European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1391

16.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1391

tal-15 ta’ Lulju 2025

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1186 fir-rigward tal-konċentrazzjoni tal-metilewġenol fiż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella minn Cinnamomum verum J. Presl ġiet awtorizzata bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1186 (2) għal 10 snin.

(2)

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1186, il-konċentrazzjoni massima permessa tal-metilewġenol fiż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella hija mniżżla bil-valur żbaljat ta’ “≤ 0,04 %”, filwaqt li skont l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tas-27 ta’ Settembru 2022 (3), il-konċentrazzjoni tal-metilewġenol fiż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella jenħtieġ li ma taqbiżx iż-0,004 %.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1186 jiġi kkoreġut kif xieraq.

(4)

Sabiex jiġu ppreservati l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi tan-negozju tal-għalf li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni żbaljata tal-addittiv tal-għalf, iż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella minn Cinnamomum verum J. Presl, jenħtieġ li jiġi previst perjodu tranżizzjonali qasir biex dawk l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw għall-korrezzjoni introdotta b’dan ir-Regolament.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Korrezzjoni lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1186

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1186, fl-entrata għall-addittiv tal-għalf, iż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella, identifikat bħala “2b133-eo”, fit-tielet kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku”, taħt l-intestatura “Speċifikazzjonijiet”, l-inċiż “- Metilewġenol: ≤ 0,04 %” hija sostitwita bi “- Metilewġenol: ≤ 0,004 %’.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

L-addittiv tal-għalf, iż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella minn Cinnamomum verum J. Presl, kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1186, u l-premixxeli, l-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom dak l-addittiv, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-5 ta’ Settembru 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-5 ta’ Awwissu 2025, jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sal-5 ta’ Frar 2026.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1186 tal-24 ta’ April 2024 dwar l-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-qoxra tal-kannella u taż-żejt essenzjali tal-weraq tal-kannella minn Cinnamomum verum J. Presl bħala addittivi tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali (ĠU L, 2024/1186, 25.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1186/oj).

(3)   EFSA Journal 2022;20(10):7601, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7601.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1391/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)