Brussell, 28.5.2024

COM(2024) 203 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE



RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega mogħtija lill-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE

1.INTRODUZZJONI

Id-Direttiva (UE) 2017/2397 tintroduċi għall-ewwel darba sistema armonizzata għaċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ta’ persuni li joperaw inġenji fuq passaġġi fuq l-ilma interni, li tippermetti lid-detenturi taċ-ċertifikati joperaw fil-passaġġi fuq l-ilma tal-UE kollha. Id-Direttiva għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, li ttejjeb is-sikurezza, li tiżviluppa l-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, li toffri prospetti aħjar għall-karriera lill-membri kollha tal-ekwipaġġ u li tiffaċilita t-tranżizzjoni ta’ ħaddiema b’esperjenza minn setturi oħra.

Is-sistema tapplika għall-membri kollha tal-ekwipaġġ ta’ fuq il-gverta, l-esperti tal-gass naturali likwifikat u l-esperti tan-navigazzjoni tal-passiġġieri li jaħdmu fuq bastimenti tal-passiġġieri u inġenji oħra itwal minn 20 metru (kif ukoll ċerti tipi speċifiċi oħra ta’ bastimenti), ħlief fejn in-navigazzjoni tkun għall-isport jew għad-divertiment, jew mill-forzi armati jew is-servizzi ta’ emerġenza.

Id-Direttiva tipprevedi d-dispożizzjonijiet li ġejjin relatati mal-membri tal-ekwipaġġ speċifiċi:

·Il-membri tal-ekwipaġġ ta’ fuq il-gverta, il-persuni kkwalifikati biex jieħdu miżuri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza abbord bastimenti tal-passiġġieri u l-persuni involuti fil-bastimenti tar-riforniment tal-fjuwil li jaħdmu bil-gass naturali likwifikat irid ikollhom ċertifikat ta’ kwalifika tal-UE.

·Il-kaptani tad-dgħajjes irid ikollhom awtorizzazzjonijiet speċifiċi meta:

·jinnavigaw fuq meded ta’ passaġġi fuq l-ilma interni b’riskji speċifiċi;

·jinnavigaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni b’karattru marittimu;

·jinnavigaw bir-radar;

·joperaw bastimenti li jaħdmu bil-gass naturali likwifikat;

·ibaħħru f’konvojs kbar.

Id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-età, il-konformità amministrattiva, il-kompetenza u l-ħin tan-navigazzjoni għall-kwalifiki differenti. Barra minn hekk tirrikjedi li l-membri kollha tal-ekwipaġġ ta’ fuq il-gverta jissodisfaw ċerti standards tal-istat mediku.

Id-Direttiva tqis il-karatteristiċi differenti tal-Istati Membri tal-UE billi tagħti eżenzjonijiet minn xi miżuri. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għall-Istati Membri li l-passaġġi fuq l-ilma tagħhom ma humiex konnessi ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra u fejn in-navigazzjoni interna hija biss staġjonali jew limitata ħafna. L-Istati Membri l-oħra kollha b’passaġġi fuq l-ilma interni navigabbli jeħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw is-sistema ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati stabbilita mid-Direttiva għal dawn il-passaġġi fuq l-ilma.

Iċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-UE, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti huma validi fil-passaġġi fuq l-ilma interni kollha fl-UE. Iċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-regolamenti għall-persunal tan-navigazzjoni fuq ir-Renu, li jistabbilixxu rekwiżiti li huma identiċi għal dawk tad-Direttiva, ukoll huma validi fil-passaġġi fuq l-ilma kollha tal-UE. Kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE jista’ japplika għand il- Kummissjoni Ewropea għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati, tal-kotba tar-rekords tas-servizz jew tal-ġurnali ta’ abbord maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-persuni li jirċievu ċertifikati ta’ kwalifika jkollhom il-livelli minimi korrispondenti ta’ kompetenza billi jwettaq valutazzjoni. Dan jista’ jkun eżami amministrattiv jew parti minn programm ta’ taħriġ approvat. Il-possibbiltà ta’ eżami fuq simulaturi wkoll hija inkluża fid-Direttiva.

