Brussell, 9.4.2019

COM(2019) 166 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni u l-impatt fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE


1.INTRODUZZJONI

Il-batteriji jinsabu kullimkien. Huma jipprovdu l-enerġija għall-vetturi tagħna u jippermettulna nikkollegaw man-netwerks tal-komunikazzjoni permezz tat-tagħmir personali tagħna. Huma jaħżnu l-enerġija u jiżguraw trasport pubbliku aktar nadif. Bit-trasformazzjoni li għaddejja fil-mod kif tiġi prodotta u użata l-potenza elettrika, m’hemmx triq oħra ħlief li l-għadd ta’ batteriji fis-suq tal-UE jkompli jikber, u jpoġġi iktar pressjoni fuq l-ambjent.

Id-Direttiva dwar il-Batteriji  1 hija l-uniku att leġiżlattiv tal-UE ddedikat fl-intier tiegħu għall-batteriji. Dan huwa t-tieni rapport tal-Kummissjoni 2 dwar id-Direttiva dwar il-Batteriji. Huwa tħejja skont l-Artikolu 23 tagħha, li jobbliga lill-Kummissjoni tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva u l-impatt tagħha fuq l-ambjent u l-funzjonament tas-suq intern. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tinkludi evalwazzjoni dwar xi aspetti speċifiċi tad-Direttiva, b’mod partikolari,

•jekk ikunx xieraq li jittieħdu aktar miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskju għal batteriji li fihom metalli ta’ densità għolja;

•jekk il-miri ta’ ġbir minimi għall-iskart tal-batteriji portabbli kollha humiex xierqa;

•il-possibiltà li jiġu introdotti miri oħrajn; u

•jekk il-livelli ta’ effiċjenza tar-riċiklaġġ stabbiliti bid-direttiva humiex xierqa.

L-evalwazzjoni hija parti minn proċess li jista’ jwassal għar-reviżjoni tad-direttiva biex tqis l-iżviluppi soċjali u tal-politika bħall-bidla lejn ekonomija ċirkolari u politiki li jippromwovu livell baxx ta’ karbonju, li jinvolvu użu akbar ta’ batteriji għall-mobilità elettrika u għall-ħażna ta’ enerġija deċentralizzata. L-inizjattiva għal “Alleanza Ewropea tal-Batteriji” (AEB) li għandha l-għan li tiżgura katina tal-valur sħiħa għall-manifattura ta’ ċelluli u batteriji avvanzati fi ħdan l-UE hija wkoll parti mill-kuntest politiku l-ġdid. Il-pjan ta’ azzjoni strateġiku relatat dwar il-batteriji 3 jinkludi l-impenn li jitfassal regolament innovattiv u li jibqa' applikabbli fil-ġejjieni, u li għalih id-direttiva se tkun komponent ewlieni.

Id-Direttiva dwar il-Batteriji għandha l-għan li timminimizza l-impatt negattiv tal-batteriji u tal-iskart ta’ batteriji fuq l-ambjent, biex tgħin tipproteġi, tippreserva u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent. Hija għandha l-għan ukoll li tassigura l-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern.

Id-direttiva tindirizza l-impatti ambjentali tal-batteriji relatati mal-komponenti perikolużi li jkun fihom. Jekk batteriji użati jintremew fil-landfills, jiġu inċinerati jew jintremew ħażin fi tmiem il-perjodu ta’ utilità tagħhom, hemm ir-riskju li s-sustanzi li jkun fihom jiġu introdotti fl-ambjent, u jaffettwaw il-kwalità tal-ambjent u saħħet il-bniedem. Biex tindirizza dawn ir-riskji, id-direttiva tipprovdi għat-tnaqqis tal-preżenza ta’ komponenti perikolużi fil-batteriji u tistabbilixxi miżuri biex tiżgura l-immaniġġjar xieraq tal-iskart ta’ batteriji.

Id-direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jimmassimizzaw il-ġbir separat tal-iskart ta’ batteriji u tistabbilixxi miri għall-ġbir ta’ skart ta’ batteriji u l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ. L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li, sal-2016, jinġabar sa 45% tal-ammont tal-iskart ta’ batteriji portabbli imqiegħed fis-suq.

Il-batteriji kollha miġbura għandhom jiġu riċiklati permezz ta’ proċessi li tal-inqas jilħqu l-effiċjenzi minimi stabbiliti mid-direttiva, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ rkupru tal-materjal. Il-miri huma definiti għal tliet gruppi ta’ batteriji: taċ-ċomb u l-aċidu, tan-nikel u l-kadmju u l-batteriji l-oħra kollha (“ġenerali”).

