|
10.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 222/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/984
tas-7 ta’ Lulju 2020
dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019–2024)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7),
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 241/2008 (2) dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (“il-Ftehim”) (3). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 2008, ġie mġedded b’mod taċitu u għadu fis-seħħ. |
|
(2) |
Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda fit-28 ta’ Frar 2017 li jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Guinea-Bissau għall-konklużjoni ta’ protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim. |
|
(3) |
Il-protokoll preċedenti tal-Ftehim skada fit-23 ta’ Novembru 2017. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni nnegozjat protokoll ġdid f’isem l-Unjoni. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, il-protokoll il-ġdid ġie inizjalat fil-15 ta’ Novembru 2018. |
|
(5) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1088 (4), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019-2024) (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fil-15 ta’ Ġunju 2019. |
|
(6) |
Il-Protokoll japplika fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu. |
|
(7) |
L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika tal-Guinea-Bissau jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli, l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Guinea-Bissau u l-isforzi tal-Guinea-Bissau biex tiżviluppa ekonomija blu. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat. |
|
(9) |
L-Artikolu 10 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu, u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 8(2) u (4) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata, soġġetta għal kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali, li tapprovahom f’isem l-Unjoni skont proċedura ssimplifikata. |
|
(10) |
Jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-UE dwar il-modifiki għall-Protokoll tiġi stabbilita mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. L-emendi proposti ser ikunu aċċettati dment li ma jkunx hemm minoranza li timblokka, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), ta’ Stati Membri li joġġezzjonaw fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. |
|
(11) |
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet oħra jenħtieġ li tiġi ddeterminata skont it-Trattati u l-forom ta’ prattika stabbiliti, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019-2024) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (5).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 17 tal-Protokoll.
Artikolu 3
Skont il-proċedura stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll li għandu jiġi adottat mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) L-approvazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 241/2008 tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 49).
(3) ĠU L 342, 27.12.2007, p. 5.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1088 tas-6 ta’ Ġunju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (2019–2024) (ĠU L 173, 27.6.2019, p. 1).
(5) It-test tal-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 173 tas-27.6.2019 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tiegħu.
ANNESS
Proċedura għall-approvazzjoni tal-modifiki għall-Protokoll li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt
Fejn il-Kumitat Konġunt jintalab jadotta l-modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 8(2) u (4) tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:
|
|
(2) |
Qabel ma l-Kummissjoni tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tressaqhom quddiem il-Kunsill kmieni biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt. |
|
(3) |
Il-konformità tal-modifiki proposti mal-kriterji stipulati fil-punt 1 ta’ dan l-Anness ser tiġi vvalutata mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri. |
|
(4) |
Dment li għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka fil-Kunsill skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma joġġezzjonawx għall-modifiki proposti, il-Kummissjoni għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tiċħad il-modifiki proposti f’isem l-Unjoni. |
|
(5) |
Jekk, matul laqgħat sussegwenti mal-Guinea-Bissau, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha tgħaddi għal darba oħra quddiem il-Kunsill, skont il-proċedura prevista fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tqis l-elementi l-ġodda. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni mistiedna biex, fi żmien debitu, tieħu kull pass meħtieġ bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe proposta xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. |
|
(7) |
Fi kwistjonijiet oħra, li ma jikkonċernawx modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 8(2) u (4) tiegħu, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi ddeterminata skont it-Trattati u l-forom stabbiliti tal-prattiki tal-ħidma. |