2005R1003 — MT — 01.04.2009 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1003/2005 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 (ĠU L 287M, 18.10.2006, p.6) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1168/2006 tal-31 ta' Lulju 2006 |
L 314M |
148 |
1.12.2007 |
|
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 213/2009 tat-18 ta' Marzu 2009 |
L 73 |
5 |
19.3.2009 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1003/2005
tat-30 ta' Ġunju 2005
li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel ( 1 ) u, partikolarment l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tiegħu;
Billi:|
(1) |
L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jassigura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikolarment fil-livell ta' produzzjoni primarja, sabiex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li dawn ifissru lis-saħħa pubblika. |
|
(2) |
Taħt dak ir-Regolament, għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kollha b'sinifikat għas-saħħa pubblika fil-qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus fil-livell ta' produzzjoni primarja. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi li l-mira Komunitarja tinkludi espressjoni numerika tal-perċentwal massimu ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi u/jew il-perċentwal minimu ta’ tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi, il-limitu massimu ta’ żmien li fih għandha tintlaħaq il-mira, kif ukoll id-definizzjoni ta’ l-iskemi ta' ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira. Għandha tinkludi wkoll definizzjoni, fejn xieraq, tas-serotipi b’sinifikat għas-saħħa pubblika. |
|
(4) |
Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li għal perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin, il-mira Komunitarja għall-qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus se tkopri l-iktar ħames serotipi frekwenti tas-salmonella fis-salmonellosis umana, li se jiġu identifikati fuq il-bażi tad-dejta miġbura permezz ta’ sistemi Komunitarji ta’ sorveljanza. |
|
(5) |
It-tagħrif mis-sistemi Komunitarji ta’ sorveljanza juri li l-iktar ħames serotipi tas-salmonella frekwenti fis-salmonellosis umana huma s-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow. Għalhekk, il-mira Komunitarja stabbilita b'dan ir-Regolament għandha tkopri dawn is-serotipi. |
|
(6) |
Sabiex tiġi ffissata l-mira Komunitarja, għandha tkun disponibbli dejta komparabbli dwar il-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kkonċernati f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus fl-Istati Membri. Ir-rekwiżiti minimi għall-kontroll tas-salmonella skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE ( 2 ) ntużaw bħala bażi għall-ġbir tad-dejta rilevanti dwar il-prevalenza fl-Istati Membri. Tagħrif bħal dan inġabar matul perjodu xieraq ta’ żmien fl-Istati Membri kollha fis-sena 2004. |
|
(7) |
Sabiex tkun ivverifikata l-kisba tal-mira u fid-dawl tal-prevalenza relattivament baxxa tas-serotipi rilevanti tas-salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus fil-Komunità, jinħtieġ li jiġi organizzat teħid repetittiv ta' kampjuni minn numru rappreżentattiv ta' qatgħat ta’ daqs suffiċjenti, li għandu jkun ta’ 250 tajra jew aktar, kif meħtieġ skond id-Direttiva 92/117/KEE. |
|
(8) |
L-iskema ta’ ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja hija sinifikament differenti u possibbilment tkun iktar sensittiva mill-iskema li ntużat fil-ġbir ta’ dejta komparabbli fl-Istati Membri skond id-Direttivia 92/117/KEE. Għalhekk, jinħtieġ li jsiru provvedimenti għal reviżjoni tal-mira Komunitarja wara massimu ta’ sena implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll korrispondenti. |
|
(9) |
Minħabba dak il-perjodu ta’ ġbir ta’ tagħrif, ma kinitx disponibbli fil-ħin dejta komparabbli qabel l-istabbiliment tal-mira Komunitarja fi żmien id-data stipulata fl-Anness I tar-Regolament 2160/2003 fir-rigward ta’ qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus. Id-data ta’ l-istabbiliment ta’ dik il-mira għandha għalhekk tiġi estiża b’sitt xhur u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għandu jiġi emendat skond dan. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għall-istabbiliment tal-mira Komunitarja f'qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni huma bbażati fuq il-metodoloġija għall-kontroll tas-salmonella stabbilita diġà skond id-Direttiva 92/117/KEE, filwaqt li l-aspetti l-oħra tal-miżuri huma marbuta mal-ġestjoni tar-riskju. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tħejjew fi grupp ta’ ħidma bis-sehem ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA). Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit tal-konsultazzjoni ma’ l-EFSA previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) 2160/2003 dwar kull kwistjoni li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq is-saħħa pubblika, konsultazzjoni formali ma’ l-EFSA mhijiex meħtieġa f’dan l-istadju. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mira Komunitarja
1. Il-mira Komunitarja għat-tnaqqis tas-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus se tkun tnaqqis tal-perċentwal massimu ta’ qatgħat ta’ adulti għat-tgħammir li fihom għallinqas 250 tajra li jibqgħu pożittivi sa 1 % jew inqas sal-31 ta’ Diċembru 2009.
