jirriżulta mis-sentenza Uniwersytet Wrocławski li l-obbligu ta’ rappreżentanza ta’ rikorrenti mhux ipprivileġġati għandu żewġ għanijiet, jiġifieri l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u “fuq kollox” il-protezzjoni u d-difiża tal-interessi tar-rikorrent bl-aħjar mod possibbli (42). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din id-dikjarazzjoni fir-rigward tar-rappreżentanza legali żgurata minn avukat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut, ma nara ebda raġuni, fil-prinċipju, għaliex l-istess għanijiet ma għandhomx japplikaw ukoll fil-kuntest ta’ rappreżentanza legali pprovduta minn għalliem universitarju taħt is-seba’ paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni. Dan huwa għaliex iż-żewġ tipi ta’ rappreżentanza legali jiżguraw, u jagħmlu possibbli b’mod effettiv, l-aċċess ta’ partijiet mhux ipprivileġġati għall-qrati tal-Unjoni; barra minn hekk l-istatus ta’ għalliema universitarji ġie assimilat mal-istatus ta’ avukati, kif diġà nnotajt iktar ’il fuq (43).
101. L-għanijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi tar-rikorrent, jistgħu f’ċerti sitwazzjonijiet jirrikjedu li rappreżentant legali speċifiku ma jaġixxix (jew jieqaf jaġixxi) bħala rappreżentant legali, fejn, għal kwalunkwe raġuni, ma jkunx f’pożizzjoni li jittratta każ b’mod xieraq jew ma jkunx jista’ jiddefendi ġenwinament l-aħjar interessi tal-parti rrappreżentata.
102. Għalhekk, nammetti li t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jista’ jeħtieġ li r-rikors jiġi effettivament iddikjarat inammissibbli, anki jekk tali konsegwenza tipprevjeni li l-istess każ jerġa’ jiġi eżaminat, peress li, minħabba t-termini li fihom r-rikors għal annullament għandu jitressaq, it-tressiq ta’ rikors ġdid isir effettivament. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-parti rrappreżentata kellha topponi jew tinjora l-istruzzjoni tal-qrati tal-Unjoni biex taħtar rappreżentanza legali differenti, u b’hekk tittardja b’mod sinifikattiv jew effettivament tipprevjeni l-andament tal-proċeduri, f’ċirkustanzi fejn ir-rappreżentanza legali inizjali tonqos b’mod ċar milli taġixxi għad-difiża ġenwina tal-interessi tal-parti rrappreżentata. Sa fejn l-obbligu ta’ rappreżentanza jikkostitwixxi kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikorsi mressqa minn rikorrenti mhux ipprivileġġati, dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tikkostitwixxi tabilħaqq konsegwenza loġika tan-nuqqas ta’ osservanza tagħha.
103. Madankollu, filwaqt li d-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors tista’ tkun mod xieraq biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li jheddu l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew il-protezzjoni tal-interessi tar-rikorrenti, jiena tal-fehma li r-riżultat, fil-forma ta’ dikjarazzjoni awtomatika ta’ inammissibbiltà tar-rikors, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet.
104. Il-fatt li jeżistu mezzi inqas onerużi f’dan il-kuntest huwa kkonfermat mill-possibbiltà, taħt l-Artikolu 55(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jinħatar rappreżentant legali ġdid meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li teskludi r-rappreżentat maħtur inizjalment għaliex tqis li l-aġir tiegħu, kif provdut mill-Artikolu 55(1) ta’ dawk ir-regoli, huwa “inkompatibbli mad-dekor tal-Qorti Ġenerali jew mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”. F’sitwazzjoni bħal din, l-Artikolu 55(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprevedi sospensjoni tal-proċeduri sabiex tippermetti lill-parti kkonċernata taħtar rappreżentant legali ieħor. Ir-regola inkwistjoni għalhekk tippermetti l-protezzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa li taħthom tista’ tingħata l-ġustizzja, billi teskludi rappreżentant legali li, bl-aġir tiegħu, jimmina dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li żżomm il-possibbiltà li l-kawża tiġi eżaminata sakemm ir-rikorrent ma jonqosx milli jaħtar rappreżentant legali ieħor.
105. Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, nikkunsidra li l-Università ta’ Bremen hija korretta meta ssostni li d-dikjarazzjoni awtomatika ta’ inammissibbiltà tar-rikors tagħha – bħala konsegwenza tan-nuqqas tar-rappreżentant legali tagħha li jissodisfa d-dmir ta’ indipendenza – tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata fuq id-dritt tagħha ta’ aċċess għal qorti. Din tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ peress li l-għanijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ protezzjoni tal-interessi tal-appellanti jistgħu jintlaħqu b’mezzi inqas onerużi jekk l-appellant jingħata l-opportunità jaħtar avukat differenti.
2. Il-kwistjoni (li ma hi kwistjoni xejn) tan‑nuqqas ta’ bażi proċedurali espressa li tippermetti l‑ħatra ta’ rappreżentant legali ġdid
106. Fil-punt 40 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut u l-Artikolu 51(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex issostni l-konklużjoni li r-regoli proċedurali tagħha ma jipprovdux l-appellanti bil-possibbiltà li taħtar rappreżentant legali ġdid, kuntrarjament għall-possibbiltà miftuħa prevista fid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq li tirrettifika n-nuqqas li jiġu ppreżentati ċerti dokumenti.
107. L-appellanti tikkontesta din il-konklużjoni u tirreferi għal dan il-għan għall-konklużjonijiet fil-kawża Uniwersytet Wrocławski li fihom l-Avukat Ġenerali Bobek ibbaża ruħu, b’analoġija, fuq l-Artikolu 51(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll fuq l-Artikolu 47 tal-Karta biex isostni l-argument tiegħu li r-rikorrent f’dik il-kawża għandu jingħata l-opportunità li jibdel avukat li jkun instab li ma kienx qiegħed jikkonforma ruħu mad-dmir ta’ indipendenza (44).
108. B’risposta għal dan, ir-REA ssostni li l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jikkonċerna biss dwar il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ċertifikat li jiċċertifika s-sħubija tal-avukat fl-avukatura rispettiva, jew il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ awtorità li jaġixxi. Fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-Avukat Ġenerali Bobek tmur kontra l-kliem tagħha u tkun teħtieġ bidla leġiżlattiva lil hinn mis-setgħat tal-Qorti Ġenerali.
109. Ninnota li n-nuqqas ta’ regola espressa li tipprovdi għall-ħatra ta’ avukat ġdid f’sitwazzjoni fejn l-avukat inizjali ma jissodisfax id-dmir ta’ indipendenza għandu jitqiegħed fil-kuntest normattiv tiegħu. Id-dmir ta’ indipendenza ħareġ mill-ġurisprudenza. Huwa għalhekk pjuttost mhux sorprendenti li l-awturi tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma nkludewx dispożizzjoni li tirregola speċifikament il-possibbiltà jew l-impossibbiltà li tiġi rrettifikata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dmir. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li jirrigwarda s-silenzju tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar is-suġġett bħala spjegazzjoni li sempliċement ma hemm ebda għażla oħra ħlief li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli ma tantx huwa konvinċenti.
110. Peress li r-rekwiżit tad-dmir ta’ indipendenza ta’ “avukat” irriżulta mill-ġurisprudenza, ir-rispons ideali għall-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit għandu jsir taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE. F’dan ir-rigward, naqbel mar-REA.
111. Ninnota li, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tagħtix possibbiltà lil rikorrenti mhux ipprivileġġat li jaħtar avukat ġdid meta l-avukat maħtur inizjalment ikun instab li kien qiegħed jikser id-dmir ta’ indipendenza (45). Madankollu, l-analiżi twettqet fid-dawl tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif fis-seħħ f’dak iż-żmien, li jikkorrispondi fil-prinċipju mal-Artikolu 51 ta’ dawn ir-regoli kif fis-seħħ bħalissa. Min-naħa l-oħra, f’dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tikkunsidra l-kwistjoni speċifikament fid-dawl tal-implikazzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta.
