26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2064

tal-25 ta’ Awwissu 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ eżenzjoni de minimis għall-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Adrijatiku u tax-Xlokk tal-Mediterran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 (2) stabbilixxa pjan għall-iskartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019, wara li ġew ippreżentati tliet rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni fl-2016 minn għadd ta’ Stati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Mediterran (il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta u s-Slovenja). Dawk it-tliet rakkomandazzjonijiet konġunti kienu jikkonċernaw rispettivament il-Baħar Mediterran tal-Punent, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Mediterran tax-Xlokk.

(2)

Sabiex jiġu evitati kostijiet sproporzjonati għall-immaniġġar ta’ qabdiet mhux mixtieqa, ir-Regolament Delegat (UE) 2017/86 stabbilixxa eżenzjoni de minimis li tapplika għall-ispeċijiet demersali. Dan ir-Regolament jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)

Il-Kroazja, l-Italja u s-Slovenja (“il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica”) u l-Greċja, l-Italja, Ċipru u Malta (“il-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed”) għandhom interess ta’ ġestjoni tas-sajd dirett fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar Mediterran tax-Xlokk rispettivament. Fis-7 u fl-14 ta’ Mejju 2021, il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica u l-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed ippreżentaw evidenza xjentifika biex jitolbu l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2017/86.

(4)

L-eżenzjonijiet de minimis għall-ispeċijiet pelaġiċi żgħar fis-sajd li jimmiraw dawk l-ispeċijiet huma stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 (3). B’kuntrast għal dan, l-eżenzjonijiet de minimis għall-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet pelaġiċi żgħar magħmula fis-sajd demersali jenħtieġ li jiġu inklużi f’dan ir-Regolament kif mitlub fl-evidenza xjentifika ppreżentata mill-Gruppi ta’ Livell Għoli.

(5)

L-evidenza xjentifika ġiet ivvalutata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) bejn is-17 u l-21 ta’ Mejju 2021 (4). Fit-13 u fil-21 ta’ Lulju 2021, il-Gruppi ta’ Livell Għoli Adriatica u Sudestmed ippreżentaw evidenza xjentifika aġġornata rispettivament li kienet allinjata mal-parir xjentifiku tal-STECF.

(6)

Il-Kummissjoni tinnota li fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar Mediterran tax-Xlokk, l-ispeċijiet jinqabdu fl-istess ħin, fi kwantitajiet li jvarjaw ħafna, u dan jagħmel approċċ ta’ stokk uniku diffiċli. Barra minn hekk, dawk l-ispeċijiet jinqabdu minn bastimenti tas-sajd fuq skala żgħira u jinħattu l-art f’ħafna postijiet differenti tal-ħatt l-art mifruxin ġeografikament tul il-kosta, u dan jirriżulta f’kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġar ta’ qabdiet mhux mixtieqa.

(7)

L-STECF innota li l-approċċ de minimis ikkombinat inkluż fl-evidenza xjentifika pprovduta, ikopri grupp wiesa’ ta’ speċijiet b’firxa wiesgħa ta’ rati ta’ skartar, iżda qies tali kopertura wiesgħa bħala approċċ validu minħabba l-kumplessità tas-sajd fil-Baħar Adrijatiku u fil-Baħar Mediterran tax-Xlokk. Barra minn hekk, l-STECF qies li eżenzjonijiet de minimis individwali li jkopru speċi waħda x’aktarx li jirriżultaw f’ħafna eżenzjonijiet separati li daqstant ieħor jippreżentaw sfida biex jiġu mmonitorjati.

(8)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica pprovda evidenza xjentifika aġġornata dwar il-kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġjar ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Għalkemm l-STECF innota li huma pprovduti stimi taż-żieda fil-kostijiet, huwa saħaq fuq id-diffikultajiet biex wieħed jiġġudika f’liema livell il-kostijiet huma sproporzjonati. L-STECF innota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-kostijiet sproporzjonati tista’ titlesta aktar u li jenħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-impatti tal-eżenzjoni. L-STECF innota wkoll li t-tnaqqis tal-livell ta’ qabdiet mhux mixtieqa permezz tal-użu ta’ rkaptu selettiv jew ta’ żoni marini protetti jenħtieġ li jingħata prijorità. Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn meħud mill-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica biex ikompli jaħdem fuq is-selettività u r-restrizzjonijiet spazjali tas-sajd bħala prijorità biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża bil-livelli perċentwali proposti.

(9)

L-evidenza xjentifika aġġornata għall-Adrijatiku tipproponi li l-eżenzjoni de minimis tiġi estiża, għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX). L-STECF qies li r-rata ta’ skartar hija sinifikanti ħafna għal dan is-sajd, iżda li l-proġetti ta’ selettività għadhom għaddejjin. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal sena, bil-livelli perċentwali proposti. Sal-1 ta’ Mejju 2022, il-Grupp ta’ Livell Għoli Adriatica jenħtieġ li jippreżenta data addizzjonali, abbażi tal-istudji li għaddejjin u evalwazzjoni tal-impatt tal-eżenzjoni.

(10)

Il-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed ipprovda evidenza xjentifika aġġornata dwar il-kostijiet sproporzjonati tal-immaniġġar ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Għalkemm l-STECF innota li huma pprovduti stimi taż-żieda fil-kostijiet, huwa saħaq fuq id-diffikultajiet biex wieħed jiġġudika f’liema livell il-kostijiet huma sproporzjonati. L-STECF innota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-kostijiet sproporzjonati tista’ titlesta aktar u li jenħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-impatti tal-eżenzjoni. L-STECF innota wkoll li t-tnaqqis tal-livell ta’ qabdiet mhux mixtieqa permezz tal-użu ta’ rkaptu selettiv jew ta’ żoni marini protetti jenħtieġ li jingħata prijorità. Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn meħud mill-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed biex ikompli jaħdem fuq is-selettività u r-restrizzjonijiet spazjali tas-sajd bħala prijorità biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża bil-livelli perċentwali proposti.