Madankollu, għall-Istati Membri b’inqas minn 100 qatgħa għat-tgħammir, mhux iktar minn qatgħa ta’ adulti għat-tgħammir għandha tibqa’ pożittiva.
2. L-iskema ta' ttestjar għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja hi stipulata fl-Anness.
Artikolu 2
Reviżjoni
Il-Kummissjoni se tirrevedi l-mira Komunitarja stipulata fl-Artikolu 1 fid-dawl tar-riżultati ta’ l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll approvati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.
Artikolu 3
Emenda tar-Regolament (KEE) Nru 2160/2003
Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, it-test fil-kolonna 4 ta' l-ewwel ringiela jinbidel b'dan li ġej:
“18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament”
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Japplika mill-1 ta' Lulju 2005.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Skema ta' ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja għat-tnaqqis tas-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow f'qatgħat ta’ adulti għat-tgħammir ta' Gallus gallus
1. QAFAS GĦAT-TEĦID TAL-KAMPJUNI
Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni għandu jkopri l-qatgħat kollha ta’ adulti għat-tgħammir ta’ tjur domestici (Gallus gallus) li jinkludu għallinqas 250 għasfur (“qatgħat għat-tgħammir”).
2. MONITORAĠĠ FIL-QATGĦAT GĦAT-TGĦAMMIR
2.1. Il-post, il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni
Il-kampjuni minn qatgħat għat-tgħammir għandhom jittieħdu fuq l-inizjattiva tal-operatur u bħala parti minn kontrolli uffiċjali.
2.1.1. Teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur
It-teħid tal-kampjuni għandu jsir kull ġimgħatejn fil-post magħżul mill-awtorità kompetenti minn fost iż-żewġ għażliet possibbli li ġejjin:
(a) fil-mafqas; jew
(b) fl-istabbiliment.
L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li timplimenta waħda mill-għażliet imsemmija fil-punti (a) jew (b) għall-iskema kollha ta’ ttestjar għall-qatgħat kollha għat-tgħammir tal-brojler u waħda minn dawk l-għażliet għall-qatgħat għat-tgħammir tat-tiġieġ li jbidu. It-teħid ta’ kampjuni fl-istabbilimenti, li prinċipalment jesportaw jew jinnegozjaw bajd ta’ tfaqqis lejn Stati Membri oħra, għandu f'kull każ isir fl-istabbiliment. Din għandha tistabbilixxi proċedura biex l-individwazzjoni tas-serotipi tas-Salmonella msemmija fl-Artikolu 1(1) (is-“Salmonella rilevanti”) waqt it-teħid tal-kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operaturi, tiġi notifikata mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti mil-laboratorju li jwettaq l-analiżi. In-notifika f’waqtha tal-individwazzjoni tas-Salmonella, inkluż is-serotip, għandha tibqa’ r-responsabbiltà tal-operatur u tal-laboratorju li jwettaq l-analiżi.