Produtturi ta’ batteriji u ta’ prodotti li jinkorporaw batteriji huma responsabbli għall-immaniġġjar tal-iskart iġġenerat mill-batteriji li jqiegħdu fis-suq (“responsabbiltà estiża tal-produttur”).

2.XOGĦOL TA’ TĦEJJIJA FUQ IR-RAPPORT

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq bosta sorsi ta’ informazzjoni: (i) ir-rapporti tal-Istati Membri 4 li jkopru t-3 snin mis-26 ta’ Settembru 2012 sas-26 ta’ Settembru 2015; (ii) ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-direttiva fl-2018 5 ; u (iii) informazzjoni dwar ir-rati tal-ġbir u l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ ippreżentati lill-Kummissjoni 6 .

L-implimentazzjoni dokumentata tajjeb tad-direttiva s’issa hija fiha nfisha input għall-evalwazzjoni. Konsulenti indipendenti appoġġaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-informazzjoni miġbura 7 . L-evalwazzjoni segwiet il-politika għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, id-direttiva ġiet evalwata parzjalment fl-2014 flimkien ma’ direttivi oħrajn dwar il-fluss tal-iskart (il-“kontroll tal-idoneità”) 8 . L-evalwazzjoni attwali kkunsidrat il-ħames kriterji tas-soltu, jiġifieri r-relevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tad-direttiva għall-UE, flimkien mat-temi mitluba mill-Artikolu 23 tagħha, imsemmija hawn fuq. Kwistjonijiet ewlenin identifikati fil-kontroll tal-idoneità ġew ikkunsidrati wkoll.

3.L-IMPATT FUQ L-AMBJENT

Id-direttiva kkontribwixxiet għat-tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi perikolużi fil-batteriji u għall-prevenzjoni li l-iskart ta’ batteriji portabbli jintrema fil-landfills jew jiġi inċinerat, iżda mhux sal-livell previst. Ir-riskji għall-ambjent għalhekk għadhom jippersistu.

3.1.Sustanzi kimiċi

Id-direttiva naqqset l-ammont ta’ merkurju u kadmju fil-batteriji, iżda ma wasslitx għal tnaqqis fis-sustanzi perikolużi l-oħrajn. Tipi ta’ batteriji “qodma” li fihom il-merkurju u l-kadmju għadhom jintużaw u l-batteriji “ġodda” fihom sustanzi ta’ ħsara bħall-kobalt u xi elettroliti organiċi.

Id-direttiva tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ batteriji li jkun fihom kwantitajiet iżgħar ta’ sustanzi perikolużi. Madankollu, ma tispeċifikax il-kriterji biex jiġu identifikati s-sustanzi kkonċernati (inkluż metalli ta’ densità għolja) jew it-tip ta’ miżuri ta’ mmaniġġar li jistgħu jiġu adottati. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b’mod aktar xieraq minn strumenti legali oħrajn.

3.2.Ġbir u Riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji

Dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom ta’ ġbir u riċiklaġġ, l-Istati Membri rrappurtaw li l-miżuri għall-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart ta’ batteriji huma fis-seħħ fuq livell nazzjonali wara t-traspożizzjoni tad-direttiva.

Ħafna mill-Istati Membri ssodisfaw jew qabżu l-mira tal-2012 għall-ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli (stabbilita għal 25 %), iżda 14-il Stat Membru biss issodisfaw il-mira tal-2016 (stabbilita għal 45 %). L-evalwazzjoni tindika li dawn il-miri ġeneralment mhumiex biżżejjed biex jiżguraw livell għoli ta’ ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli. Id-dispożizzjonijiet għall-ġbir tat-tipi differenti ta’ batteriji huma wisq differenti: ġiet stabbilita mira biss għall-ġbir ta’ batteriji portabbli, u mhux għal batteriji industrijali u awtomotivi.

L-immaniġġjar tal-batteriji użati jibqa’ wieħed ta’ tħassib għall-UE. Valur stmat ta’ 56.7% tal-iskart ta’ batteriji portabbli ma jinġabarx kull sena. Dan wassal biex madwar 35 000 tunnellata ta’ skart ta’ batteriji portabbli jkun introdott fil-flussi ta’ skart muniċipali, u kkawża impatti ambjentali negattivi u telf ta’ riżorsi. Dan l-ammont huwa sinifikanti biżżejjed biex jipperikola l-ilħuq tal-għanijiet tad-direttiva dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

Dwar il-livell ta’ riċiklaġġ, il-maġġoranza vasta tal-iskart ta’ batteriji miġbur fl-UE huwa riċiklat skont ir-rekwiżiti tad-direttiva. In-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ riċiklaġġ speċjalizzati jispjega l-ftit każijiet fejn ir-riċiklaġġ mhuwiex żgurat. Barra minn hekk, il-proċessi tar-riċiklaġġ tal-batteriji laħqu l-miri ta’ effiċjenza stabbiliti mid-direttiva, b’mod partikolari għal batteriji taċ-ċomb u l-aċidu u sa ċertu punt għall-batteriji tan-nikel u l-kadmju u “oħrajn”.

