|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/5942 |
2.10.2024 |
SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta’ Awwissu 2024
dwar proċediment skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2022/2065
(Kawża DSA.100121 - Programm ta’ Premji TikTok Lite)
(notifikat bid-dokument Nru C(2024) 5654 final)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2024/5942)
Fil-5 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħmel l-impenji vinkolanti skont l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (1) . F’konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 80 ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kwalunkwe penali imposta, filwaqt li tqis l-interess leġittimu tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix kbira ħafna kkonċernati u ta’ kwalunkwe parti terza fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni permezz ta’ din id-deċiżjoni tagħmel vinkolanti l-impenji offruti minn TikTok Technology Limited (“TTTL”) fil-kawża DSA.100121 u tiddikjara li ma hemm l-ebda raġuni ulterjuri għal azzjoni f’dak il-każ. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tikkonċerna l-investigazzjoni ta’ suspetti ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2022/2065 fir-rigward tal-varar ta’ TikTok Lite fl-Unjoni. Il-Kummissjoni ssuspettat li l-fornitur ta’ TikTok kiser l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065 billi naqas milli jidentifika, janalizza u jivvaluta b’mod diliġenti r-riskji sistemiċi fl-Unjoni li jirriżultaw mill-programm ta’ premji ta’ TikTok Lite qabel ma vara dik il-funzjonalità fl-Unjoni. Il-Kummissjoni ssuspettat ukoll li l-fornitur ta’ TikTok kien kiser l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065 billi naqas milli jistabbilixxi miżuri ta’ mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi li jkunu mfasslin skont ir-riskji sistemiċi speċifiċi li għalihom jagħti lok il-programm ta’ premji ta’ TikTok Lite fl-Unjoni. |
2. PROĊEDURA
|
(3) |
Bid-Deċiżjoni tal-25 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ddeżinjat lil TikTok bħala pjattaforma online kbira ħafna (“VLOP”) skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 (2). |
|
(4) |
Skont l-Artikoli 33(6) u 92 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornitur ta’ TikTok kien meħtieġ jikkonforma ma’ dak ir-Regolament fir-rigward ta’ TikTok mit-28 ta’ Awwissu 2023. |
|
(5) |
Fit-22 ta’ April 2024, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti fil-Kawża DSA.100121 skont l-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2022/2065 fir-rigward tal-varar tal-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite fl-Unjoni (“Deċiżjoni dwar il-Bidu ta’ Proċedimenti”). |
|
(6) |
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2024, mingħajr ma rrikonoxxiet l-ebda ksur tar-Regolament (UE) 2022/2065, TTTL offriet żewġ impenji skont l-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament sabiex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament invokati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni dwar il-Bidu ta’ Proċedimenti. |
3. IL-FORNITUR TA’ TIKTOK
|
(7) |
Il-Kummissjoni tqis li l-fornitur ta’ TikTok fl-Unjoni jikkonsisti kemm minn TTTL kif ukoll minn ByteDance Limited (“ByteDance”), l-entità ġuridika li fl-aħħar mill-aħħar tikkontrolla l-grupp ta’ kumpaniji li lilu tappartjeni TTTL. |
4. DESKRIZZJONI TAL-PROGRAMM TA’ PREMJI TA’ TIKTOK LITE
|
(8) |
