29.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/10


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT.39745 — Is-suq tal-informazzjoni tas-CDS — Markit

(2016/C 153/07)

1.   Daħla

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun beħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jinġieb fi tmiemu xi ksur u l-partijiet ikkonċernati joffru li jimpenjaw ruħhom li jindirizzaw it-tħassib li tkun qaltilhom bih il-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li torbot lill-impriżi b’dawk l-impenji. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u fiha għandu jiġi konkluż li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien għal dan stabbilit mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 ma ssib l-ebda ksur.

2.   Sommarju tal-Każ

(2)

Fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “DO”) skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (2) li kienet tikkonċerna ksur allegat tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE min-naħa tal-kumpanija Markit li jaffettwa s-suq tad-derivattivi ta’ kreditu mhux iffinanzjati nnegozjati barra l-Borża u s-suq potenzjali tad-derivattivi ta’ kreditu mhux iffinanzjati nnegozjati fil-borża. DO tista’ sservi bħala valutazzjoni preliminari għall-finijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(3)

Skont id-DO, jista’ jkun hemm migrazzjoni ta’ darba biss f’direzzjoni waħda mis-suq ta’ negozjar tad-derivattivi ta’ kreditu barra l-Borża lejn is-suq potenzjali ta’ negozjar tad-derivattivi ta’ kreditu fil-borża, minħabba li s-swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “is-CDS”) jew il-futuri ta’ kreditu nnegozjati fil-borża jkunu sostituti raġonevoli għas-CDS likwidi u standardizzati nnegozjati barra l-Borża. Filwaqt li, fin-negozjar barra l-Borża, il-banek tal-investiment hemm bżonnhom bħala intermedjarji bilaterali bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa, huma għandhom rwol importanti bħala fornituri tal-likwidità fil-fażi tal-bidu tan-negozjar fil-borża u wara ma jibqgħux aktar l-intermedjarji f’ambjent tan-negozjar anonimu u fejn kulħadd jinnegozja ma’ kulħadd.

(4)

Il-kumpanija Markit hija kumpanija li toffri informazzjoni u servizzi finanzjarji, li tiġbor id-dejta dwar id-derivattivi ta’ kreditu u klassijiet tal-assi oħrajn u tagħtihom valur monetarju. Fl-2008, il-kumpanija Markit kellha d-drittijiet kollha għall-indiċijiet iTraxx u CDX (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “l-indiċijiet”) - drittijiet li kienet akkwistat is-sena ta’ qabel mingħand ċerti aġenti tas-CDS. L-aġenti komplew ikollhom rwol importanti fil-kumitati konsultattivi tal-kumpanija Markit dwar l-indiċijiet, fosthom billi taw pariri lil din il-kumpanija dwar il-ħruġ tal-liċenzji għall-indiċijiet għal tipi ta’ prodotti ġodda. Skont id-DO, fl-2008, il-fond ħeġġ Citadel u ċ-Chicago Mercantile Exchange riedu jniedu n-negozjar tas-CDS fil-borża permezz ta’ impriża konġunta (is-CMDX). Huma kellmu lill-kumpanija Markit sabiex toħorġilhom liċenzja għall-indiċijiet iTraxx u CDX biex iniedu pjattaforma li tippermetti lill-utenti jinnegozjaw is-CDS kemm barra l-Borża kif ukoll, biż-żmien, f’ambjent fejn kulħadd jinnegozja ma’ kulħadd (fosthom permezz ta’ bażi tad-dejta ċċentralizzata ta’ ordnijiet tal-limitu, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “is-CLOB”). Il-kumpanija Markit allegatament irrifjutat li toħroġ liċenzja għall-indiċijiet iTraxx u CDX għal finijiet oħrajn minbarra dawk ta’ negozjar u kklerjar barra l-Borża f’sistema ta’ talba għal kwotazzjoni. Skont id-DO, il-kumpanija Markit eskludiet biċ-ċar in-negozjar permezz tas-CLOB mill-ambitu tal-liċenzja tagħha, u eskludiet in-negozjar kollu f’ambjent fejn kulħadd jinnegozja ma’ kulħadd.

