21.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/71


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1197

tad-19 ta’ Ġunju 2023

li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra bid-data tat-3 ta’ Jannar 2023, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, li jaqgħu taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva. Aktar tagħrif u kjarifiki b’appoġġ għat-talba ġew ipprovduti mill-awtoritajiet Pollakki fil-15 ta’ Frar 2023. Intalab li l-awtorizzazzjoni t tapplika għal perjodu ta’ sitt xhur, mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(2)

Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li ttaffi l-impatt negattiv li kien ikun ikkawżat b’żieda fil-livell ta’ tassazzjoni minħabba rata tal-kambju tal-euro-zloty għolja u mhux favorevoli, f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dan it-tnaqqis jikkorrispondi għall-ammont li jirriżulta mid-differenza fir-rata tal-kambju wara l-aġġustament annwali mwettaq f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

(3)

L-awtorizzazzjoni mitluba x’aktarx li mhux ser toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew tfixkel il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika, l-awtorizzazzjoni mitluba titqies xierqa u proporzjonata. L-awtorizzazzjoni tilħaq bilanċ bejn l-objettivi ta’ politika speċifiċi msemmija fl-Artikolu 19(1), it-tielet paragrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis fit-taxxa jikkumpensa parzjalment iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u mhuwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis fit-taxxa.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, kif mitlub.

(5)

Skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni jeħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi previst li, f’każ li l-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

(6)

Sabiex jiġi żgurat indirizzar bla xkiel tal-effetti negattivi għall-konsumaturi ta’ prezzijiet għoljin tal-prodotti tal-enerġija, fil-mument li fih l-impatt ikun l-akbar minħabba inflazzjoni għolja u żieda fil-prezzijiet, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Polonja tkun tista’ tapplika t-tnaqqis fit-taxxa, kif mitlub, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Madankollu, f’każ li l-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li għalihom ma tkunx tista’ tiġi adattata l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.