|
12.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/104 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2325
tal-11 ta' Diċembru 2015
li jissottometti l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa għal reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta' notifika ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), it-tnedija ta' proċediment antidumping rigward l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) u mill-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”), wara li tressaq ilment fl-1 ta' April 2015 minn Eurofer (“l-ilmentatur”) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ. |
1. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT
|
(2) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, jew azzar illigat ieħor iżda eskluż l-azzar inossidabbli, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), mhux miksija, b'liga jew mgħottija u mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana) iżda ma jinkludix:
li joriġinaw miċ-Ċina u mir-Russja (“il-pajjiżi kkonċernati”), li bħalissa jinsabu fil-kodiċi(jiet) NM ex 7209 15 00 , 7209 16 90 , 7209 17 90 , 7209 18 91 , ex 7209 18 99 , ex 7209 25 00 , 7209 26 90 , 7209 27 90 , 7209 28 90 , 7211 23 30 , ex 7211 23 80 , ex 7211 29 00 , 7225 50 80 , 7226 92 00 . Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni. |
2. TALBA
|
(3) |
It-talba għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku saret mill-ilmentatur fit-12 ta' Novembru 2015. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentament ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni. |
3. IR-RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni. |
|
(5) |
L-ilmentatur jiddikjara li r-reġistrazzjoni hija ġġustifikata billi l-prodott ikkonċernat għadu qed ikun suġġett għal dumping u l-importaturi kienu jafu tajjeb dwar il-prattiki ta' dumping li kien ilhom għaddejjin għal perjodu estiż ta' żmien u kienu qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni. L-ilmentatur jiddikjara wkoll li l-importazzjonijiet Russi u Ċiniżi qed jikkawżaw dannu għall-industrija tal-Unjoni u li kien hemm żieda sostanzjali fil-livell ta' dawk l-importazzjonijiet, ukoll wara l-perjodu tal-investigazzjoni, li jimmina b'mod serju l-effett ta' rimedju tad-dazju ta' kontra d-dumping, jekk jiġi applikat tali dazju. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni tqis li l-importaturi kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu dwar il-prattiki ta' dumping tal-esportaturi. Evidenza prima facie suffiċjenti f'dan ir-rigward kienet tinsab fl-ilment u dan kien ippreżentat fin-notifika ta' bidu għal dan il-proċediment (3). Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment stmat li kien hemm marġini ta' dumping ta' 28 % għall-importazzjonijiet Ċiniżi u ta' mhux aktar minn 20 % — 25 % għall-importazzjonijiet Russi. Meta titqies il-firxa tad-dumping li jista' jkun qed iseħħ, ikun raġonevoli li wieħed jassumi li l-importaturi jkunu jafu, jew misshom kienu jafu, bis-sitwazzjoni. |
|
(7) |
Għaċ-Ċina, l-ilmentatur ipprovda fl-ilment evidenza dwar il-valur normali bbażat fuq l-informazzjoni tal-ipprezzar ta' produttur Kanadiż, billi kien għażel il-Kanada bħala pajjiż analogu. Għar-Russja, l-ilmentatur ipprovda evidenza dwar valur normali maħdum (l-ispejjeż tal-manifattura, tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi u l-profitt stmati). L-evidenza dwar id-dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valuri normali b'dan stabbiliti mal-prezz tal-esportazzjoni (fuq livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż ġie ddeterminat fuq il-bażi ta' disa' fatturi ta' bejgħ ta' esportazzjoni Ċiniżi lejn l-Unjoni, filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni Russu ġie stabbilit billi ntużat id-dejta tal-Eurostat. |
|
(8) |
Minbarra dan, l-ilmentatur ipprovda kemm fl-ilment kif ukoll fit-talba għar-reġistrazzjoni biżżejjed evidenza fil-forma ta' dikjarazzjonijiet għall-istampa li fihom huma deskritti l-prattiki ta' dumping mill-esportaturi Ċiniżi u Russi u li prima facie ma setgħux u ma kellhomx jiġu injorati mill-importaturi. |
|
(9) |
Mill-bidu tal-proċediment f'Mejju 2015, ġiet osservata żieda ulterjuri ta' madwar 33 % għaċ-Ċina u ta' 45 % għar-Russja meta jitqabblu l-volumi tal-importazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu ta' Mejju 2014 sa Settembru 2014 mal-istess perjodu fl-2015 (jiġifieri l-perjodu wara l-inizjazzjoni). Fit-talba għar-reġistrazzjoni, l-ilmentatur qabbel ukoll il-volumi kkombinati tal-importazzjonijiet Ċiniżi u Russi tal-prodott ikkonċernat fil-perjodu Jannar 2014 — Settembru 2014 mal-perjodu Jannar 2015 — Settembru 2015. Dan il-paragun wera żieda ta' 24 % fil-volum tal-importazzjoni miż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Dan juri li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet Russi u Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat fl-ewwel nofs tal-2015 u aktar minn hekk wara l-bidu tal-investigazzjoni preżenti. |
|
(10) |