Madankollu, l-għan ġenerali tad-direttiva biex jinkiseb livell għoli ta’ rkupru tal-materjal mhux qed jintlaħaq. Id-direttiva għandha fil-mira tagħha żewġ sustanzi biss — iċ-ċomb u l-kadmju — u ma tqisx komponenti siewja oħrajn, bħall-kobalt jew il-litju. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet dwar l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ mhumiex immirati lejn iż-żieda fl-irkupru tal-materjal.

Fid-dawl tal-progress tekniku u l-esperjenza prattika miksuba, jista’ jiġi konkluż li l-miri minimi attwali ta’ ġbir għall-iskart ta’ batteriji portabbli u r-rekwiżiti minimi ta’ riċiklaġġ mhumiex adegwati. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati miri oħrajn għall-ġbir u r-riċiklaġġ.

4.L-IMPATT FUQ IS-SUQ INTERN

Id-direttiva kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku għall-batteriji meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti ta’ rekwiżiti individwali fuq livell nazzjonali.

B'mod ġenerali, id-direttiva kellha impatt ekonomiku pożittiv fuq is-setturi relatati mal-manifattura u r-riċiklaġġ tal-batteriji. Filwaqt li din involviet spejjeż sinifikanti għall-operaturi industrijali, il-partijiet ikkonċernati ġeneralment jaqblu li dawn huma misbuqa mill-benefiċċji preżenti u futuri.

Filwaqt li l-konformità mad-direttiva tinvolvi proċeduri kumplessi, li wħud minnhom jistgħu jiġġeneraw spejjeż sinifikanti għall-awtoritajiet lokali, l-amministrazzjonijiet nazzjonali ma jqisux li l-implimentazzjoni tad-direttiva introduċiet piż regolatorju bla bżonn.

L-evalwazzjoni tenfasizza kif il-ħtieġa tad-direttiva li l-batteriji miġbura kollha jgħaddu minn trattament u riċiklaġġ, hija essenzjali biex tiġi żgurata l-vijabilità tal-attivitajiet ta’ riċiklaġġ. Dan l-obbligu, flimkien mal-ġbir effiċjenti u suffiċjenti, jgħin biex tiġi żgurata l-provvista ta’ materja prima għar-riċiklaturi, b’appoġġ għal riżultati ekonomiċi aħjar għal attivitajiet ta’ riċiklaġġ.

Minbarra li tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima partikolarment importanti — inkluż dawk ta’ importanza kritika — ir-riċiklaġġ jista’ jkollu benefiċċji ekonomiċi. Madankollu, id-direttiva tillimita dawn l-effetti pożittivi billi tistabbilixxi biss miri ta’ effiċjenza għaċ-ċomb u l-kadmju.

F’għadd ta' każijiet, l-obbligi u d-definizzjonijiet fid-direttiva mhumiex dettaljati ħafna, u għalhekk seta’ kellhom impatt fuq il-livell ta’ armonizzazzjoni miksub. Aspetti li jeħtieġu aktar kjarifika jinkludu, per eżempju id-differenzi fil-klassifikazzjoni ta’ batteriji użati skont il-Lista ta’ Skart, il-kriterji għall-għoti ta’ eżenzjonijiet mill-obbligi ta’ tneħħija jew tikkettar, l-obbligi għall-ġbir tal-iskart ta’ batteriji industrijali jew il-kunsiderazzjoni ta’ gagazza bħala prodott riċiklat lest.

5.SEJBIET OĦRAJN TAL-EVALWAZZJONI

5.1 Ir-relevanza

Filwaqt li d-dispożizzjonijiet attwali tad-direttiva għadhom relevanti, l-evalwazzjoni enfasizzat għadd ta’ aspetti li d-direttiva teħtieġ tindirizza b’mod aktar komprensiv fid-dawl ta’ żviluppi bħall-bidla lejn ekonomija ċirkolari, l-għanijiet tal-politika dwar il-klima jew avvanzi teknoloġiċi.