Permezz ta’ deroga, jekk il-mira Komunitarja tkun intlaħqet għal mill-inqas sentejn kalendarji konsekuttivi, it-teħid ta’ kampjuni fl-istabbiliment jista’ jiġi estiż biex iseħħ kull tliet ġimgħat, fuq id-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li terġa’ lura għal intervall ta’ ttestjar ta’ sentejn fil-każ ta’ individwazzjoni ta’ qatgħa pożittiva fl-istabbiliment u/jew f’kull każ ieħor meqjus xieraq mill-awtorità kompetenti.
2.1.2. Teħid ta’ kampjuni bħala parti minn kontroll uffiċjali
Mingħajr preġudizzju lill-Anness II, Parti C.2 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, it-teħid uffiċjali tal-kampjuni għandu jikkonsisti fi:
2.1.2.1. Jekk it-teħid tal-kampjuni b'inizjattiva tal-operatur isir fil-mafqas:
(a) teħid ta’ kampjuni ta’ rutina kull 16-il ġimgħa fil-mafqas, u;
(b) teħid ta’ kampjuni ta’ rutina fl-istabbiliment f'żewġ okkażjonijiet matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, li l-ewwel waħda tkun fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni tal-bajd jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd u t-tieni waħda tkun lejn l-aħħar tal-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu tal-produzzjoni.
(c) teħid konfermattiv ta' kampjuni fl-istabbiliment, wara l-individwazzjoni tas-Salmonella rilevanti minn teħid ta' kampjuni fil-mafqas.
2.1.2.2. Jekk it-teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur isir fl-istabbiliment, it-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina għandu jsir fi tliet okkażjonijiet matul iċ-ċiklu ta' produzzjoni:
(a) fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd;
(b) lejn tmiem il-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu ta’ produzzjoni;
(c) matul il-produzzjoni, f'kull ħin li hu distanti biżżejjed mill-kampjuni msemmija fil-punti (a) u (b).
2.1.2.3 Permezz ta’ deroga tal-paragrafi 2.1.2.1 u 2.1.2.2 u jekk il-mira Komunitarja tkun intlaħqet għal mill-inqas sentejn kalendarji konsekuttivi, l-awtorità kompetenti tista’ tissostitwixxi t-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina bit-teħid ta’ kampjuni:
(a) fl-istabbiliment f’okkażjoni waħda f’kull żmien matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni u darba fis-sena fil-mafqas, jew
(b) fl-istabbiliment f’żewġ okkażjonijiet f’kull żmien distanti biżżejjed minn xulxin matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni.
It-teħid ta’ kampjuni mwettaq mill-awtorità kompetenti jista’ jieħu post it-teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur kummerċjali tal-ikel.
2.2. Il-protokoll għat-teħid tal-kampjuni
2.2.1. Teħid ta' kampjuni fil-mafqas
Għandu jittieħed mill-inqas kampjun wieħed għal kull qatgħa għat-tgħammir f’kull okkażjoni ta’ teħid tal-kampjuni. It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir f’jum ta’ tfaqqis meta l-kampjuni mill-qatgħat kollha għat-tgħammir se jkunu disponibbli u l-materjal kollu mill-imfaqas kollha li minnhom jitneħħew flieles imfaqqsa fil-jum ta’ teħid tal-kampjuni għandu jikkontribwixxi, b’mod proporzjonat, għas-sett ta’ kampjuni. Jekk ikun hemm aktar minn 50 000 bajda ta’ qatgħa waħda fl-imfaqas, għandu jinġabar it-tieni kampjun minn dik il-qatgħa.