L-ilmentatur inkluda wkoll evidenza prima facie fl-ilment u fit-talba għar-reġistrazzjoni dwar ix-xejra ta' tnaqqis tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-importazzjoni għall-pajjiżi kkonċernati. Fl-ilment, il-prezz tal-bejgħ Ċiniż medju lejn l-Unjoni naqas b'16 %, filwaqt li l-prezz medju tal-bejgħ Russu lejn l-Unjoni naqas b'7 % bejn l-2010 u Settembru 2014. Fit-talba għar-reġistrazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjoni għall-perjodu 2011 sal-ewwel nofs tal-2015 ġew imqabbla, u wrew tnaqqis ta' 21 % fil-prezz medju tal-importazzjoni Ċiniż u tnaqqis ta' 26 % għall-prezz tal-importazzjoni medju Russu. B'mod ġenerali, u meta jitqies id-daqs tal-marġinijiet tad-dumping allegati, din l-evidenza tipprovdi biżżejjed sostenn f'dan l-istadju li l-esportaturi kemm fiċ-Ċina kif ukoll fir-Russja qed iwettqu dumping. F'dak li jirrigwarda l-prezzijiet tal-importazzjoni wara l-bidu tal-każ f'Mejju 2015, tnaqqis ulterjuri ta' 5 % ġie osservat għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati bl-użu taċ-ċifri ta' Settembru 2015 fil-Eurostat. |
|
(11) |
Minbarra dan, fl-ilment hemm biżżejjed evidenza prima facie li qed jiġi kkawżat dannu u fis-sottomissjonijiet magħmula fil-qafas tal-investigazzjoni, inkluża t-talba tar-reġistrazzjoni, hemm evidenza li jiġi kkawżat dannu addizzjonali permezz ta' tkomplija taż-żieda f'dawn l-importazzjonijiet bi prezzijiet li jkomplu jonqsu. Fid-dawl taż-żmien, iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u ċirkostanzi oħrajn (bħall-kapaċità eċċessiva fiċ-Ċina u l-komportament tal-ipprezzar tal-esportaturi Ċiniżi u Russi) x'aktarx li jimminaw serjament l-effett ta' rimedju ta' kull dazju definittiv, sakemm dawn id-dazji ma jiġux applikati b'mod retroattiv. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnedija tal-proċedimenti attwali u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tal-importazzjonijiet Russi u Ċiniżi f'termini ta' prezzijet u volumi sa issa, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-livell tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jista' jiżdied ulterjorment qabel l-adozzjoni ta' miżuri provviżorji, jekk ikun hemm minnhom, u li l-inventarji jistgħu jinbnew b'mod rapidu mill-importaturi. |
4. PROĊEDURA
|
(12) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza prima facie biex jiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(13) |
Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. |
5. REĠISTRAZZJONI
|
(14) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta' dazji antidumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu ssodisfati, jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. |
|
(15) |
L-ilmentatur jikkalkula fl-ilment marġini tad-dumping medju ta' 28 % u marġni medju ta' bejgħ taħt il-prezz ta' 19 %-22 % għaċ-Ċina għall-prodott ikkonċernat. Għar-Russja, l-ilmentatur jikkalkula li l-marġini medji tad-dumping huma fil-medda ta' 15 % sa 20 % għall-prodott ikkonċernat. Il-marġini medju tal-bejgħ taħt il-prezz għar-Russja jvarja minn 23 % sa 27 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont stmat ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit għaċ-Ċina fil-livell ta' bejgħ taħt il-prezz, stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri 19 %-22 % ad valorem fuq il-valur ta' importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. Għar-Russja, l-ammont stmat ta' responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell ta' dumping medju stmat abbażi tal-ilment, jiġifieri 15 %-20 % ad valorem fuq il-valur tal-importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. |
6. IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI
|
(16) |
Kull dejta personali miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b'dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, jew azzar illigat ieħor iżda eskluż l-azzar inossidabbli, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), mhux miksija, b'liga jew mgħottija u mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana) iżda li ma jinkludux:
|
— |
prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), mhux miksijin, b'liga jew mgħottijin, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ, f'koljaturi jew le, ta' kull ħxuna, elettrika, |
|
— |
prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew azzar mhux illigat, ta' kull wisa', irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), mhux miksijin, b'liga jew mgħottijin, f'koljaturi, ta' ħxuna ta' inqas minn 0,35 mm, ittemprati (magħrufa bħala “pjanċi suwed”), |
|
— |
prodotti rrumblati ċatti ta' azzar ta' xi liga oħra, ta' kull wisa', ta' azzar siliċju-elettriku, u |
|
— |
prodotti rrumblati ċatt ta' azzar illigat, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsa bla sħana), tal-azzar b'veloċità għolja, |
li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (“il-pajjiżi kkonċernati”), li bħalissa jinsabu fil-kodiċi(jiet) NM ex 7209 15 00 (il-kodiċi TARIC 7209 15 00 90), 7209 16 90 , 7209 17 90 , 7209 18 91 , ex 7209 18 99 (il-kodiċi TARIC 7209 18 99 90), ex 7209 25 00 (il-kodiċi TARIC 7209 25 00 90), 7209 26 90 , 7209 27 90 , 7209 28 90 , 7211 23 30 , ex 7211 23 80 (il-kodiċi TARIC 7211 23 80 19, 7211 23 80 95 u 7211 23 80 99), ex 7211 29 00 (il-kodiċi TARIC 7211 29 00 19 u 7211 29 00 99), 7225 50 80 u 7226 92 00 .
Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
2. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, biex jipprovdu evidenza ta' sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51
(3) ĠU C 161, 14.5.2015, p. 9 (it-Taqsima 3 tan-notifika ta' bidu).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).