IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2025
COM(2025) 798 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Linji gwida aġġornati għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
1.Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea għandha disa’ reġjuni ultraperiferiċi, li jinsabu ’l bogħod mill-kontinent Ewropew fl-Oċean Atlantiku u fl-Oċean Indjan, fil-Baħar tal-Karibew, u fl-Amerka Latina: il-Guyana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint-Martin (Franza); l-Azores u Madeira (il-Portugall); il-Gżejjer Kanarji (Spanja).
L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi s-“sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika” ta’ dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi, “ikkumplikata bid-distanza u l-insularità tagħhom, bid-daqs żgħir, bit-topografija u l-klima diffiċli, bid-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti, li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom”. Dan jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki tal-Unjoni biex jgħinuhom jindirizzaw dawn l-isfidi, inkluż il-“politika dwar […] [i]s-sajd”.
Fl-2022, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (
), li tistabbilixxi strateġija ġdida għal dawn ir-reġjuni, u tafferma mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni li tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom fil-proposti għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).
Meta mqabbel mal-flotta tas-sajd tal-Unjoni kollha kemm hi, l-għadd ta’ bastimenti fil-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi huwa żgħir, fil-biċċa l-kbira artiġjanali u proprjetà tal-familji u għalhekk ikkaratterizzat minn strateġiji tas-sajd eteroġenji, intensivi fl-enerġija, u joperaw f’kundizzjonijiet oċeaniċi u meteoroloġiċi partikolarment ta’ sfida, li jaffettwaw ħafna l-użu medju tal-bastimenti. Dawn il-flotot huma magħmulin l-aktar minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru b’magni b’potenza baxxa, b’awtonomija limitata, u b’kostijiet operazzjonali ogħla minħabba l-pożizzjoni remota u d-dipendenza fuq il-fjuwil u t-tagħmir importati. Barra minn hekk, għandhom aċċess aktar limitat għall-finanzjament privat u l-infrastruttura tagħhom hija ristretta, u dawn jaffettwaw il-profittabbiltà ġenerali ta’ dak is-sajd u għalhekk iġiegħlu lis-sajjieda jwettqu aktar minn attività waħda biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ dħul, li min-naħa tiegħu jaffettwa r-rata tal-użu tal-bastimenti. Dawn joperaw fuq blat kostali dejjaq, spiss f’kompetizzjoni ma’ speċijiet migratorji jew ma’ flotot ġirien, u f’kuntesti soċjoekonomiċi vulnerabbli fejn is-sajd jaqdi rwol ewlieni fl-impjiegi lokali, fl-ikel, u fl-istabbiltà tal-komunità. Barra minn hekk, l-istokkijiet tal-ħut fil-mira fir-reġjuni ultraperiferiċi huma aktar varjati u għandhom aktar speċijiet fin-natura tagħhom minn dawk fil-mira tal-flotta tas-sajd tal-bqija tal-Unjoni.
Minħabba dawn il-karatteristiċi strutturali u ekoloġiċi partikolari, il-metodoloġiji konvenzjonali ta’ valutazzjoni tal-istokkijiet tal-UE, li tfasslu l-aktar għas-sajd għal speċi waħda u b’ħafna data, kif ukoll il-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tal-użu tal-bastimenti, li tfasslu għal sajd inqas espost għal eventi ta’ temp estrem u li huma profittabbli biżżejjed u għandhom biżżejjed finanzjament biex jippermettu lis-sajjieda jibbażaw biss fuq l-attività tas-sajd tagħhom, jistgħu jeħtieġu adattament biex jirriflettu b’mod adegwat ir-realtajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi. L-adattamenti metodoloġiċi jeħtieġ li jqisu wkoll il-fatt li s-sitwazzjoni hija aggravata f’ħafna każijiet min-natura tal-bastimenti tas-sajd, li huma fost l-eqdem u l-iżgħar fl-Unjoni u li huma anqas mgħammra biex jiddiversifikaw l-istokkijiet tal-ħut fil-mira tagħhom, biex jitqassmu b’mod aktar mifrux u uniformi bejn iż-żoni tas-sajd sabiex tiġi evitata l-konċentrazzjoni żejda tal-operazzjonijiet tas-sajd qrib il-kosta, kif ukoll biex jiġbru u jittrażmettu d-data dwar l-attivitajiet tas-sajd tagħhom.