Filwaqt li l-għanijiet ewlenin ta’ ekonomija ċirkolari huma riflessi fid-direttiva, bħall-indirizzar tal-provvista ta’ materjali u r-riċiklaġġ, xorta għad hemm potenzjal sinifikanti mhux sfruttat. Id-direttiva mhix mgħammra biżżejjed biex tinkorpora b’mod faċli novitajiet tekniċi. Pereżempju, batteriji bbażati fuq il-litju, filwaqt li huma inklużi fl-ambitu tad-direttiva, mhumiex indirizzati bħala kategorija speċifika u m’hemm l-ebda mekkaniżmu biex jiġu introdotti batteriji b’sustanzi kimiċi ġodda fid-direttiva. Bl-istess mod, id-direttiva ma tindirizzax b’mod speċifiku l-possibbiltà li batteriji avvanzati jintużaw mill-ġdid (“it-tieni ħajja”) 9 .

Is-sistema attwali stabbilita mid-direttiva lanqas ma tidher li hija adegwata biex tittratta batteriji industrijali. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni dettaljata għall-ġbir tal-batteriji, għall-istabbiliment ta’ skemi nazzjonali jew għal responsabbiltà estiża tal-produttur għal din il-kategorija ta’ batteriji, li n-numru tagħhom se jikber ħafna b’mod rapidu fil-futur u għalhekk se jkun inevitabbli li jiġu implimentati politiki favur livell baxx ta’ karbonju fl-UE.

5.2Il-koerenza u l-konsistenza interna

Bosta partijiet ikkonċernati jqisu li d-dispożizzjonijiet li jittrattaw il-batteriji għandhom ikunu kkonċentrati f’għadd imnaqqas ta’ atti leġiżlattivi, partikolarment għal sustanzi kimiċi u kwistjonijiet dwar tmiem il-perjodu ta’ utilità tagħhom, b’relazzjoni ċara bejn dawn l-atti. Huma jaħsbu wkoll li għandu jkun hemm riflessjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi REACH hijiex strument aktar adegwat għall-immaniġġjar tas-sustanzi kimiċi fil-batteriji.

Il-kwistjonijiet speċifiċi identifikati dwar il-koerenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE għandhom x’jaqsmu wkoll mad-demarkazzjoni ma’ leġiżlazzjoni li tkopri prodotti li jinkorporaw il-batteriji u l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur. Ir-rekwiżiti minimi adottati reċentement għal responsabbiltà estiża tal-produttur skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 10 se jgħinu biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ inkonsistenza.

Xi kunċetti bażiċi fid-direttiva mhumiex definiti sew u xi għanijiet baqgħu vagi, b’mod partikolari dawk li ma jirrelatawx ma' miżuri jew miri speċifiċi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għat-tnaqqis fir-rimi ta’ batteriji bħala skart muniċipali, il-ġbir separat ta’ batteriji ta' vetturi u ta' batteriji industrijali, jew l-obbligu li jiġi żgurat li l-batteriji jitneħħew minn skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku.

In-nuqqasijiet fil-konsistenza interna u l-koerenza tad-direttiva jenħtieġ li jiġu indirizzati aktar fil-fond biex jiġu evitati sovrapożizzjonijiet, biex tiġi żgurata ċarezza għall-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri u biex jiġi massimizzat il-funzjonament tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

5.3Il-Valur Miżjud għall-UE

L-evalwazzjoni kkonkludiet li huwa xieraq li jitkomplew jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-bejgħ, il-ġbir u r-riċiklaġġ tal-batteriji fil-livell tal-UE. L-implimentazzjoni tad-direttiva hija meqjusa bħala kontribut ewlieni għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku għall-batteriji.

Il-partijiet ikkonċernati jqisu li l-ostakli għall-kummerċ, jekk ikun il-każ, huma ta’ inqas importanza meta mqabbla ma’ dak li jistgħu jinvolvu r-regolamenti nazzjonali. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati indikaw każi fejn in-nuqqas ta’ dettall fid-direttiva jista’ jfixkel l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ekwi għar-riċiklaturi, għaliex joħloq ostakoli de facto (ara l-punt 3.2 hawn fuq) u jipproponu li dawn jiġu indirizzati fil-livell tal-UE. Lakuni fl-infurzar tad-direttiva jistgħu wkoll ixekklu s-suq intern, billi joħolqu żvantaġġ għall-produtturi li jsegwu b’mod strett id-dispożizzjonijiet tad-direttiva (bħal pereżempju l-livelli ta’ metalli ta’ densità kbira jew l-iżgurar ta' tikkettjar xieraq) meta mqabbla mal-produtturi li ma jagħmlux l-istess sforzi.

