24.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/104

tat-23 ta’ Jannar 2020

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mit-Tajwan u mill-Indoneżja soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping (“il-proċediment”) fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”), mit-Tajwan u mill-Indoneżja wara lment imressaq fit-28 ta’ Ġunju 2019 mill-Eurofer, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“l-ilmentatur”) f’isem erba’ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw il-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana.

(2)

Fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-bidu ta’ investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea tal-istess prodott li joriġina mir-RPĊ u mill-Indoneżja (3) (“il-proċediment antisussidji parallel”) skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (4) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”).

1.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(3)

Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa prodotti tal-azzar inossidabbli ċatti rrumblati, kemm jekk ikunu f’kojls u kemm jekk ma jkunux (inklużi l-prodotti maqtugħin skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jibqgħux jinħadmu wara li jiġu llaminati bis-sħana u li jeskludu prodotti, mhux f’kojl, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u ta’ ħxuna li taqbeż 10 mm. Dawn il-prodotti bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 u 7220 12. Dawn il-kodiċijiet SA qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

2.   TALBA

(4)

Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur diġà talab ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Fil-31 ta’ Ottubru 2019, l-ilmentatur ippreżenta talba ta’ reġistrazzjoni separata, fir-rigward tal-importazzjonijiet li huma soġġetti għal dan il-proċediment skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni. Komunikazzjoni ulterjuri b’appoġġ għal din it-talba ġiet ippreżentata fit-22 ta’ Novembru u fl-10 ta’ Diċembru 2019.

(5)

Fl-14 ta’ Novembru 2019, Marcegaglia Specialties (“Marcegaglia”), utent tal-prodott ikkonċernat, li qed jikkoopera fil-proċediment anti-dumping, ippreżenta kummenti fir-rigward tat-talba tal-ilmentatur għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(6)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(7)

Skont l-ilmentatur ir-reġistrazzjoni hija ġġustifikata peress li l-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ, mit-Tajwan u mill-Indoneżja qed ikun oġġett ta’ dumping. Huwa rraġuna li qed ikun ikkawżat dannu sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni b’żieda rapida ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi li se jdgħajfu l-effett ta’ rimedju tad-dazji definittivi potenzjali billi jippermetti l-ħżin eċċessiv.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux konxji tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub jew jekk kellhomx ikunu konxji tiegħu. Hija analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x’aktarx iddgħajjef serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi tad-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(9)

In-notifika ta’ bidu għal din il-proċedura ppubblikata fit-12 ta’ Awwissu 2019 enfasizzat li l-marġini ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiżi kollha. B’mod ġenerali, u meta titqies il-portata tal-marġnijiet ta’ dumping allegati li jvarjaw minn 15,1 % sa 54,3 %, l-evidenza fl-ilment tipprovdi biżżejjed appoġġ f’dan l-istadju li l-produtturi esportaturi jipprattikaw id-dumping.

(10)

L-ilment ipprovda wkoll biżżejjed evidenza ta’ dannu allegat lill-industrija tal-Unjoni, inkluż tnaqqis fis-sehem mis-suq u żvilupp negattiv ta’ indikaturi ewlenin oħra tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(11)

Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika ta’ bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-importaturi kollha. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment u l-fajl mhux kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, fuq din il-bażi, l-importaturi, li għandhom esperjenza professjonali, kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tal-prattiki allegati ta’ dumping, il-portata tagħhom u d-dannu allegat (5).

(12)

Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni ġie ssodisfat.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(13)

Il-Kummissjoni analizzat dan il-kriterju fuq il-bażi tad-data statistika disponibbli fil-bażi tad-data Surveillance 2, skont l-informazzjoni miġbura għall-prodott ikkonċernat. Meta ġew analizzati l-volumi ta’ importazzjoni fid-dawl tat-talba ta’ reġistrazzjoni, data kienet disponibbli statistika kompleta sa u inkluż Novembru 2019. Il-Kummissjoni qieset li l-livell ta’ importazzjonijiet minn Awwissu 2019, ix-xahar li fih inbdiet l-investigazzjoni, sal-aktar perjodu reċenti, jiġifieri Novembru 2019, jeħtieġ jiġi kkunsidrat u li dawn il-volumi jeħtieġ li jitqabblu mal-volumi ta’ importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Tqies li ma kienx xieraq li l-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu Awwissu 2019 sa Novembru 2019 jiġi mqabbel mal-livell ta’ importazzjonijiet matul l-istess xhur fis-sena preċedenti, minħabba li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni fil-fajl li l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana huma soġġetti għal flutwazzjonijiet staġjonali. L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żviluppaw kif ġej:

Il-volumi ta’ importazzjoni mill-pajjiżi konċernati (f’tunnellati)

Oriġini

Perjodu ta’ investigazzjoni (PI)

Medja kull xahar

Wara l-bidu (*1)