Id-data dwar dan is-sajd hija komparattivament limitata, u jitwettqu inqas valutazzjonijiet tal-istokkijiet, li jxekklu l-kapaċità tal-Istati Membri li jirrapportaw dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd f’konformità mal-Linji Gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd ((
)) (minn hawn ’il quddiem “COM(2014) 545 final”). Barra minn hekk, sabiex tinqabad aħjar in-natura diversa tal-attivitajiet tas-sajd mill-flotot tar-reġjuni ultraperiferiċi, jista’ jkun meħtieġ livell ogħla ta’ subsegmentazzjoni tal-flotta, lil hinn minn dak li huwa stabbilit fil-Qafas għall-Ġbir ta’ Data (DCF, Data Collection Framework) (
).
Din il-Komunikazzjoni tqis il-fatturi msemmija hawn fuq li jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk fil-bqija tal-Unjoni u, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-2022 dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi (
), tistabbilixxi linji gwida speċifiċi għall-valutazzjoni tal-bilanċ tas-segment tal-flotta għal bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi. Din tadatta ċerti elementi ta’ COM(2014) 545 final għas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika strutturali u l-fatturi ta’ aggravazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mal-Artikolu 349 TFUE, u tissostitwixxi COM(2024) 223 final, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mit-Taqsima 3 ta’ din il-Komunikazzjoni.
Fid-dawl tal-iskadenza ta’ COM(2024) 223 final, u wara l-impenn deskritt fil-Patt Ewropew għall-Oċeani (
), il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri bi flotot fir-reġjuni ultraperiferiċi jippreżentaw evidenza xjentifika għall-emendar tal-linji gwida, u kkonsultat lill-korp xjentifiku tagħha, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical, and Economic Committee for Fisheries) (
).
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi metodi alternattivi (meta mqabbla ma’ dak li huwa stabbilit f’COM(2014) 545 final) li l-Istati Membri kkonċernati jistgħu japplikaw għat-tħejjija ta’ ċerti indikaturi għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi. Dawn il-metodi alternattivi huma bbażati fuq elaborazzjoni ta’ COM(2014) 545 final u ta’ COM(2024) 223 final u jqisu (1) analiżi xjentifika u rakkomandazzjonijiet addizzjonali mogħtija mill-STECF fir-rigward tar-rapporti annwali tal-flotta tal-Istati Membri, u (2) informazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi, kif previst mill-Istati Membri kkonċernati (
).
Fil-każijiet kollha, inkluż meta japplikaw il-linji gwida stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-data u l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġġustifikaw l-għażliet tagħhom u biex jippermettu analiżi u skrutinju ulterjuri mill-STECF kif meħtieġ.
2.Metodi Alternattivi Għas-Segmenti tal-Flotta Li Jikkonsistu Minn Bastimenti Ta’ Inqas Minn 12-il Metru Fir-Reġjuni Ultraperiferiċi
Bħala regola bażika, COM(2014) 545 final tapplika għas-segmenti kollha tal-bastimenti.
Il-linji gwida f’din il-Komunikazzjoni jintroduċu metodi alternattivi għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi li jistgħu jiġu applikati għat-tħejjija tal-parametri tad-data, l-indikaturi bijoloġiċi, l-indikaturi tal-użu tal-bastimenti u l-indikaturi addizzjonali, kif stabbilit hawn taħt.
L-Istati Membri jistgħu jħejju r-rapport tal-flotta tagħhom abbażi ta’ kwalunkwe wieħed mill-metodi alternattivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għas-segmenti tal-flotta kkonċernati, biss jekk jiġġustifikaw il-ħtieġa għala għandu jsir dan fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tas-segment tal-flotta kkonċernat u r-restrizzjonijiet partikolari li s-segment ikun jaqa’ taħtu, minħabba l-pożizzjoni tiegħu f’reġjun ultraperiferiku. L-ispjegazzjonijiet għandhom jiġu pprovduti fl-anness tar-rapport tal-flotta.