5.4 Ir-Rappurtar, it-Tikkettar u l-informazzjoni lill-pubbliku

Id-direttiva kienet effettiva biex tiżgura li batteriji portabbli u awtomotivi jkunu ttikkettjati. Madankollu, huwa meħtieġ titjib biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tasal għand l-utenti finali.

Id-diffikultajiet biex jintlaħqu l-miri ta’ ġbir tal-iskart ta’ batteriji portabbli juru l-ħtieġa li jissaħħu d-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-utenti finali jiġu infurmati tajjeb.

It-tikkettar waħdu mhuwiex biżżejjed. Attivitajiet kumplimentari bħal kampanji ta’ tagħrif pubbliku jistgħu wkoll ikunu effettivi. Definizzjoni aktar preċiża tal-obbligi tal-produtturi biex jiffinanzjaw attivitajiet bħal dawn setgħet tkun ta’ għajnuna għall-utenti finali biex ikunu konxji tar-rwol mistenni minnhom, pereżempju fl-iżgurar tal-ġbir ta’ batteriji użati.

L-obbligi ta’ rappurtar huma stabbiliti biss meta jiġu stabbiliti l-miri. Għalhekk, in-nuqqas ta’ miri kkwantifikati jagħmel il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri f’dawn l-aspetti partikolari diffiċli ħafna.

6KONKLUŻJONIJIET

Kif meħtieġ mill-Artikolu 23 tad-Direttiva dwar il-Batteriji, il-Kummissjoni evalwat id-direttiva u vvalutat l-implimentazzjoni tagħha flimkien mal-impatt tagħha fuq l-ambjent u fuq is-suq intern.

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istati Membri adottaw il-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva.

L-evalwazzjoni turi li d-direttiva tat riżultati pożittivi f’termini ta’ ambjent aħjar, il-promozzjoni tar-riċiklaġġ u l-funzjonament aħjar tas-suq intern għall-batteriji u l-materjali riċiklati.

Madankollu, il-limitazzjonijiet osservati f’xi dispożizzjonijiet legali jew fl-implimentazzjoni tagħhom jimpedixxu lid-direttiva milli tilħaq bis-sħiħ l-għanijiet tagħha. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-ġbir tal-iskart ta’ batteriji jew l-effiċjenza fl-irkupru tal-materjali.

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ mekkaniżmu effiċjenti biex jiġu inkorporati novitajiet teknoloġiċi u użi ġodda tal-batteriji fid-direttiva jqajjem dubji dwar il-kapaċità tagħha li żżomm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi li dejjem jinbidlu f’dan il-qasam.

Iktar ħidma għandha tkun immirata b’mod partikolari lejn l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-fattibilità ta’ miżuri biex jitjieb l-impatt tad-direttiva fuq il-ħarsien tal-ambjent, il-funzjonament xieraq tas-suq intern, il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari u l-politiki b’livell baxx ta’ karbonju u l-abbiltà li jsir adattament għall-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi.

(1)

     DIRETTIVA 2006/66/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1, kif emendata.

(2)

   COM/2017/088 final

(3)

   COM(2018) 293 final, ANNESS 2.

(4)

   Qabel l-aħħar emenda tagħha f’Ġunju 2018, id-direttiva kienet teħtieġ lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha kull tliet snin. Għal dan il-għan, ġie stabbilit kwestjonarju permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/851/KE. Dan l-obbligu issa twaqqaf.

(5)

   Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal SWD(2019)1300.

(6)

    Ara s-sit web tal-EUROSTAT

(7)

   Trinomics, (2017), ‘ Study in support of the preparation of the implementation report on Directive 2006/66/EC on batteries and accumulators and waste batteries and accumulators’  (Studju b’appoġġ għat-tħejjija tar-rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2006/66/KE dwar il-batteriji u l-akkumulaturi u l-iskart ta’ batteriji u akkumulaturi)

   H Stahl et al., (2018) ‘Study in support of evaluation of the Directive 2006/66/EC on batteries and accumulators and waste batteries and accumulators’ (Studju b’appoġġ għall-valutazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE dwar il-batteriji u l-akkumulaturi u l-iskart ta’ batteriji u akkumulaturi)

(8)

   SWD/2014/0209.

(9)

     Għandu jissemma' l- Ftehim ta’ Innovazzjoni dwar il-batteriji , li għaddej bħalissa, li huwa ntiż biex jindirizza speċifikament din il-kwistjoni.

(10)

     Id-Direttiva 2008/98/KE, ĠU L 312, 22.11.2008