Il-kampjun għandu jikkonsisti għall-inqas f’dawn li ġejjin:
(a) kampjun wieħed kompost tal-inforri tal-qfief għat-tfaqqis, viżibbilment imċappsa, meħud każwalment minn ħamest iqfief għat-tfaqqis separati jew ħames postijiet fil-mafqas, biex jintlaħaq wiċċ totali ta’ teħid ta’ kampjuni ta’ mill-inqas 1 m2; madankollu, jekk il-bajd għat-tfaqqis minn qatgħa għat-tgħammir qegħdin f'iktar minn inkubatur wieħed, għandu jittieħed kampjun kompost wieħed bħal dan minnhom kollha, sa mhux aktar minn ħames imfaqas; jew
(b) kampjun wieħed miġbur b’waħda jew aktar biċċiet niedja tat-tessut, ta’ erja tal-wiċċ totali ta’ mill-inqas 900 cm2, meħud minnufih wara t-tneħħija tat-tiġieġ mill-erja kollha tal-wiċċ tal-qiegħ ta’ mill-inqas total ta’ ħamest iqfief għat-tfaqqis, jew minn tnietex minn ħames postijiet, inkluż fl-art, b’kollox sa ħamest imfaqas bil-bajd imfaqqsa mill-qatgħa, filwaqt li jiġi żgurat li jittieħed mill-inqas kampjun wieħed għal kull qatgħa li minnha ġejjin il-bajd; jew
(c) 10 g ta’ qxur tal-bajd imkisser minn total ta’ 25 qoffa għat-tfaqqis separati (jiġifieri kampjun tal-bidu ta’ 250 g) f’mhux aktar minn ħamest imfaqas bil-bajd imfaqqsa mill-qatgħa, imfarrak u mħallat u li minnu għandu jittieħed sottokampjun biex ikun ifformat sottokampjun ta’ 25 g għall-ittestjar.
Il-proċedura stabbilita fil-punti (a), (b) u (c) għandha tiġi segwita għal teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva tal-operatur kif ukoll għal teħid uffiċjali ta’ kampjuni. Mhuwiex obbligatorju li jiġi inkluż mafqas bil-bajd minn qatgħat differenti jekk mill-inqas 80 % mill-bajd jinsabu f’imfaqas oħra li tagħhom ittieħdu l-kampjuni.
2.2.2. Teħid ta' kampjuni fl-istabbiliment:
2.2.2.1. Teħid ta’ kampjuni ta’ rutina bl-inizjattiva tal-operatur
It-teħid tal-kampjuni għandu jikkonsisti primarjament f’kampjuni fekali u għandu jimmira għall-individwazzjoni ta’ 1 % ta’ prevalenza fil-qatgħa, b’limitu ta’ affidabbiltà ta’ 95 %. Għal dan il-għan, il-kampjuni għandhom jikkonsistu f'wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) Feċi mħallta magħmula minn kampjuni separati ta’ feċi friski li lkoll jiżnu mhux inqas minn 1 g meħuda każwalment minn għadd ta’ siti fil-bini fejn tinżamm il-qatgħa, jew fejn il-qatgħa għandha aċċess liberu għal iktar minn bini wieħed fi stabbiliment partikolari, minn kull grupp ta’ djar fl-istabbiliment li fih tinżamm il-qatgħa. Għall-analiżi, il-feċi jistgħu jitħalltu sa minimu ta’ żewġ kampjuni mħallta.
L-għadd ta’ siti li minnhom jittieħdu kampjuni separati ta’ feċi biex jingħaqdu f’kampjun imħallat ikun kif ġej:
|
Numru ta’ għasafar miżmuma fil-qatgħa |
Numru ta’ kampjuni ta’ feċi li jridu jittieħdu fil-qatgħa |
|
250-349 |
200 |
|
350-449 |
220 |
|
450-799 |
250 |
|
800-999 |
260 |
|
1 000 jew aktar |
300 |
(b) Tajjar mill-buz u/jew kampjuni tat-trab:
It-tajjar mill-buz li jintużaw għandhom ikunu jassorbixxu biżżejjed biex jixorbu l-umdità. Il-“kalzetti” tat-tip tubegauze għandhom ikunu wkoll aċċettabbli għal dan l-għan.