Skont COM(2014) 545 final, fejn l-indikaturi jissuġġerixxu sitwazzjoni ta’ żbilanċ għal wieħed mis-segmenti tal-flotta kkonċernati, iżda Stat Membru jqis li madankollu s-segment tal-flotta inkwistjoni huwa bbilanċjat mar-riżorsi (jew bil-maqlub), l-Istat Membru huwa mistenni jipprovdi analiżi ta’ sostenn li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-STECF jifhmu bis-sħiħ u jqisu r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-pożizzjoni tiegħu meta jikkonkludi fuq il-bilanċ. Dan għandu japplika kemm meta l-indikaturi jitħejjew f’konformità mal-metodi stabbiliti f’COM(2014) 545 final kif ukoll meta jitħejjew permezz tal-metodi alternattivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni.
2.1. Parametri tad-data u segmentazzjoni tal-flotta
Sabiex ikun hemm analiżijiet standardizzati, biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, f’konformità ma’ COM(2014) 545 final, il-parametri tad-data għandhom jiġu kkalkulati skont id-data miġbura taħt id-DCF.
F’konformità mal-parir tal-STECF, għal bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-kalkolu tal-indikaturi jista’ jiġi diżaggregat ulterjorment skont is-subsegmentazzjoni fl-aktar livell xieraq (
). Fil-prinċipju, is-subsegmentazzjoni se tgħin biex jiġi żgurat li l-valuri tal-indikaturi għas-subsegmenti jkunu aktar rappreżentattivi milli f’segmentazzjoni aktar aggregata. F’każijiet fejn tiġi pprovduta subsegmentazzjoni, din għandha tkun b’żieda mad-DCF, mhux minfloku. Barra minn hekk, id-data kollha ta’ sostenn għall-kalkoli fir-rapport tal-flotta għandha tiġi pprovduta wkoll fl-anness tar-rapport tal-flotta skont l-istess subsegmentazzjoni uniformi.
2.2. Indikaturi bijoloġiċi
F’konformità ma’ COM(2014) 545 final, iż-żewġ indikaturi bijoloġiċi (l-indikatur tal-ħsad sostenibbli u l-indikatur tal-istokkijiet f’riskju) għandhom ikunu bbilanċjati bħala parti mid-dimostrazzjoni tal-bilanċ ta’ segment tal-flotta.
2.2.1.Indikatur tal-ħsad sostenibbli
Għas-segmenti tal-flotta li jikkonċernaw bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-kalkolu għall-indikatur tal-ħsad sostenibbli (SHI, sustainable harvest indicator) kif spjegat fit-taqsima 10.1 ta’ COM(2014) 545 final jista’ jiġi ssimplifikat b’wieħed mill-modi li ġejjin:
·Il-valuri F u Fmsy jistgħu jiġu derivati, f’ordni ta’ prijorità, minn: (a) valutazzjonijiet nazzjonali soġġetti għall-evalwazzjoni bejn il-pari, fejn l-evalwazzjonijiet bejn il-pari jkunu aċċessibbli għall-pubbliku jew jiġu pprovduti bħala anness tar-rapport tal-flotta; (b) valutazzjonijiet nazzjonali li (għadhom) ma humiex soġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari, meta l-valutazzjonijiet nazzjonali jiġu pprovduti bħala anness tar-rapport tal-flotta, għall-evalwazzjoni bejn il-pari. Il-valutazzjonijiet tal-istokkijiet għandhom ikunu bbażati fuq l-aktar data reċenti disponibbli li tirrifletti l-istatus kurrenti tal-istokkijiet tal-ħut. Meta jitqies li mhux dejjem ikun hemm data annwali disponibbli fuq kull stokk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-istokkijiet inklużi jkunu bbażati fuq l-aktar data reċenti disponibbli u ma jkunux eqdem minn 3 snin qabel is-sena ta’ referenza. Madankollu, l-iskeda ta’ żmien eżatta tista’ tvarja skont l-istorja tal-ħajja tal-istokkijiet, jiġifieri għal xi speċijiet b’ċikli tal-ħajja itwal, valutazzjonijiet kemxejn aktar antiki sa 5 snin xorta jistgħu jkunu rilevanti; l-indikatur SHI jista’ jiġi ppreżentat flimkien mal-perċentwal ta’ kopertura reali u l-għadd ta’ stokkijiet użati għall-kalkolu tal-valur;
·jistgħu jintużaw stimi ta’ F u Fmsy minn speċi fil-mira rappreżentattiva waħda jew aktar fis-sajd; f’dan il-kuntest, jistgħu jiġu ppreżentati u użati wkoll il-valutazzjonijiet ibbażati fuq il-produttività tar-raggruppamenti tal-ispeċijiet.
