|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2484 |
10.11.2023 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2484
tad-9 ta’ Novembru 2023
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/715/UE fir-rigward tal-inklużjoni tat-Tajwan (*1) fil-lista tal-pajjiżi terzi stabbilita b’dik id-Deċiżjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 111b(1) tagħha,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 111b(1) tad-Direttiva 2001/83/KE, pajjiż terz jista’ jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-qafas regolatorju ta’ dak il-pajjiż applikabbli għas-sustanzi attivi esportati lejn l-Unjoni, u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u ta’ infurzar, jassigurawx livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika l-istess bħal dak tal-Unjoni sabiex ikun inkluż f’lista tal-pajjiżi terzi li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. |
|
(2) |
Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2021, it-Tajwan talab biex ikun inkluż fil-lista skont l-Artikolu 111b(1) tad-Direttiva 2001/83/KE. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni vvalutat it-talba billi wettqet rieżami tad-dokumentazzjoni rilevanti u rieżami fuq il-post tas-sistema regolatorja tat-Tajwan mill-20 sas-27 ta’ April 2023 inkluż spezzjoni osservata u qieset kif xieraq it-tweġibiet, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti matul l-awditu mill-awtorità kompetenti Tajwaniża, l-Amministrazzjoni għall-Ikel u għall-Mediċini tat-Tajwan (TFDA) fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa u l-Benessri. |
|
(4) |
Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni tal-ekwivalenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti tal-Artikolu 111(b)(1) tad-Direttiva 2001/83/KE ġew issodisfati. |
|
(5) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE (2) tiġi emendata kif jixraq, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/715/UE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(*1) Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tiġix interpretata bħala li tirrifletti kwalunkwe pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istatus legali tat-Tajwan.
(1) ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/715/UE tat-22 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi b’qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni, skont id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 23.11.2012, p. 15).
ANNESS
“ANNESS
Lista ta’ pajjiżi terzi b’qafas regolatorju applikabbli għas-sustanzi attivi għall-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-attivitajiet rispettivi ta’ kontroll u infurzar li jiżguraw livell ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika ekwivalenti għal dik fl-Unjoni
|
Pajjiż terz |
Rimarki |
|
L-Awstralja |
|
|
Il-Brażil |
|
|
Il-Kanada |
|
|
Iżrael (1) |
|
|
Il-Ġappun |
|
|
Il-Korea t’Isfel |
|
|
L-Iżvizzera |
|
|
It-Tajwan |
|
|
L-Istati Uniti |
|
(1) Minn hawn ’il quddiem mifhum bħala l-Istat ta’ Iżrael, bl-esklużjoni tat-territorji li ilhom taħt l-amministrazzjoni ta’ Iżrael minn Ġunju 1967, jiġifieri l-Għoljiet ta’ Golan, l-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2484/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)