Il-wiċċ tat-tajjara mill-buz għandu jixxarrab ftit b’dilwenti adatti (bħal 0,8 % klorur tas-sodju, 0,1 % peptun f’ilma dejonizzat sterili, ilma sterili jew kull dilwent ieħor approvat mill-awtorità kompetenti).
Il-kampjuni għandhom jittieħdu billi wieħed jgħaddi mill-bini u juża rotta li tipproduċi kampjuni rappreżentattivi tal-partijiet kollha tal-bini jew tas-settur rispettiv. Din għandha tinkludi żoni maħmuġa jew miksija bil-paletti ladarba l-paletti jkunu sikuri biex wieħed jimxi fuqhom. Il-gallinari separati kollha f’bini għandhom ikunu inklużi fit-teħid tal-kampjuni. Meta jitlesta t-teħid ta’ kampjuni fis-settur magħżul, it-tajjar mill-buz għandu jitneħħa bil-galbu biex ma jinqala’ l-ebda materjal imwaħħal.
Il-kampjuni għandhom jikkonsistu f’dawn li ġejjin:
(i) ħames pari ta’ tajjar mill-buz, b’kull wieħed jirrappreżenta madwar 20 % tal-erja tal-bini; għall-analiżi, it-tajjar jista’ jitħallat f’minimu ta’ żewġ kampjuni komposti; jew,
(ii) Għall-inqas par wieħed ta’ tajjar mill-buz li jirrappreżenta l-erja kollha tal-bini u kampjun addizzjonali tat-trab miġbur minn diversi postijiet fil-bini kollu minn uċuh bi preżenza viżibbli ta’ trab. Għandhom jintużaw wieħed jew aktar kampjuni tad-drapp niedja b'erja tal-wiċċ totali ta’ 900 cm2 biex jinġabar dan il-kampjun tat-trab.
(c) F'qatgħat għat-tgħammir li jinżammu fil-gaġeġ, it-teħid ta’ kampjuni jista’ jikkonsisti f’feċi mħallta b’mod naturali miġbura miċ-ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ, mill-barraxa jew mill-fosos fondi, skont it-tip ta’ bini. Żewġ kampjuni ta’ mill-inqas 150 g għandhom jinġabru biex jiġu ttestjati individwalment:
(i) iċ-ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ taħt kull saff ta’ gaġeġ li jitħaddmu regolarment u li jarmu ġo sistema għamla ta’ trapan jew konvejer;
(ii) sistema għat-twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa fejn ikun hemm difletturi taħt il-gaġeġ li jitqaxxru fid-direzzjoni ta’ fossa fonda taħt il-bini;
(iii) sistema għat-twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa f’bini b’gaġeġ imtarrġa fejn il-gaġeġ jiġu żbilanċjati u l-feċi jaqgħu direttament fil-fossa.
Normalment ikun hemm bosta safef ta’ gaġeġ f’bini. Feċi mħallta minn kull saff għandhom ikunu rrappreżentati fil-kampjun komplessiv imħallat. Żewġ kampjuni mħallta għandhom jittieħdu minn kull qatgħa kif deskritt fit-tielet sas-sitt subparagrafi li ġejjin:
F’sistemi fejn hemm ċineg jew barraxa, dawn għandhom jitħaddmu fil-jum tat-teħid tal-kampjuni qabel jittieħdu l-kampjuni.
F’sistemi fejn hemm id-difletturi taħt il-gaġeġ u l-barraxa, il-feċi mħallta li jkunu weħlu mal-barraxa wara li tkun tħaddmet, għandhom jinġabru.
F'sistemi ta’ gaġeġ imtarrġa fejn ma hemmx sistema ta’ ċineg jew barraxa jinħtieġ li l-feċi mħallta jinġabru mill-fossa l-fonda kollha.
Sistemi ta’ ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ: għandu jinġabar materjal fekali mħallat mit-truf taċ-ċineg.