Medja kull xahar

Δ

PI – wara l-bidu

Ir-RPĊ

220 705

18 392

110 568

27 642

+ 50 %

L-Indoneżja

107 107

8 926

9 011

2 253

-75 %

It-Tajwan

36 542

3 045

13 932

3 483

+ 14 %

Pajjiżi Kkonċernati

364 354

30 363

133 511

33 378

+ 10 %

(14)

Fuq il-bażi ta’ din id-data statistika, il-Kummissjoni sabet li l-volum medju ta’ kull xahar tal-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni fil-perjodu minn Settembru 2019 sa Novembru 2019, jiġifieri wara l-bidu tal-każ, kien 10 % ogħla mill-volum medju ta’ kull xahar ta’ importazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(15)

Fl-investigazzjonijiet li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed ikkonċernat, kemm jekk l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi jkunux se jiġu akkumulati għall-fini tal-analiżi deskritta fil-premessi ta’ hawn fuq, kif ukoll jekk le, se jiddependi fuq jekk il-Kummissjoni tiddeċidix li tinkludi wkoll dawn l-importazzjonijiet fl-investigazzjoni sottostanti. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li, fis-sentenza tagħha fi Stemcor, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament Bażiku, għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet, meħuda flimkien, humiex ta’ natura li jdgħajfu serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi u għalhekk joħolqux dannu addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali u suġġettiva tal-importaturi kkonċernati (6). Kif turi t-tabella ta’ hawn fuq, ma hemm l-ebda kwistjoni dwar jekk l-importazzjonijiet akkumulati mill-pajjiżi kkonċernati wrewx żieda sostanzjali ulterjuri.

(16)

Marcegaglia argumenta li fis-sottomissjoni tal-ilmentatur ma kinitx ippruvata żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet u ma kienx probabbli li sseħħ minħabba li l-kwoti tariffarji ta’ salvagwardja applikabbli (“il-kwoti”) fuq ċerti prodotti tal-azzar (7), li fost l-oħrajn ikopru l-prodott ikkonċernat, huma stabbiliti f’livelli, għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, b’mod sinifikanti taħt il-volumi tal-esportazzjoni osservati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe kwantità importata li taqbeż il-kwoti se tkun soġġetta għal dazju ta’ salvagwardja ta’ 25 %. Għalhekk, skont Marcegaglia, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat x’aktarx li jonqsu għal-livell stipulat mill-kwoti, li huwa 25 % inqas mill-volum tal-importazzjoni osservat fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Marcegaglia kompla li għalkemm f’Lulju u f’Awwissu 2019, jew, b’mod ġenerali, fi kwalunkwe xahar partikolari, il-volum tal-importazzjonijiet (jista’) jaqbeż dawn il-medji ta’ kull xahar, dan ma għandux jiġġustifika l-konklużjoni li l-importazzjonijiet x’aktarx li jiżdiedu.

(17)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-kwoti inkwistjoni huma kwoti tariffarji, li abbażi tagħhom kull importazzjoni li ssir lil hinn mil-limitu stabbilit minnhom mhijiex ipprojbita iżda hija soġġetta għal rata ta’ dazju ad valorem addizzjonali ta’ 25 %. Dan ifisser li l-importaturi jistgħu jimportaw volumi li jmorru sew lil hinn mil-limiti applikabbli, bil-kundizzjoni li jħallsu d-dazju ta’ salvagwardja. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-prodott ikkonċernat huwa soġġett għal kwoti tariffarji huwa marbut mal-ħtieġa li jiġi evitat li jsir dannu serju għall-industrija tal-Unjoni. L-istess żieda fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni attwali tista’ twassal li jkun meħtieġ il-ġbir retroattiv tad-dazji eventwali minħabba d-dannu materjali li jkun instab u l-ħtieġa għal rimedju effettiv. Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping u ta’ dannu li ġew stmati mill-ilmentatur (ara l-premessa (30) hawn taħt), id-dazju ta’ salvagwardja ta’ 25 % jista’ ma jkunx biżżejjed biex jirrimedja d-dumping u d-dannu kollu. Għaldaqstant, dazju ta’ 25 % probabbilment mhux ser jiskoraġġixxi lill-importaturi milli jimportaw volumi addizzjonali.

(18)

B’rispons ulterjuri għall-kummenti ta’ Marcegaglia, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li r-Regolament preżenti jikkonċerna r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet u huwa mingħajr ħsara għad-deċiżjoni dwar jekk hux se jinġabru d-dazji anti-dumping jew le, li tittieħed biss fl-istadju ta’ kull miżura definittiva.

(19)

Għalhekk, fid-dawl taż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni u tar-reġistrazzjoni ġie ssodisfat ukoll.

3.3.   Id-dgħajfien tal-effett ta’ rimedju tad-dazju

(20)

F’dan l-istadju l-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li diġà ġie kkawżat dannu addizzjonali permezz taż-żieda kontinwa fl-importazzjonijiet bi prezzijiet dejjem jonqsu.

