5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

741


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Diċembru 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2006/80/KE fir-rigward tas-Slovenja

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5797)

(It-test Sloven biss huwa awtentiku)

(2006/883/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE tas-27 ta' Novembru 1992 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 3(2)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/102/KEE tistabbilixxi l-ħtiġijiet minimi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali, mingħajr preġudizzju għal regoli aktar iddettaljati tal-Komunità li jistgħu jiġu stabbiliti għall-eradikazzjoni tal-mard jew għall-għanijiet ta' kontroll.

(2)

Taħt l-Artikolu (3)1 tad-Direttiva 92/102/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti għandha lista aġġornata ta' l-istabbilimenti li jżommu l-annimali koperti b'dik id-Direttiva u li jinsabu fit-territorju tagħhom.

(3)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/102/KEE jipprevedi għall-possibilità li l-Istati Membri jiġu awtorizzati biex jeskludu mil-lista ta' stabbilimenti meħtieġa bl-Artikolu 3(1) persuni naturali li jrabbu ħanżir wieħed għall-użu jew għall-konsum personali tagħhom, sakemm dak l-annimal huwa suġġett għall-kontrolli stabbiliti f'dik id-Direttiva qabel kwalunkwe moviment.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/80/KE (2) tawtorizza lil ċertu Stati Membri biex japplikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE fir-rigward ta' stabbilimenti b'ħanżir wieħed biss.

(5)

Is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/102/KE fir-rigward ta' stabbilimenti li għandhom ħanżir wieħed u tat il-garanziji xierqa fir-rigward tal-kontrolli stabbiliti f'dik id-Direttiva.

(6)

Huwa għalhekk xieraq li s-Slovenja tiġi awtorizzata li tapplika dik id-deroga.

(7)

Id-Deċiżjoni 2006/80/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness ta' din id-Deċiżjoni 2006/80/KE qed jiġi sostitwit bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussel, 5 Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 355, 5.12.1992, p. 32. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 21/2004 (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(2)   ĠU L 36, 8.2.2006, p. 50.


ANNESS

“ANNESS

L-Istati Membri awtorizzati biex japplikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/102/KEE fir-rigward ta' stabbilimenti b'ħanżir wieħed biss:

Ir-Repubblika Ċeka

Franza

L-Italja

Il-Polonja

Il-Portugall

Is-Slovenja

Is-Slovakkja”