F’April 2024, il-fornitur ta’ TikTok nieda l-“Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite” (3), li bih l-utenti jistgħu jakkumulaw punti virtwali (“Points”) billi jipparteċipaw f’ħames kompiti differenti (“Tasks”): jaraw il-kontenut (“Watch Task”), jagħmlu like fuq il-kontenut (“Like Task”), isegwu lill-kreaturi (“Follow Task”), jirrakkomandaw l-app TikTok Lite lill-ħbieb (“Referral Task”), u jagħmlu check-in fuq l-app kuljum (“Check-in Task”). L-utenti jistgħu jsarrfu l-Punti f’żewġ tipi ta’ premji (“Rewards”) fiċ-Ċentru tal-Premji:
|
5. IS-SUSPETTI TAL-KUMMISSJONI
|
(9) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssuspettat li l-fornitur ta’ TikTok kiser l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 billi naqas milli jwettaq valutazzjoni tar-riskju ad hoc qabel vara l-programm TikTok Lite Rewards fl-Unjoni. |
|
(10) |
Il-fornitur ta’ TikTok deherlu li ma kienx legalment meħtieġ li jwettaq tali valutazzjoni tar-riskju ad hoc qabel ivara l-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite fl-Unjoni, peress li kkonkluda, wara analiżi preliminari, li dak il-programm x’aktarx ma kienx se jkollu impatt kritiku fuq xi riskju sistemiku. |
|
(11) |
Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite x’aktarx kien se jkollu impatt kritiku fuq ir-riskji assoċjati mal-iżvilupp ta’ użu problematiku tal-midja soċjali u ta’ dipendenza tal-imġiba, u li għalhekk il-fornitur ta’ TikTok kien legalment meħtieġ li jwettaq valutazzjoni tar-riskju ad hoc qabel il-varar tal-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite fl-Unjoni. Il-Kummissjoni ssuspettat infatti li l-użu tad-diversi mudelli ta’ disinn disponibbli fuq TikTok Lite biex l-utenti jinżammu fuq is-servizz, x’aktarx li kien se jkollu impatt kritiku fuq ir-riskju li r-riċevituri ta’ dak is-servizz jiżviluppaw użu problematiku tal-midja soċjali u dipendenza tal-imġiba. |
|
(12) |
It-tieni, il-Kummissjoni ssuspettat ukoll li l-fornitur ta’ TikTok kien kiser l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 billi naqas milli jistabbilixxi miżuri ta’ mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi li jkunu mfasslin skont ir-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 34. |
|
(13) |
Il-fornitur ta’ TikTok ħa l-pożizzjoni li kien żgura b’mod xieraq il-mitigazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite. |
|
(14) |
Madankollu, il-Kummissjoni ssuspettat li l-ebda waħda mill-miżuri identifikati mill-fornitur ta’ TikTok bħala miżuri li jtaffu r-riskji assoċjati mal-varar tal-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite ma tidher li tikkostitwixxi miżura raġonevoli, proporzjonata u effettiva skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065 li ttaffi r-riskji sistemiċi li tagħti lok għalihom TikTok Lite fl-Unjoni jew, tal-anqas, l-ebda waħda ma tidher li hija mfassla skont ir-riskji speċifiċi li kellhom jiġu identifikati skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065. |
6. L-IMPENJI PROPOSTI
|
(15) |
Fit-22 ta’ Lulju 2024, TTTL, bħala l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta’ TikTok fl-Unjoni, ippreżentat l-impenji li ġejjin (“l-Impenji”) biex tiżgura l-konformità mal-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065:
|
7. KONKLUŻJONI
|
(16) |
L-impenji ppreżentati huma adegwati biex jindirizzaw it-tħassib preliminari identifikat mill-Kummissjoni. |
|
(17) |
L-Impenn tal-Irtirar jiżgura li l-fornitur ta’ TikTok jikkonforma mal-Artikoli 34 u 35 tar-Regolament (UE) 2022/2065, peress li l-irtirar tal-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite ineħħi effettivament l-elementi ta’ premjazzjoni u ta’ inċentiv ta’ dak il-programm, inkluż l-użu kkombinat tal-Kompiti u tad-diversi mudelli ta’ ħsara li jisirqu l-attenzjoni, u li jippremjaw direttament l-użu abitwali ta’ TikTok Lite u l-parteċipazzjoni estiża fuq TikTok Lite. Mid-disinn tagħhom, dawn l-elementi ta’ premjazzjoni u ta’ inċentiv joħolqu riskju ta’ użu problematiku tal-midja soċjali u ta’ dipendenza tal-imġiba, li jkollhom konsegwenzi negattivi serji u reali jew prevedibbli fuq il-benesseri fiżiku jew mentali tal-persuna, effetti negattivi reali jew prevedibbli fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, u effetti negattivi reali jew prevedibbli fuq l-eżerċitar tad-drittijiet tat-tfal. Peress li hija mħassba li l-Programm ta’ Premji ta’ TikTok Lite jikkontribwixxi, mid-disinn tiegħu, għal dan ir-riskju li jiġi żviluppat użu problematiku tal-midja soċjali u dipendenza tal-imġiba, il-Kummissjoni jidhrilha li dan ir-riskju ma jistax jiġi indirizzat b’mod effettiv billi jiġu stabbiliti miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali. |
|
(18) |
L-Impenn Kontra ċ-Ċirkomvenzjoni jiżgura l-effettività tal-Impenn tal-Irtirar, li, kif iddikjarat hawn fuq, jindirizza b’mod adegwat is-suspetti tal-Kummissjoni f’dan il-każ, peress li jipprevjeni lill-fornitur ta’ TikTok milli jniedi (mill-ġdid) programm fl-Unjoni li l-għan jew l-effett tiegħu jkun li direttament jew indirettament idur mal-Impenn tal-Irtirar. |
|
(19) |
Il-Kummissjoni jidhrilha wkoll li n-natura ta’ dawn l-impenji u n-nonkonformità suspettata mill-fornitur ta’ TikTok mal-obbligi tiegħu li huma maħsuba biex jindirizzaw, jiżguraw li dawk l-impenji jkunu faċli li jiġu mmonitorjati. Skont l-Artikoli 34(1) u 42(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornitur ta’ TikTok huwa meħtieġ iwettaq valutazzjoni tar-riskju ad hoc qabel ivara kwalunkwe funzjonalità ġdida li x’aktarx ikollha impatt kritiku fuq ir-riskji sistemiċi identifikati skont l-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament, u huwa obbligat jibgħat rapport li jistabbilixxi r-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni tar-riskju ad hoc lill-Kummissjoni u lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment mingħajr dewmien mat-tlestija. Kif spjegat fil-premessa (11), il-Kummissjoni jidhrilha li funzjonalità li tippremja direttament l-użu abitwali ta’ TikTok, jew il-parteċipazzjoni estiża fuq TikTok, x’aktarx li jkollha impatt kritiku fuq ir-riskji sistemiċi identifikati skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni trid tiġi infurmata qabel il-varar fl-Unjoni ta’ kwalunkwe funzjonalità bħal din, ħalli tkun tista’ timmonitorja b’mod effettiv il-konformità mal-Impenji. |
|
(20) |
Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Impenji offruti jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li l-fornitur ta’ TikTok ma ppropona l-ebda impenn inqas oneruż li jindirizza s-suspetti tal-Kummissjoni b’mod ugwalment adegwat. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Impenn tal-Irtirar u l-Impenn Kontra ċ-Ċirkomvenzjoni huma meħtieġa u proporzjonati biex jindirizzaw is-suspetti tal-Kummissjoni b’mod adegwat. |
|
(22) |
Fid-dawl tal-impenji offruti, il-Kummissjoni jidhrilha li l-proċedimenti fil-kawża DSA.100121 għandhom jintemmu. |
|
(23) |
Id-Deċiżjoni tagħmel legalment vinkolanti l-Impenji offruti minn TTTL, bħala l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur ta’ TikTok fl-Unjoni, għal perjodu ta’ żmien indefinit. |
(1) ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 2720 final.
(3) Il-programm TikTok Lite Rewards kien disponibbli biss fuq TikTok Lite, li hija applikazzjoni tas-software ġdida mnedija fi Spanja u fi Franza f’April 2024. TikTok Lite hija parti mis-servizz ta’ TikTok iddeżinjat bħala VLOP fid-Deċiżjoni ta’ Deżinjazzjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5942/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)