7.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1671

tal-4 ta’ Ottubru 2019

dwar il-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(2)

L-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE għandhom jitwettqu b’mod sħiħ mill-Bord Superviżorju tiegħu, li hu magħmul mill-President, il-Viċi President u erba’ rappreżentanti tal-BĊE, kif ukoll rappreżentant wieħed tal-awtorità kompetenti nazzjonali f’kull Stat Membru parteċipanti.

(3)

Il-Bord Superviżorju huwa korp essenzjali fit-twettiq tal-kompiti superviżorji mill-BĊE. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ta lill-Kunsill is-setgħa li jaħtar il-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju.

(4)

Fil-11 ta’ Frar 2014 il-Kunsill ħatar l-ewwel Viċi President tal-Bord Superviżorju permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/77/UE (2). Il-mandat tal-ewwel Viċi President tal-Bord Superviżorju ntemm fil-11 ta’ Frar 2019.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE, wara li sema’ lill-Bord Superviżorju, għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew proposta għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju, li għandu jintgħażel minn fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Il-BĊE ppreżenta tali proposta fid-9 ta’ April 2019, u l-Parlament Ewropew approvaha fis-17 ta’ Settembru 2019,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Yves MERSCH huwa b’dan maħtur Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew mis-7 ta’ Ottubru 2019 sal-14 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIKKONEN


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/77/UE tal-11 ta’ Frar 2014 li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 41 tat-12.2.2014, p. 19).