Id-Direttiva tistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti għall-Istati Membri biex jidentifikaw passaġġi fuq l-ilma interni b’riskji speċifiċi u għall-klassifikazzjoni ta’ passaġġi fuq l-ilma interni b’karattru marittimu.

Id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta’ sistema ta’ informazzjoni biex tiffaċilita l-iskambju ta’ data dwar iċ-ċertifikati ta’ kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord bejn l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva (l-hekk imsejħa bażi tad-data tal-Ekwipaġġ Ewropew “ECDB, European Crew database”).

Id-Direttiva ġiet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2017 u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2018, bid-data tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tkun is-17 ta’ Jannar 2022.

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 31 biex tissupplimenta d-Direttiva billi tistabbilixxi l-istandards għall-kompetenzi u l-għarfien u l-ħiliet korrispondenti f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva.

L-Artikolu 21(2) jipprevedi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 31 biex tissupplimenta d-Direttiva billi tistabbilixxi standards għall-approvazzjoni ta’ simulaturi, li jispeċifikaw ir-rekwiżiti funzjonali u tekniċi minimi u l-proċeduri amministrattivi f’dan ir-rigward, bl-għan li jiġi żgurat li s-simulaturi użati għal valutazzjoni tal-kompetenzi jitfasslu b’tali mod li jippermettu l-verifika tal-kompetenzi kif preskritt skont l-istandards għall-eżamijiet prattiċi msemmija fl-Artikolu 17(3).

L-Artikolu 23(6) jipprevedi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 31 abbażi tar-rekwiżiti essenzjali għall-istat mediku msemmija fl-Anness III biex tissupplimenta d-Direttiva billi tistabbilixxi l-istandards għall-istat mediku li jispeċifikaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-istat mediku, b’mod partikolari fir-rigward tat-testijiet li t-tobba jridu jwettqu, il-kriterji li jridu japplikaw biex jiddeterminaw l-idoneità għax-xogħol, u l-lista ta’ restrizzjonijiet u miżuri ta’ mitigazzjoni.

L-Artikolu 25(1) jipprevedi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 31 sabiex tissupplimenta l-informazzjoni fir-reġistri għall-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord b’informazzjoni oħra meħtieġa mill-mudelli tal-kotba tar-rekords tas-servizz u tal-ġurnali ta’ abbord adottati skont l-Artikolu 22(4), bl-għan li jiġi ffaċilitat aktar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

L-Artikolu 31 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati msemmija fl-artikoli tad-Direttiva msemmija hawn fuq. Dan l-artikolu jipprovdi fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(1) u (4), l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 23(6) u l-Artikolu 25(1) u (2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-16 ta’ Jannar 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.”

2.BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-Rapport huwa meħtieġ mill-Artikolu 31(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397. Skont din id-dispożizzjoni, id-delega tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-16 ta’ Jannar 2018 u l-Kummissjoni hija meħtieġa tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat delegati. L-istess Artikolu jiddikjara li d-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni.

3.EŻERĊITAR TAD-DELEGA

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2017/2397 sad-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni adottat l-atti delegati li ġejjin:

1.Ir- Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/473 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards dwar il-bażijiet tad-data għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord.

Dan ir-Regolament Delegat jistabbilixxi l-istandards li jistabbilixxu l-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ bażijiet tad-data taċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, tal-kotba tar-rekords tas-servizz u tal-ġurnali ta’ abbord maħruġa f’konformità mad-Direttiva (UE) 2017/2397 u għad-dokumenti rikonoxxuti skont l-Artikolu 10(2)-(3) tagħha. Jiddefinixxi wkoll id-drittijiet ta’ aċċess, il-funzjonalitajiet u l-komunikazzjoni bejn il-bażi tad-data tal-Unjoni u r-reġistri nazzjonali. Il-bażi tad-data tal-Unjoni dwar dokumenti relatati mal-ekwipaġġ se tipprovdi ħarsa ġenerali konsolidata lejn id-data fiċ-ċertifikati ta’ kwalifiki u fil-kotba tar-rekords tas-servizz tal-membri tal-ekwipaġġ li jinżammu fir-reġistri nazzjonali.