Irrispettivament mis-simplifikazzjoni applikata mill-Istat Membru, huwa imperattiv li d-data kollha meħtieġa tiġi pprovduta fl-anness tar-rapport tal-flotta biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa u biex ikun jista’ jsir aktar skrutinju mill-STECF.
2.2.2.Indikatur tal-istokkijiet f’riskju
F’konformità ma’ COM(2014) 545 final, l-Istati Membri huma mitluba jgħoddu n-numru ta’ stokkijiet li kurrentament qed jiġu vvalutati bħala li qegħdin f’riskju bijoloġiku għoli li “jiġu sfruttati” mis-segment tal-flotta kkonċernat. COM(2014) 545 final tiċċara wkoll li, f’dan il-kuntest, “sfruttati minn” tfisser li kull wieħed mill-istokk(ijiet) f’riskju għoli jikkostitwixxi aktar minn 10 % tal-qabdiet tal-flotta, jew li l-flotta tieħu aktar minn 10 % tal-qabdiet tal-istokk.
Abbażi tal-parir tal-STECF u filwaqt li qieset is-sitwazzjoni speċjali tas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, COM(2024) 223 final ippermettiet lill-Istati Membri jużaw, fuq bażi temporanja, valur ta’ limitu alternattiv biex jiddefinixxu jekk l-istokk(ijiet) f’riskju għoli humiex “sfruttati” mis-segmenti tal-flotta kkonċernati (
). Wara l-iskadenza ta’ COM(2024) 223 final, dak il-limitu alternattiv għandu jiġi aġġustat biex jirrifletti aħjar il-karatteristiċi idjosinkratiċi ta’ dawn is-segmenti tal-flotta deskritti fit-taqsima 1 ta’ dan id-dokument u biex jaqbad l-impatt tagħhom fuq l-istokkijiet ikkonċernati.
Għalhekk, għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, l-Istati Membri jistgħu jqisu li stokk f’riskju għoli jiġi “sfruttat minn” segment tal-flotta jekk kull stokk ikun jikkostitwixxi aktar minn 20 % tal-qabdiet tas-segment tal-flotta, jew jekk is-segment tal-flotta jieħu aktar minn 10 % tal-qabdiet tal-istokk. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw data u spjegazzjonijiet dettaljati tal-kalkoli applikati kif ukoll ir-raġunijiet xjentifiċi għall-applikazzjoni ta’ dan il-valur ta’ limitu alternattiv f’anness tar-rapport tal-flotta għal skrutinju ulterjuri mill-STECF.
Għall-istokkijiet kondiviżi ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk ġestiti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs, Regional Fisheries Management Organisations), l-Istati Membri u l-STECF jużaw id-data dwar il-qabdiet internazzjonali għall-kalkolu tal-indikatur tal-istokk f’riskju (SAR, stock at risk), fejn disponibbli. Għall-istokkijiet kondiviżi fejn tali data internazzjonali ma tkunx disponibbli, għall-kalkolu tal-SAR jiġu applikati l-qabdiet tal-UE, ikkumplimentati minn kwalunkwe informazzjoni u data rilevanti. L-istokkijiet li għalihom, skont l-RFMO rilevanti, l-istatus ma huwiex sajd eċċessiv jew ma huwiex soġġett għas-sajd eċċessiv ma jiġux ikklassifikati bħala “stokk f’riskju”.
2.3. Indikatur tal-użu tal-bastiment
F’konformità ma’ COM(2014) 545 final, l-indikatur tal-użu tal-bastiment huwa l-medja, għal kull segment tal-flotta, tal-proporzjon tal-isforz effettivament użat għall-isforz massimu li jista’ jiġi eżerċitat mill-flotta.