(21)

Kif stabbilit fil-premessi (14) u (15), hemm biżżejjed evidenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(22)

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li mill-bidu tal-investigazzjoni ’l hawn il-prezzijiet tal-importazzjoni żdiedu. Għall-kuntrarju, skont il-bażi tad-data ta’ Surveillance 2 li hija disponibbli pubblikament, il-valur medju ta’ kull unità tal-prodott ikkonċernat ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien 1 % inqas fil-perjodu minn Awwissu sa Novembru 2019 meta mqabbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(23)

Barra minn hekk, fit-talba ta’ reġistrazzjoni tiegħu, l-ilmentatur ġibed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni ta’ deterjorament rapidu tal-industrija tal-Unjoni osservata fl-ilment matul it-tieni nofs tal-2018 kompliet fl-ewwel nofs tal-2019, bi tnaqqis ulterjuri fil-livelli ta’ produzzjoni u aktar twaqqigħ tal-prezzijiet minħabba l-importazzjonijiet. Fit-talba huwa pprovda wkoll evidenza li turi li minn dak iż-żmien ’l hawn is-sitwazzjoni marret ħażin għall-agħar, fost l-oħrajn billi indika erba’ avviżi importanti ta’ ristrutturar ta’ tipi differenti mid-diversi manifatturi tal-Unjoni minn Lulju 2019, li kellhom impatt fuq l-impjiegi ta’ mijiet ta’ ħaddiema tagħhom.

(24)

Abbażi ta’ dan, it-twaqqit taż-żieda sostanzjali ulterjuri tal-importazzjonijiet kif spjegat fil-premessi (14) u (15) diġà qed idgħajjef serjament l-effett ta’ rimedju ta’ kull dazju definittiv, sakemm dan id-dazju ma jiġix applikat retroattivament.

(25)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni għall-parti tad-dumping li għandha x’taqsam mat-talba ġie ssodisfat ukoll.

4.   PROĊEDURA

(26)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(27)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jeħtieġ li jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(28)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jeħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping u/jew kompensatorji, dawn id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jintlaħqu, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(29)

Kull responsabbiltà fil-futur tiġi minn x’jirriżulta minn din l-investigazzjoni. F’dan l-istadju għadu mhuwiex possibbli li jiġi kkalkulat l-ammont tal-obbligazzjoni potenzjali.

(30)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li tinbeda investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġini medju ta’ dumping ta’ 54,3 % u marġni medju ta’ bejgħ taħt il-prezz ta’ 29,1 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur jista’ jiġi stabbilit fil-livell inferjuri ta’ dawn, jiġifieri 29,1 % bħala proporzjon tal-valur ta’ importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, jekk il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku huma ssodisfati, jiġifieri l-marġni ta’ dumping jista’ jitqies li jirrifletti d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, l-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur jista’ jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni ta’ dumping ta’ 54,3 %, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja, l-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li tinbeda investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġini medju ta’ dumping ta’ 32,2 % u marġni medju ta’ bejgħ taħt il-prezz ta’ 39,8 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur huwa stmat fuq dawn il-livelli abbażi tal-ilment, jiġifieri 32,2 % bħala proporzjon tal-valur ta’ importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku huma ssodisfati, jiġifieri l-marġni ta’ dumping jista’ jitqies li jirrifletti d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, l-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur jista’ jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni ta’ dumping. Fir-rigward tal-importazzjonijiet mit-Tajwan, l-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li tinbeda investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġini medju ta’ dumping ta’ 15,1 % u marġni medju ta’ bejgħ taħt il-prezz ta’ 20,7 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell inferjuri ta’ dawn, jiġifieri 15,1 % bħala proporzjon tal-valur ta’ importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(31)

Kull data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli ċatti rrumblati, kemm jekk ikunu f’kojls u kemm jekk ma jkunux (inklużi l-prodotti maqtugħin skont id-daqs u li jkunu strixxi dojoq), li ma jibqgħux jinħadmu wara li jiġu llaminati bis-sħana u li jeskludu prodotti, mhux f’kojl, b’wisa’ ta’ 600 mm jew aktar u ta’ ħxuna li taqbeż 10 mm. li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet SA 7219 11, 7219 12, 7219 13, 7219 14, 7219 22, 7219 23, 7219 24, 7220 11 and 7220 12 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mit-Tajwan u mill-Indoneżja.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ikun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mit-Tajwan u mill-Indoneżja (2019/C 269 I/01), ĠU C 269, 12.8.2019, p. 1.

(3)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment kontra s-sussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pjanċi u kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Indoneżja (2019/C 342/09), ĠU C 342, 10.10.2019, p. 18.

(4)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(5)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019, f’T-749/16, Stemcor vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-paragrafu 56.

(*1)  Awwissu 2019 – Novembru 2019

Sors: Il-bażi tad-data Surveillance 2

(6)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019, f’T-749/16, Stemcor vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-paragrafu 86.

(7)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27), kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1590 tas-26 ta’ Settembru 2019 (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 28).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).