2.Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2020/12 tat-2 ta’ Awwissu 2019 li tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards għall-kompetenzi u għall-għarfien u l-ħiliet korrispondenti, għall-eżamijiet prattiċi, għall-approvazzjoni tas-simulaturi u għall-istat mediku

Din id-Direttiva Delegata tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar ċerti standards marbuta mal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna. L-istandards tfasslu mill-Kumitat Ewropew għat-Tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI).

L-istandards għall-kompetenzi jinkludu l-kompetenzi speċifiċi meħtieġa u l-għarfien u l-ħiliet korrispondenti li huma f’konformità mar-rekwiżiti ta’ kompetenza essenzjali stabbiliti fid-Direttiva.

Id-Direttiva Delegata tipprevedi standards għal:

·L-għarfien u l-ħiliet

·L-eżamijiet prattiċi

·L-approvazzjoni tas-simulaturi

·L-istat mediku

L-istandards ġew adottati għal:

·il-livell operazzjonali (li jiddefinixxi l-kompetenza ewlenija għall-baħħara u kwalunkwe kwalifika oħra fil-livell operazzjonali);

·il-livell maniġerjali (kaptani tad-dgħajjes);

·l-awtorizzazzjoni speċifika għal kaptan ta’ dgħajsa biex ibaħħar fuq passaġġi fuq l-ilma interni b’karattru marittimu;

·l-awtorizzazzjoni speċifika għal kaptan ta’ dgħajsa biex ibaħħar bl-għajnuna tar-radar;

·l-esperti fin-navigazzjoni tal-passiġġieri;

·l-esperti tal-gass naturali likwifikat.

Għal-livelli operazzjonali u maniġerjali, l-istandards għall-kompetenzi jkopru l-kapitoli li ġejjin:

·in-navigazzjoni;

·l-operat tal-inġenji;

·l-immaniġġar tal-merkanzija, l-istivar u t-trasport tal-passiġġieri;

·l-inġinerija marina u l-inġinerija elettrika, elettronika u ta’ kontroll;

·il-manutenzjoni u t-tiswija;

·il-komunikazzjoni;

·il-protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent.

L-atti delegati adottati kollha ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ma kienx hemm estensjoni tal-perjodi ta’ oġġezzjoni jew oġġezzjonijiet matul il-perjodi ta’ oġġezzjoni previsti.

3.Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/184 tat-22 ta’ Novembru 2021 li jemenda l-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Dan l-att leġiżlattiv jissostitwixxi l-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli rigward l-eżamijiet prattiċi u l-approvazzjoni tas-simulaturi. Jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti essenzjali ta’ kompetenza u r-rekwiżiti essenzjali rigward l-istat mediku, b’referenza għall-Istandards Ewropej għall-Kwalifiki fin-Navigazzjoni Interna (ES-QIN, European Standards for Qualifications in Inland Navigation).

4.ESTENSJONI TAL-PERJODU GĦAD-DELEGA TAS-SETGĦAT

Matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha skont id-Direttiva (UE) 2017/2397.

L-eżerċizzju tas-setgħat delegati ppermetta lill-Kummissjoni tadatta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2017/2397 dwar standards għal bażijiet tad-data għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-UE, għall-kotba tar-rekords tas-servizz u għall-ġurnali ta’ abbord, kif ukoll standards għall-kompetenzi u l-għarfien u l-ħiliet korrispondenti, għall-eżamijiet prattiċi, għall-approvazzjoni tas-simulaturi u għall-istat mediku.

Il-Kummissjoni tqis li d-delega tas-setgħa wriet li hija meħtieġa u se tibqa’ hekk. Għal din ir-raġuni l-estensjoni tagħha tidher xierqa.

5.KONKLUŻJONI

B’dan ir-rapport il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.