112. Wara li kkunsidrajt dawn l-implikazzjonijiet, ikkonkludejt fil-punti 94 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet li d-dikjarazzjoni awtomatika ta’ inammissibbiltà tar-rikors fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ indipendenza mir-rappreżentant legali tillimita d-dritt ta’ aċċess għal qorti b’mod sproporzjonat. Konsegwentement, u peress li r-regoli proċedurali għandhom jiġu interpretati f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta, jiena tal-fehma li r-rikorrenti mhux ipprivileġġati li r-rappreżentant legali tagħhom jiġi meqjus li ma huwiex qiegħed jissodisfa d-dmir ta’ indipendenza għandhom jingħataw opportunità li jaħtru rappreżentant legali ieħor.
113. F’dan ir-rigward, “gateway” xierqa tista’ tinstab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif intqal iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 55(1) ta’ dawn ir-regoli tirregola sitwazzjonijiet fejn rappreżentant legali jonqos milli josserva, inter alia, ir-“rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”. Id-deċiżjoni minn rappreżentant legali li jaċċetta li jieħu rappreżentanza legali f’sitwazzjoni li fiha tali rappreżentanza legali tista’ tippreġudika manifestament lill-parti rrappreżentata tista’ titqies bħala eżempju ta’ tali nuqqas sal-punt li ż-żewġ xenarji huma kkonċernati b’nuqqas ta’ konformità, mir-rappreżentant legali, ma’ ċerti standards professjonali.
114. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata t-tgawdija effettiva tar-rikorrenti mhux ipprivileġġati tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, u qabel ma tiġi pprovduta bażi legali espliċita għal dan il-għan, nissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali tinvoka t-tielet paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha sabiex tagħti opportunità lir-rikorrenti mhux ipprivileġġati biex jaħtru rappreżentant legali ġdid, jekk jiġi stabbilit li r-rappreżentant legali maħtur inizjalment ma jissodisfax id-dmir ta’ indipendenza.
115. Fl-aħħar nett, u kif diġà ntqal banda oħra (46), il-bidla fir-rappreżentanza legali ma tfissirx li l-parti kkonċernata tkun tista’ terġa’ tippreżenta sottomissjonijiet ġodda. Il-bidla fir-rappreżentanza legali tfisser li r-rappreżentant il-ġdid jassumi l-inkarigu kif ikun jinsab mir-rappreżentant ta’ qabel, b’kull wieħed minnhom jassumi r-responsabbiltà għall-prestazzjoni rispettiva tiegħu.
3. Konklużjoni dwar it‑tieni aggravju
116. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nikkonkludi li bid-deċiżjoni li r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprovdux lill-appellanti l-possibbiltà li taħtar rappreżentant legali ġdid, wara li kkonkludiet li r-rappreżentant legali inizjali tal-appellanti ma jissodisfax id-dmir ta’ indipendenza, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti ta’ aċċess għal qorti kif stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. It-tieni aggravju huwa għalhekk fondat.
VI. Konsegwenza tal‑konklużjoni dwar l‑appell
117. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.
118. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fuq il-mertu. Huwa għalhekk xieraq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
VII. Spejjeż
119. Peress li nipproponi li l-kawża appellata tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-partijiet marbuta mal-proċedura ta’ appell għandha tiġi rriżervata, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli għall-proċeduri tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli.
VIII. Konklużjoni
120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Universität Bremen vs REA (T‑660/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:633),
– tibgħat il-Kawża T‑660/19 lura quddiem il-Qorti Ġenerali,
– tirriżerva l-ispejjeż.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Digriet tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Universität Bremen vs REA (T‑660/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:633) (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”).
3 Sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Poland vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 64) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Uniwersytet Wrocławski”).
4 Id-digriet appellat, punti 18 sa 24.
5 Id-digriet appellat, punt 25.
6 Id-digriet appellat, punt 26.
7 Id-digriet appellat, punt 40.
8 C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2019:774 (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Uniwersytet Wrocławski”).
9 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji — Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601, punt 75).
10 Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Région de Bruxelles-Capitale vs Il-Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:978, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 Ara d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Frar 2008, Comunidad Autónoma de Valencia – Generalidad Valenciana vs Il-Kummissjoni (C‑363/06 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:99) u tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Novembru 2016, Dimos Athinaion vs Il-Kummissjoni (T‑360/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:694).