(11)

Minħabba l-għadd kbir ta’ speċijiet differenti li jinqabdu fl-istess ħin f’operazzjonijiet tas-sajd demersali bl-użu ta’ snanar, xolfa, għeżula u pariti fil-Baħar Mediterran tax-Xlokk, il-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed ippropona de minimis differenti għal xi speċijiet meta jinqabdu aktar ta’ spiss u dawn jibbenefikaw minn limitu de minimis aktar baxx minn meta jinqabdu anqas ta’ spiss. Minħabba li dan jirrifletti r-realtà tas-sajd imħallat fil-Baħar Mediterran tax-Xlokk, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tingħata bil-livelli perċentwali proposti.

(12)

L-evidenza xjentifika aġġornata pprovduta għall-Baħar Mediterran tax-Xlokk tipproponi l-estensjoni tal-eżenzjoni de minimis, għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % fl-2022 tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX). L-STECF qies li r-rata ta’ skartar hija sinifikanti ħafna għal dan is-sajd, iżda li l-proġetti ta’ selettività għadhom għaddejjin. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal sena, bil-livelli perċentwali proposti. Sal-1 ta’ Mejju 2022, il-Grupp ta’ Livell Għoli Sudestmed jenħtieġ li jippreżenta data addizzjonali, abbażi tal-istudji li għaddejjin u evalwazzjoni tal-impatt tal-eżenzjoni.

(13)

Fl-evidenzi xjentifiċi aġġornati tagħhom, l-Istati Membri ġeddew l-impenn tagħhom li jżidu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd f’konformità mar-riżultati tal-programmi ta’ riċerka attwali sabiex inaqqsu u jillimitaw il-qabdiet mhux mixtieqa u partikolarment il-qabdiet b’daqsijiet iżgħar mid-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(14)

Fl-evidenza xjentifika aġġornata tagħhom, l-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll li jidentifikaw aktar żoni ta’ għeluq sabiex inaqqsu l-mortalità tal-ħut li għadu qed jikber.

(15)

Il-miżuri mitluba huma f’konformità mal-Artikolu 15(4), il-punt (c).

(16)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art

L-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Baħar Adrijatiku u tal-Baħar Mediterran tax-Xlokk għas-sajd demersali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM” (“GSAs”) tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (“GFCM”) kif inhuma definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(b)

“Baħar Adrijatiku” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 17 u 18;

(c)

“Baħar Mediterran tax-Xlokk” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 14, 15, 16, 19, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, u 27.

Artikolu 3

Eżenzjoni de minimis

1.   B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet ta’ speċijiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(4), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:

(a)

fil-Baħar Adrijatiku:

(i)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(ii)

jew il-merluzz (Merluccius merluccius) u t-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 1 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN);

(iii)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 1 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ir-rapido (TBB);

(iv)

għal-lingwata komuni (Solea solea), sa 3 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(v)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(vi)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 3 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN);

(vii)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 1 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw snanar u linji (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX);

(viii)

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ.

(b)

fil-Baħar Mediterran tax-Xlokk:

(i)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(ii)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 1 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN);

(iii)

għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dik l-ispeċi li tinqabad minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(iv)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata), għall-iskampu (Nephrops norvegicus) u għal-lingwata komuni (Solea solea), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(v)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-awrata (Sparus aurata), għal-lingwata komuni (Solea solea), għall-awwista Ewropea (Homarus gammarus) u għall-awwisti (Palinuridae), sa massimu ta’ 3 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN). F’każ li l-ħatt l-art ta’ dawk l-ispeċijiet ikun anqas minn 25 % tal-ħatt l-art totali tas-sajd, il-kwantitajiet li għandhom jiġu skartati jistgħu jkunu sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u l-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet;

(vi)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għall-awrata (Sparus aurata), sa massimu ta’ 1 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw is-snanar u l-linji (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX). F’każ li l-ħatt l-art ta’ dawk l-ispeċijiet ikun anqas minn 25 % tal-ħatt l-art totali tas-sajd, il-kwantitajiet li jridu jiġu skartati jistgħu jkunu sa massimu ta’ 3 % tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet;

(vii)

għall-inċova (Engraulis encrasicolus), għas-sardin (Sardina pilchardus), għall-kavall (Scomber spp.) u għas-sawrell (Trachurus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 tal-qabdiet inċidentali annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ.

2.   Sal-1 ta’ Mejju 2022, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Mediterran tax-Xlokk għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni data addizzjonali bbażata fuq l-istudji li għaddejjin u evalwazzjoni tal-impatt tal-eżenzjoni u kwalunkwe informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punti (a)(viii) u (b)(vii). L-STECF għandu jivvaluta dik id-data u dik l-informazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2022.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran (ĠU L 14, 18.1.2017, p. 4).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/161 tat-23 ta’ Ottubru 2017 li jistabbilixxi eżenzjoni de minimis għall-obbligu tal-ħatt l-art għal ċertu sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir fil-Baħar Mediterran (ĠU L 30, 2.2.2018, p. 1).

(4)  Ir-Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet konġunti dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art (STECF-21-05) 2021 (Evaluation of the landing obligation joint recommendations (STECF-21-05)). Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

Disponibbli hawnhekk https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).