|
27.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 94/5 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/447
tas-16 ta’ Diċembru 2019
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti għat-tnaqqis b’mod adegwat tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti assoċjat mal-bonds koperti u mat-titolizzazzjonijiet, u li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2015/2205 u (UE) 2016/1178
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex idaħħal f’dak ir-Regolament ċerti kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet tal-bonds koperti b’rabta mal-bonds koperti, u kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjonijiet, jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu tal-ikklerjar. |
|
(2) |
Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 (3) u 2016/1178 (4) diġà jinkludu għadd ta’ kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità tal-bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert jistgħu jiġu esklużi mill-obbligu tal-ikklerjar. |
|
(3) |
Hemm grad ta’ sostitwibbiltà bejn il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet tal-bonds koperti b’rabta mal-bonds koperti min-naħa, u kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjonijiet, min-naħa l-oħra. Sabiex jiġu evitati distorsjoni jew arbitraġġ potenzjali, it-trattament tagħhom vis-à-vis l-obbligu tal-ikklerjar jenħtieġ li jkun konsistenti. |
|
(4) |
Għaldaqstant huwa xieraq li, anki fid-dawl tal-emenda għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mir-Regolament (UE) 2017/2402, jitneħħew mir-Regolamenti Delegati 2015/2205 u 2016/1178, il-kundizzjonijiet kollha li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità tal-bonds koperti b’rabta ma’ bond kopert jistgħu jiġu esklużi mill-obbligu tal-ikklerjar, u dawk il-kundizzjonijiet jiddaħħlu f’Regolament Delegat ġdid li jkun fih ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni jistgħu jiġu esklużi minn dak l-obbligu tal-ikklerjar. |
|
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 jiġu emendati skont dan. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni Ewropea. |
|
(7) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej talbu wkoll l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kriterji għall-iddeterminar ta’ liema arranġamenti fl-ambitu tal-bonds koperti jnaqqsu r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti
L-arranġamenti fl-ambitu tal-bonds koperti għandhom jitqiesu li jnaqqsu b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, fil-każijiet li fihom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet tal-bonds koperti b’rabta mal-bonds koperti jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji kollha li ġejjin:
|
(a) |
dawk il-kuntratti jkunu rreġistrati jew irrekordjati fl-aggregazzjoni ta’ kopertura tal-bond kopert skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-bonds koperti; |
|
(b) |
dawk il-kuntratti ma jkunux itterminati fil-każ ta’ riżoluzzjoni jew insolvenza tal-emittent tal-bonds koperti jew tal-“cover pool”; |
|
(c) |
Il-kontroparti għall-kuntratt tad-derivattivi OTC konkluż mal-emittent tal-bonds koperti jew ma’ “cover pools” għall-bonds koperti, tkun ikklassifikata tal-inqas pari passu mad-detenturi ta’ bonds koperti, għajr meta l-kontroparti tal-kuntratt tad-derivattivi OTC konkluż mal-emittenti tal-bonds koperti jew ma’ “cover pools” għall-bonds koperti tkun il-parti f’inadempjenza jew il-parti affettwata, jew iċċedi l-klassifikazzjoni ta’ pari passu; |
|
(d) |
il-bond kopert ikun soġġett għal rekwiżit regolamentari ta’ kollateralizzazzjoni ta’ minn tal-anqas 102 %. |
Artikolu 2
Kriterji għall-iddeterminar ta’ liema arranġamenti fl-ambitu tat-titolizzazzjonijiet inaqqsu r-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti
L-arranġamenti fl-ambitu tat-titolizzazzjonijiet għandhom jitqiesu li jnaqqsu b’mod adegwat ir-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, fil-każijiet li fihom il-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjonijiet jissodisfaw dawn il-kriterji kollha li ġejjin:
|
(a) |
il-kontroparti għad-derivattiva OTC konkluża minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni tkun ikklassifikata tal-inqas pari passu mad-detenturi tal-aktar segment ta’ titolizzazzjoni superjuri, għajr meta l-kontroparti tad-derivattiva OTC konkluża mal-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjoni tkun il-parti f’inadempjenza jew il-parti affettwata; |
|
(b) |
l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta mat-titolizzazzjoni li l-kuntratt tad-derivattivi tal-OTC ikun assoċjat magħha, tkun soġġetta, fuq bażi kontinwa, għal livell ta’ titjib tal-kreditu tal-aktar nota ta’ titolizzazzjoni superjuri ta’ minn tal-anqas 2 % tan-noti pendenti. |
Artikolu 3
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2205 jitħassar.
Artikolu 4
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1178
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1178 jitħassar.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha;
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13.).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta’ Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3.)
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).