12 Dan l-obbligu ma japplikax fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari b’applikazzjoni tal-Artikolu 97(3) tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja.
13 Id-digriet appellat, punti 18 u 19. Ara wkoll is-sentenza Uniwersytet Wrocławski, punti 55 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.
14 Sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM&S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157) u tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512).
15 Id-diversi linji tal-ġurisprudenza rilevanti ġew analizzati fil-konklużjonijiet fil-kawża Uniwersytet Wrocławski, punti 37 et seq.
16 Sentenza Uniwersytet Wrocławski, punt 64.
17 Digriet tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:407).
18 Sentenza Uniwersytet Wrocławski, punt 66.
19 Konklużjonijiet fil-kawża Uniwersytet Wrocławski, punt 35.
20 Ara Charter of core principles of the European legal profession & Code of conduct for European lawyers, Council of Bars & Law Societies of Europe, 2019, p. 12, punt 2.1.
21 Ibid., p. 13, punt 2.7. Ara, madankollu, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, An Bord Pleanála (C‑739/19, EU:C:2021:185, punt 29 moqri flimkien mal-punt 16) li tenfasizza r-rwol speċjali ta’ avukati li jidhru quddiem il-qrati Irlandiżi li “jagħm[lu] ħafna mir-riċerki ġuridiċi meħtieġa għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura”, li tista’ wkoll tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ “elementi [li] jkunu sfavorevoli għall-kawża mressqa mill-avukat inkwistjoni”.
22 Dan jidher li huwa l-każ fil-leġiżlazzjoni Franċiża, diskussa, madankollu, minn angolu differenti, fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei (C‑218/19, EU:C:2020:1034). Ara, l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’Conseil de l’ordre des avocats au barreau de Paris u Bâtonnier de l’ordre des avocats au barreau de Paris, C‑218/19 (EU:C:2020:716, punt 4).
23 Sentenza Uniwersytet Wrocławski, punt 64.
24 Sentenza Uniwersytet Wrocławski, punt 63.
25 Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u l-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 25) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej”).
26 Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923).
27 Digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623).
28 Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 60 sa 62).
29 Digriet appellat, punt 25.
30 Sentenza Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, punt 25.
31 Sentenza Uniwersytet Wrocławski, punt 66.
32 Digriet appellat, punt 25.
33 Digriet appellat, punti 25 u 26.
34 Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:648, punt 35).
35 Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56).
37 Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punti 72 sa 75); tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punti 44 u 45); jew tas‑16 ta’ Lulju 1992, Legros et (C‑163/90, EU:C:1992:326, punti 34 sa 36).
38 Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 45).
39 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma nikkunsidrax li huwa meħtieġ li nidħol fl-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk it-test applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, bħala tweġiba għal talbiet biex jiġu limitati l-effetti ratione temporis tas-sentenzi tagħha, għandux japplika bħala tali f’dan il-kuntest.
40 L-Università ta’ Bremen tinvoka wkoll ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Kif sostniet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-aħħar strument ma jikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni Ewropea ma tkunx aderixxiet miegħu, strument legali li ġie formalment inkorporat fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-digriet appellat għandu jsir fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li skontu t-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom ikunu l-istess, jekk mhux iktar estensivi, bħal dawk stabbiliti mill-KEDB, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-Artikolu 6(1) KEDB (u lill-Artikolu 13 KEDB) kif ukoll lill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatata ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.
41 Digriet appellat, punt 35. Dikjarazzjoni simili saret ukoll ripetutament mill-Qorti EDB. Ara, pereżempju, Qorti EDB, 11 ta’ Frar 2014, Maširević vs Serbja, (CE:ECHR:2014:0211JUD003067108, § 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Sentenza Uniwersytet Wrocławski, punt 62.
43 Ara iktar ’il fuq, il-punti 58 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
44 Konklużjonijiet fil-kawża Uniwersytet Wrocławski, punti 151 sa 157.
45 Digriet tal‑5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill (C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 23).
46 Konklużjonijiet fil-kawża Uniwersytet Wrocławski, punt 158.