2.2.2.2. Teħid uffiċjali ta’ kampjuni
(a) It-teħid ta’ kampjuni ta’ rutina għandu jitwettaq kif deskritt fil-punt 2.2.2.1.
(b) It-teħid konfermattiv ta’ kampjuni wara l-individwazzjoni tas-Salmonella rilevanti minn kampjuni li jkunu ttieħdu mill-mafqas għandu jsir kif deskritt fil-punt 2.2.2.1. Jistgħu jinġabru kampjuni addizzjonali għall-ittestjar possibbli ta’ antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji kif ġej: l-għasafar għandhom jittieħdu każwalment minn kull bini ta’ għasafar fl-istabbiliment, normalment sa ħames għasafar għal kull bini, sakemm l-awtorità ma tqisx li jinħtieġ kampjun b’numru ikbar ta’ għasafar. Jekk is-sors ta’ infezzjoni mhuwiex ikkonfermat, għandu jsir ittestjar ta’ antimikrobiċi jew għandu jsir ittestjar batterjoloġiku ġdid għas-Salmonella fuq il-qatgħa jew il-frieħ tal-annimali tagħhom qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet kummerċjali. Jekk jiġu individwati antimikrobiċi jew inibitorji tal-formazzjoni tal-batterji, l-infezzjoni tas-Salmonella għandha titqies bħala kkonfermata.
(c) Każijiet suspetti
F’każijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tqajjem dubji dwar ir-riżultat (riżultati pożittivi foloz jew negattivi foloz), din tista’ tiddeċiedi li tirrepeti l-ittestjar skont il-punt (b).
3. EŻAMI TAL-KAMPJUNI
3.1. It-tħejjija tal-kampjuni
3.1.1. L-inforri tal-qfief għat-tfaqqis:
(a) qiegħed f’litru Buffered Peptone Water (BPW) li jkun issaħħan minn qabel sa temperatura ambjentali u ħawwad bil-mod;
(b) kompli l-koltura tal-kampjun billi tuża l-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.
3.1.2. It-tajjar mill-buz u l-kampjuni tat-trab:
(a) Il-par(i) tat-tajjar mill-buz/kalzetti u l-kampjun tat-trab (kampjun tad-drapp) għandhom jinħarġu bil-galbu mill-ippakkjar biex jiġi evitat li jinqala’ materjal fekali mwaħħal jew materjal tat-trab maħlul u jitpoġġew f’225 ml ta’ BPW li ssaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali. It-tajjara mill-buz/kalzetti u l-kampjun tad-drapp għandhom jiġu mgħarrqa kompletament fil-BPW biex jipprovdu likwidu ħieles biżżejjed madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-Salmonella mill-kampjun u għalhekk jista’ jiżdied aktar BPW jekk ikun meħtieġ. Se jsiru preparazzjonijiet separati tat-tajjar mill-buz u tal-kampjun tad-drapp.
(b) Fejn ħames pari tat-tajjar mill-buz/kalzetti jitħalltu f’żewġ kampjuni, qiegħed kull kampjun imħallat f’225 ml ta’ BPW, jew aktar jekk ikun meħtieġ, biex tipprovdi biżżejjed likwidu ħieles madwar il-kampjun għall-migrazzjoni tas-Salmonella mill-kampjun.
(c) Ħawwad biex il-kampjun jixxarrab kompletament u kompli l-koltura permezz tal-metodu ta’ individwazzjoni deskritt fil-punt 3.2.
3.1.3. Kampjuni ta’ materjal fekali ieħor:
(a) Il-kampjuni fekali għandhom jitħalltu flimkien u jitħawdu sew u għandu jittieħed sottokampjun ta’ 25 gramm għall-koltura.
(b) Is-sottokampjun ta’ 25 gramm għandu jiżdied ma’ 225 ml ta’ BPW imsaħħan minn qabel għal temperatura ambjentali;
(c) Il-koltura tal-kampjun għandha titkompla billi jintuża l-metodu ta’ individwazzjoni fil-punt 3.2.
