|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2552 |
18.11.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2552
tad-9 ta’ Novembru 2026
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Secure Trade Partnership Plus ta’ Singapore u tal-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1875 (1). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 6.3 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu, fejn xieraq, ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi ta’ sħubija kummerċjali rispettivi tagħhom, inklużi aspetti bħat-trażmissjoni tad-data u l-benefiċċji miftiehma b’mod reċiproku. |
|
(3) |
Skont l-Artikoli 6.17 u 16.4 tal-Ftehim, huwa possibbli li l-Kumitat Doganali, stabbilit skont l-Artikolu 16.2 tal-Ftehim, jadotta deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi ta’ sħubija kummerċjali. |
|
(4) |
Il-Kumitat Doganali, matul it-tieni laqgħa tiegħu fl-2026 jew, soġġett għall-qbil tal-Partijiet, permezz ta’ proċedura bil-miktub, huwa ppjanat li jadotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programm Secure Trade Partnership Plus (“STP Plus”) ta’ Singapore u tal-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (“AEO”) tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi AEO u STP Plus jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti s-sigurtà u s-sikurezza u jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali billi jsaħħaħ is-sigurtà tal-katina tal-provvista internazzjonali |
|
(6) |
Il- programmi AEO u STP Plus huma bbażati fuq standards ta’ sigurtà rikonoxxuti internazzjonalment irrakkomandati mill-Qafas SAFE ta’ Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali adottat mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali f’Ġunju 2005. |
|
(7) |
Iż-żjarat fuq il-post u evalwazzjoni konġunta tal-Programmi AEO u STP Plus urew li l-istandards tal-kwalifiki tagħhom għal skopijiet ta’ sigurtà u ta’ sikurezza huma kompatibbli u jwasslu għal riżultati ekwivalenti. |
|
(8) |
Jekk tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Doganali se tipproduċi effetti legali għall-Unjoni. |
|
(9) |
Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed fil-Kumitat Doganali dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-programmi AEO u STP Plus, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Doganali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet tekniċi żgħar għall-pożizzjoni stabbilita fl-Anness mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1875 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (ĠU L 294, 14.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1875/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2552/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)