|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1797 |
9.9.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1797
tat-8 ta’ Settembru 2025
li jidderoga fir-rigward tas-sena 2025 mill-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livell ta’ pagamenti antiċipati għall-miżuri għall-iżvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jibqa’ japplika fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, b’rabta man-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u mal-pagamenti mwettqa mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jistgħu jwettqu pagamenti antiċipati sa 75 % għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013. |
|
(3) |
Wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni tat-12 ta’ Ġunju 2025, l-Istati Membri talbu li jidderogaw mill-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biex ikunu jistgħu jwettqu aktar pagamenti antiċipati fir-rigward tas-sena tat-talba 2025 biex jindirizzaw emerġenza li rriżultat minħabba taħlita eċċezzjonali ta’ avvenimenti avversi, inklużi ż-żidiet tariffarji unilaterali imposti mill-Istati Uniti u t-tensjonijiet kummerċjali li rriżultaw, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa, il-konsegwenzi tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani, kif ukoll avvenimenti estremi tat-temp. L-Istati Membri kkonfermaw li l-produtturi agrikoli tagħhom jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità minħabba taħlita ta’ dawk l-avvenimenti avversi li għandhom impatt fuq il-prezzijiet tal-inputs agrikoli u tal-komoditajiet. L-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex ikun jista’ jsir il-ħlas ta’ pagamenti antiċipati miżjuda għall-interventi u l-miżuri kollha fir-rigward tas-sena tat-talba 2025. |
|
(4) |
It-tensjonijiet kummerċjali attwali li jfixklu l-ktajjen tal-provvista globali għandhom impatt fuq id-disponibbiltà tal-inputs agrikoli, iżidu l-kostijiet u jaffettwaw il-vijabbiltà ekonomika tal-bdiewa. It-tnaqqis fil-kompetittività minħabba prezzijiet ogħla, flimkien mal-ħtieġa li jinstabu swieq alternattivi, ipoġġi pressjoni ekonomika fuq il-bdiewa. It-tariffi jikkontribwixxu wkoll għal inċertezza usa’ fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali li twassal għal kundizzjonijiet ta’ volatilità tas-suq. |
|
(5) |
L-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għaddejja bħalissa u l-kunflitti fil-Lvant Nofsani jirriskjaw li jtawlu d-diffikultajiet eżistenti, bħat-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista globali tal-ikel u l-pressjoni kontinwa li tgħolli l-prezzijiet tal-inputs. Dawn l-avvenimenti u l-inċertezzi jfixklu x-xejriet kummerċjali u jħallu impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli u s-swieq agrikoli. |
|
(6) |
Barra minn hekk, huwa mistenni li l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi reċenti f’ċerti reġjuni, bħan-nixfa rikorrenti minħabba nuqqas qawwi ta’ ilma, il-ġlata tardiva, ix-xita eċċessiva lokali u l-għargħar ikollhom impatt negattiv fuq ir-rendimenti tal-għelejjel, u jżidu l-pressjoni fuq is-settur agrikolu. |
|
(7) |
Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, meta jitqies li l-avvenimenti avversi jħallu impatt fuq il-prezzijiet tal-inputs u tal-komoditajiet agrikoli, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iħallsu aktar pagamenti antiċipati fir-rigward tas-sena tat-talba 2025 biex jindirizzaw il-problemi ta’ likwidità li l-produtturi agrikoli x’aktarx jiffaċċjaw fl-Unjoni kollha. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 75(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-rigward tas-sena tat-talba 2025, l-Istati Membri jistgħu jwettqu pagamenti antiċipati sa 85 % għall-appoġġ mogħti fil-kuntest tal-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 67(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1306/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ( ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ( ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1797/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)