Filwaqt li jirrikonoxxu l-karatteristiċi uniċi tal-flotot tar-reġjuni ultraperiferiċi, inkluża l-varjabbiltà tagħhom fil-livelli tal-attività tas-sajd, l-Istati Membri għandu jibqa’ jkollhom il-possibbiltà li jikkalkulaw verżjoni alternattiva ta’ dan l-indikatur, inkluż, jekk ikun debitament iġġustifikat, waħda adattata fil-livell tas-segment, li tkun ibbażata fuq livell teoretiku, pjuttost milli reali, tal-attività massima u li titqies fil-valutazzjoni tal-bilanċ. Dan il-valur għandu jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru bl-użu tal-ġudizzju espert u tal-informazzjoni disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet naturali, tekniċi u soċjali, rilevanti għas-sitwazzjoni partikolari tal-flotta fir-reġjuni ultraperiferiċi. Din il-possibbiltà tingħata lill-Istati Membri minħabba li l-għadd massimu osservat ta’ jiem fuq il-baħar f’segment tal-flotta għal kull sena ta’ referenza jista’ jkun limitat minn fatturi esterni, u għalhekk dan l-għadd jista’ ma jirriflettix il-kapaċità teknika reali ta’ din il-flotta. Eżempji ta’ fatturi esterni jistgħu jkunu ekonomiċi, ambjentali u soċjali, kif definiti fit-taqsima 12.2 ta’ COM(2014) 545 final. Kif osservat fit-Taqsima 1, is-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment esposti għal fatturi esterni bħal dawn.
Meta l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-verżjoni tal-indikatur kif stabbilit fit-taqsima 12.2 ta’ COM(2014) 545 final, dan jista’ jiġi rifless fl-għażla tal-indikatur VURnn. Ir-raġunijiet għall-għażla ta’ nn għandhom jiġu pprovduti flimkien mad-data kollha meħtieġa għall-kalkoli f’anness tar-rapport tal-flotta. Sabiex tkun tista’ ssir l-identifikazzjoni tax-xejriet tal-VUR, l-Istati Membri li japplikaw verżjoni VURnn tal-indikatur tekniku huma mħeġġa jżommu l-istess livell limitu fuq diversi snin, u dan se jgħin biex titnaqqas l-influwenza ta’ valuri estremi. Fi kwalunkwe każ, meta jistabbilixxu jew jaġġustaw il-limitu tal-nn tagħhom, l-Istati Membri jridu jipprovdu ġustifikazzjoni ċara għad-deċiżjoni.
Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ akkuratezza li jirriżultaw minn kampjun ta’ referenza żgħir iżżejjed, il-valutazzjoni tal-bilanċ tas-segmenti li jikkonsistu minn inqas minn għaxar bastimenti għandha tkun ibbażata fuq il-verżjoni tal-indikatur li trendi l-ogħla valur, meta jitqies il-valur ta’ referenza minimu ta’ 0,7 stabbilit fit-taqsima 12.3 ta’ COM(2014) 545 final.
2.4. Indikaturi addizzjonali
Għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, l-indikatur tan-Numru ta’ Stokkijiet Sfruttati Żżejjed (NOS, Number of Overexploited Stocks) u l-Indikatur tad-Dipendenza Ekonomika (EDI, Economic Dependency Indicator) jistgħu jiġu pprovduti bħala indikaturi bijoloġiċi addizzjonali u kkalkulati skont il-pariri tal-STECF (
).
Jistgħu jiġu ppreżentati wkoll indikaturi soċjali li jistgħu jgħinu biex jintwerew il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi usa’ li fihom topera l-flotta. Dan jagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jipprovdu illustrazzjonijiet addizzjonali tas-sitwazzjoni tas-segmenti tal-flotta tagħhom, li jikkonsistu fl-iżgħar bastimenti u fil-bastimenti u fil-bastimenti tas-sajd u negozji li huma potenzjalment l-aktar vulnerabbli.
Dawn l-indikaturi addizzjonali ma humiex meqjusa bħala indikaturi alternattivi u ma jiffurmawx parti mill-kalkolu tal-bilanċ tal-flotta.
3.Kunsiderazzjonijiet finali
Dawn il-linji gwida għandhom japplikaw għat-tħejjija u għall-valutazzjoni tar-rapporti nazzjonali li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri sa Mejju 2026 f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE. Madankollu, għandhom japplikaw ukoll għall-valutazzjoni tar-rapporti nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri sa Mejju 2025 jekk dawk ir-rapporti diġà jkun fihom valutazzjonijiet jew informazzjoni li jippermettu valutazzjoni tal-bilanċ aktar favorevoli tas-segment tal-flotta rispettiv milli skont COM(2014) 545 kif issupplimentata minn COM(2024) 223 final. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-STECF, b’mod partikolari mal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti tal-STECF dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, biex tindirizza l-kwistjonijiet li huma speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi.