Brussell, 13.7.2026

COM(2026) 378 final

2026/0207(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija

{SWD(2026) 229 final}


2026/0207 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikulari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (‘‘RRP’’) mir-Rumanija fil-31 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni pproponiet il-valutazzjoni pożittiva tagħha lill-Kunsill. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2 (“id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021”). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 ġiet emendata bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 3 u tat-13 ta’ Novembru 2025 4 .

(2)Fl-24 ta’ Ġunju 2026, ir-Rumanija għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex temenda d-deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP parzjalment ma għadux jista’ jinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Fuq dik il-bażi, ir-Rumanija ppreżentat RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241

(3)L-emendi tal-RRP ippreżentati mir-Rumanija minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 94 miżura.

(4)Ir-Rumanija spjegat li tliet miżuri ma għadhomx jistgħu jinkisbu, minħabba l-irtirar tal-proġetti rilevanti mill-kuntratturi, minħabba ċ-ċaqliq u l-fużjoni ma’ miżura eżistenti fl-għotjiet u minħabba dewmien mhux previst fl-implimentazzjoni li jirriżulta minn ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħha. Dan jikkonċerna C6.I4, C16.I4a u C8.I7. Abbażi ta’ dan, ir-Rumanija talbet li dawk il-miżuri jitneħħew. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(5)Ir-Rumanija spjegat li 23 miżura parzjalment ma għadhomx jistgħu jinkisbu, minħabba ċirkostanzi mhux previsti jew dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni lil hinn mill-kontroll tagħha, inklużi kwistjonijiet ta’ prestazzjoni tal-kuntratturi u impedimenti għall-progress tal-miżuri li għamlu l-ippjanar inizjali mhux fattibbli. Dan jinkludi miżuri li parzjalment ma għadhomx jistgħu jinkisbu fil-forma attwali tagħhom minħabba nuqqas ta’ domanda jew domanda insuffiċjenti. Dan jikkonċerna C2.I1, C2.I4, C3.I2, C4.I1, C4.I2, C5.I1, C5.I1a, C7.I3, C7.I8, C7.I17, C10.I2, C10.I4, C10.I3, C10.I1, C11.I2, C12.I3, C12.I1, C13.I4, C13.I1, C13.I2, C14.R3, C14.R9, C16.I8. Abbażi ta’ dan, ir-Rumanija talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(6)Ir-Rumanija spjegat li ġew emendati 68 miżura biex tiġi implimentata alternattiva aħjar li tippermetti li jitnaqqas il-piż amministrattiv u li tiġi ssimplifikata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li xorta jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk il-miżuri. Dan jikkonċerna C1.I1, C1.I2, C1.I5, C1.R2, C2.I2, C2.I3, C2.I5, C2.R2, C3.I1, C3.I1a, C3.I3, C3.R1, C4.R1, C4.I3, C4.I3a, C4.R2, C5.I4, C5.R1, C6.I2, C6.R1, C6.R4, C7.I5, C7.I6, C8.I1, C8.I2, C8.I3, C8.I4, C8.I5, C8.I10, C8.R1, C9.I1, C9.I2, C9.I3, C9.I4, C9.I5.a, C9.R1, C9.R2.a, C9.R4, C9.R5, C10.R5, C11.I1, C11.I4, C12.I2, C12.R3, C12.I4, C13.R2, C14.R1, C14.R7, C15.I10, C15.I11, C15.I10.2a, C15.I16, C15.I18, C15.I13, C15.I2, C15.I4, C15.I6, C15.I8, C15.I9, C15.R4, C15.I17, C15.I1, C15.I1a, C16.R1, C16.I5, C16.I7, C16.I9, C16.I10. Abbażi ta’ dan, ir-Rumanija talbet li dawk il-miżuri jiġu emendati. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(7)Wara t-tneħħija u t-tnaqqis fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, ir-Rumanija talbet li tuża r-riżorsi liberati bit-tneħħija tal-miżuri u t-tnaqqis fil-livell tal-implimentazzjoni tagħhom biex jiżdiedu erba’ miżuri ġodda u jiżdied il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ żewġ miżuri. Dan jikkonċerna C4.I1a, C4.I5, C6.I2a u C16.I7a, u C8.I11 u C16.I4 rispettivament. Abbażi ta’ dan, ir-Rumanija talbet li jiżdied il-livell ta’ implimentazzjoni ta’ żewġ miżuri u li jiddaħħlu erba’miżuri ġodda. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

Distribuzzjoni tal-istadji importanti u tal-miri

(8)Id-distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri f’pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi emendata biex tqis l-emendi għall-RRP u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mir-Rumanija.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(9)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Kontribut għall-objettivi tar-REPowerEU

(10)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (da), u l-kriterju 2.12 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kapitolu REPowerEU huwa mistenni li jikkontribwixxi b’mod effettiv fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) għas-sigurtà tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew it-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel l-2030.

(11)Peress li xi miżuri taħt il-kapitolu REPowerEU tnaqqsu, żdiedu l-investimenti C16.I9 u C16.I10, li sa issa kienu inklużi fl-RRP bħala C6.I4a u C6.I5a. Il-miżuri jallinjaw mal-objettivi tar-REPowerEU li jappoġġaw il-ħżin tal-elettriku (l-Artikolu 21c(3)(e)), id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija (l-Artikolu 21c 3(b)), u l-inċentivar tat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija (l-Artikolu 21c(3)(d)).

(12)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (db), u mal-Anness V, il-kriterju 2.13, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-kompożizzjoni ġdida ta’ miżuri inklużi fil-kapitolu REPowerEU mistennija fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) li jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali.

Kontribut għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità

(13)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u l-kriterju 2.5 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jwasslu għal ammont li jirrappreżenta 39,1 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat u 91,5 % tal-kostijiet stmati totali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.

(14)L-emendi għall-miżuri li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika jikkonċernaw 20 miżura, jiġifieriC2.I1, C3.I2, C4.I1, C4.I1a, C4.I2, C5.I1, C5.I1a, C6.I4, C10.I1, C10.I2, C10.I3, C12.I1, C12.I3, C13.I1, C13.I2, C15.I17, C16.I4, C16.I4a, C16.I7, C16.I8. B’mod kumplessiv, minħabba l-kontenut differenti tal-ittaggjar klimatiku tal-miżura miżjuda u tal-miżuri mnaqqsa, l-emendi fl-RRP tar-Rumanija jinvolvu tnaqqis nett fil-kontribut ġenerali għall-mira klimatika tal-RRP minn 40,6 % għal 39,1 %. Il-miżuri relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, fl-RRP modifikat, inkluż il-kapitolu REPowerEU, għandhom impatt dejjiemi peress li l-miżuri għandhom l-għan ta’ bidliet strutturali biex inaqqsu d-dipendenza ġenerali tar-Rumanija fuq il-fjuwils fossili u biex iżidu l-iffrankar tal-enerġija billi jaqilbu għal teknoloġiji ekoloġiċi, b’mod partikolari dawk relatati mas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u billi jippromwovu prattiki sostenibbli f’diversi setturi. B’riżultat ta’ dan, il-miżuri jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħqu l-miri għall-2030-2050 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050. Il-kamp ta’ applikazzjoni limitat ta’ dawk l-emendi ma jibdilx il-valutazzjoni ġenerali ta’ dan il-kriterju.

Kontribut għat-tranżizzjoni diġitali

(15)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u l-kriterju 2.6 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 24,0 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat ikkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(16)L-emendi għall-miżuri li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jikkonċernaw it-tnaqqis fl-allokazzjoni għal 10 miżuri, jiġifieri C2.I4, C4.I3, C4.I3a, C7.I3, C7.I8, C8.I7, C10.I2, C10.I4, C12.I3, C16.I5. B’mod kumplessiv, minħabba l-kontenut differenti tal-ittaggjar diġitali tal-miżura miżjuda u tal-miżuri mnaqqsa, l-emendi fl-RRP tar-Rumanija jinvolvu żieda netta fil-kontribuzzjoni ġenerali għall-mira diġitali tal-RRP minn 21,3 % għal 24,0 %. L-ambitu limitat ta’ dawn l-emendi ma jibdilx il-valutazzjoni ġenerali ta’ dan il-kriterju.

Kostijiet

(17)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i), u mal-Anness V, il-kriterju 2.9, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-RRP emendat dwar l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP hija moderament (klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(18)Skont l-informazzjoni pprovduta, il-valutazzjoni tal-istimi tal-kostijiet għall-miżuri l-ġodda u għall-miżuri eżistenti li l-modifiki tagħhom kienu jinvolvu valutazzjoni ġdida tal-kostijiet turi li l-biċċa l-kbira tal-kostijiet huma raġonevoli u plawżibbli. Fi ftit każijiet biss, id-dettalji dwar il-metodoloġija u s-suppożizzjonijiet użati biex isiru l-istimi tal-kostijiet kienu limitati, parzjalment minħabba n-novità tal-miżuri. Dan jipprekludi l-klassifikazzjoni A għal dan il-kriterju ta’ valutazzjoni. Barra minn hekk, il-bidliet fl-istimi tal-kostijiet għall-miżuri modifikati l-oħra kienu ġġustifikati, proporzjonati għall-miri riveduti l-ġodda u appoġġati minn kalkoli u evidenza dettaljati, u bħala tali r-raġonevolezza u l-plawżibbiltà ta’ dawn l-istimi tal-kostijiet ma nbidlux meta mqabbla mal-RRP oriġinali. Fl-aħħar nett, il-kost totali stmat tal-RRP huwa konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u proporzjonali mal-impatt nazzjonali, ekonomiku u soċjali mistenni.

Kwalunkwe kriterju ieħor ta’ valutazzjoni

(19)Il-Kummissjoni tqis li l-emendi mressqa mir-Rumanija ma jaffettwawx il-valutazzjoni pożittiva tal-RRP stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għar-Rumanija rigward ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-RRP mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3), il-punti (a), (b), (d), (db), (g), (h), (j) u (k).

Valutazzjoni pożittiva

(20)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat, meta nstab li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u l-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont li għandu jkun disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(21)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tar-Rumanija huma ta’ EUR 20 106 860 700. Peress li l-ammont tal-kost totali stmat tal-RRP emendat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għar-Rumanija, il-kontribuzzjoni finanzjarja ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , u mal-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 21a(6) tar-Regolament (UE) 2021/241 li hija allokata għall-RRP emendat tar-Rumanija jenħtieġ li tkun ugwali għal EUR 13 566 055 514. Għalhekk, il-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għar-Rumanija tibqa’ l-istess.

Għoti ta’ self

(22)Sabiex jiġu appoġġati riformi u investimenti addizzjonali, sar disponibbli appoġġ totali fil-forma ta’ self ta’ EUR 7 844 472 079 għar-Rumanija permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021. Wara t-tneħħija ta’ C6.I4 u C16.I4a u t-tnaqqis fil-livell ta’ implimentazzjoni ta’ C3.I2, C4.I1, C4.I2, C5.I1, C6.I4, C6.C10.I2, C10.I4, C11.I2, C12.I3, C16.I5 skont l-Artikolu 21 tar-Regolament 2021/241, ir-Rumanija ma talbitx li tuża r-riżorsi ta’ self liberati biex tappoġġa miżuri ġodda jew biex iżżid il-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti fl-RRP. L-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP huwa inqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja kkombinata disponibbli għar-Rumanija u l-appoġġ fil-forma ta’ self li kien sar disponibbli għar-Rumanija permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021. Għalhekk, l-appoġġ totali fil-forma ta’ self disponibbli għar-Rumanija jenħtieġ li jitnaqqas għal EUR 6 540 805 186.

(23)Jenħtieġ li l-ammont tas-self jiġi stipulat f’din id-deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 20(5), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2021/241. Madankollu, skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2024 dwar it-tnaqqis tal-ammont tat-tieni pagament parzjali tal-appoġġ fil-forma ta’ self għar-Rumanija, adottata f’konformità mal-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) 2021/241, is-self tnaqqas b’EUR 10 772 581 u r-Rumanija ma tistax titlob l-iżborż tiegħu mill-Kummissjoni.

(24)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata kif xieraq. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 jenħtieġ li jiġi sostitwit kompletament.

(25)Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata mal-għoti ta’ fondi tal-Unjoni skont kwalunkwe programm tal-Unjoni ħlief għall-Faċilità jew għal proċeduri relatati ma’ distorsjonijiet tal-operazzjoni tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP emendat għar-Rumanija abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata.

Artikolu 2
Emendi

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija hija emendata kif ġej:

(1) fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Rumanija self li jammonta għal massimu ta’ EUR 6 540 805 186.”;

(2) l-Anness huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(2)    ST 12319/21 INIT; ST 12319/21 ADD 1.
(3)    ST 15833/23 INIT; ST 15833/23 ADD 1.
(4)    ST 14452/25 INIT; ST 14452/25 ADD 1.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (ĠU L 357, 8.10.2021, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1755/oj ).