Jekk ikun hemm ftehim rigward l-istandards tal-ISO dwar il-preparazzjoni ta’ kampjuni rilevanti għall-individwazzjoni tas-Salmonella, dawn għandhom jiġu applikati u għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq rigward il-preparazzjoni tat-teħid tal-kampjuni.
3.2. Metodu ta’ individwazzjoni
L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. għandha titwettaq skont l-Emenda 1 tal-EN/ISO 6579-2002/Amd1:2007. “Mikrobijoloġija tal-ikel u tal-għalf tal-annimali - Metodu orizzontali għall-individwazzjoni tas-Salmonella spp. – Emenda 1: Anness D: L-individwazzjoni tas-Salmonella spp. fil-feċi tal-annimali u fil-kampjuni ambjentali mill-istadju primarju ta’ produzzjoni”.
Fir-rigward tal-kampjuni tat-tajjar mill-buz, il-kampjuni tat-trab u l-kampjuni ta’ materjal fekali ieħor imsemmija fil-paragrafu 3.1, huwa possibbli li jitħallat il-brodu inkubat ta’ BPW ta’ arrikiment għall-koltura futura. Biex isir dan, iż-żewġ kampjuni għandhom jiġu inkubati fil-BPW bħalma jsir normalment. Neħħi 1 ml ta’ brodu inkubat minn kull kampjun u ħawwad sewwa, imbagħad neħħi 0,1 ml mit-taħlita u laqqam il-pjastri MSRV bil-mod normali.
Iċċaqlaqx, tħawwadx jew tħarrikx b’xi mod ieħor il-kampjuni fil-BPW wara l-inkubazzjoni billi dan jirrilaxxa partikuli inibitorji u jnaqqas l-iżolament sussegwenti fil-MSRV.
3.3. Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi
Għall-inqas iżolat wieħed minn kull kampjun li juri reazzjoni pożittiva għandu jkun ikklassifikat, skont l-iskema Kaufmann-White.
4. RIŻULTATI U RAPPORTAR
Qatgħa għat-tgħammir għandha titqies infettata għall-iskop tal-verifika tal-ksib tal-mira Komunitarja, meta l-preżenza tas-Salmonella rilevanti (minbarra l-varjanti tal-vaċċin) tkun ġiet individwata f'wieħed jew aktar mill-kampjuni (jew jekk hemm konferma sekondarja uffiċjali fl-Istat Membru, fil-kampjuni fekali rilevanti jew kampjuni ta’ organi tal-għasafar), li jkunu ttieħdu fl-istabbiliment, anki jekk is-Salmonella tiġi individwata biss fil-kampjun tat-trab. Dan ma għandux japplika f’każijiet eċċezzjonali ta’ qatgħat għat-tgħammir sospetti fejn l-individwazzjoni tas-Salmonella fl-istabbiliment fuq l-inizjattiva tal-operatur ma tkunx ġiet ikkonfermata minn teħid uffiċjali ta’ kampjuni.
Għal finijiet ta’ statistika, qatgħa infettata għandha tingħadd darba biss irrispettivament minn kemm-il darba s-Salmonella ġiet individwata f’din il-qatgħa matul il-perjodu ta’ produzzjoni.
Ir-rapport għandu jinkludi:
(a) deskrizzjoni dettaljata tal-għażliet implimentati għall-iskema ta’ teħid ta’ kampjuni u t-tip ta’ kampjuni li ttieħdu, kif jixraq;
(b) in-numru ta’ qatgħat għat-tgħammir eżistenti u dawk ittestjati;
(c) ir-riżultati tal-ittestjar;
(d) spjegazzjonijiet tar-riżultati, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw każijiet eċċezzjonali.
( 1 ) ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.
( 2 ) ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 38. Id-Direttiva revokata mid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).