(5)

Id-DO qajmet tħassib preliminari marbut mal-kompetizzjoni li dan l-aġir seta’ ma ħalliex lill-fond ħeġġ Citadel u liċ-Chicago Mercantile Exchange milli jniedu b’suċċess pjattaforma għan-negozjar tad-derivattivi ta’ kreditu fil-borża. Skont id-DO, il-kumpanija Markit iddeċidiet li ma tagħtix liċenzja għall-indiċijiet għall-finijiet tan-negozjar fil-borża wara li kkonsultat mal-aġenti tas-CDS fit-tliet kumitati konsultattivi tagħha dwar l-indiċijiet.

(6)

Skont id-DO, l-allegat rifjut tal-kumpanija Markit kien jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li rrestrinġiet il-kompetizzjoni potenzjali fis-sens tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

3.   Il-kontenut prinċipali tal-impenji offruti

(7)

Il-kumpanija Markit ma taqbilx mal-konklużjonijiet preliminari tad-DO. Madankollu, hija offriet impenji marbutin mal-aġir u mal-organizzazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 biex tindirizza t-tħassib preliminari tal-Kummissjoni marbut mal-kompetizzjoni. L-elementi ewlenin tal-impenji huma deskritti hawn taħt.

(a)   Impenji marbutin mal-aġir

(8)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ tal-liċenzji, il-kumpanija Markit timpenja ruħha li taġixxi u li toħroġ il-liċenzji b’mod ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju (FRAND) bi tweġiba għat-talbiet għal-liċenzji biex jinħolqu u/jew jiġu nnegozjati prodotti finanzjarji nnegozjati fil-borża (inklużi swaps, futuri u prodotti tal-opzjonijiet) abbażi ta’ indiċi iTraxx jew CDX jew ta’ prodott suċċessur. Sal-punt li liċenzja eżistenti li ħarġet il-kumpanija Markit ikun għadha teskludi l-użu ta’ indiċi għan-negozjar fil-borża, il-kumpanija Markit timpenja ruħha li temenda t-tali liċenzja jew li toffri waħda ġdida b’termini u kundizzjonijiet FRAND. Il-kumpanija Markit tista’ ma taċċettax talba għal liċenzja għal Indiċi b’termini u kundizzjonijiet FRAND:

(a)

meta l-prodott propost innegozjat fil-borża joħloq riskji legali jew regolatorji sinifikanti jew riskji sinifikanti ħafna għar-reputazzjoni tal-kumpanija u/jew għall-indiċijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod suffiċjenti b’dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà jew b’dispożizzjonijiet kuntrattwali oħrajn; jew

(b)

meta ċ-ċentru tan-negozjar ma jkollux biżżejjed esperjenza u riżorsi biex jiżviluppa u jniedi l-prodott propost innegozjat fil-borża. It-tnedija ta’ prodott ġdid minnha nnifisha ma tfissirx li m’hemmx bizzejjed esperjenza.

(9)

Meta liċenzja eżistenti jkun fiha perjodu ta’ esklussività, l-impenji għandhom jibdew japplikaw biss wara li jiskadi l-perjodu obbligatorju ta’ esklussività, safejn dawk l-impenji u dawk it-termini tal-esklussività ma jkunux kompatibbli. Ma jistgħux jingħataw perjodi ġodda ta’ esklussività. L-impenn li timxi b’termini u kundizzjonijiet FRAND ma jfissirx li l-kumpanija Markit ma tistax tagħti termini preferenzjali jew vantaġġużi għal perjodu inizjali ta’ mhux aktar minn sentejn jekk ikun hemm bżonn ta’ investimenti materjali bil-quddiem għall-ħolqien u għall-iżvilupp ta’ prodott ġdid ibbażat fuq indiċi u jekk il-parteċipanti li jixxiebhu jiġu ttrattati bl-istess mod.

(10)

Il-kumpanija Markit se tfittex li tiftiehem ma’ parti rikjedenti fi żmien tliet xhur minn meta ssir talba għal liċenzja skont termini u kundizzjonijiet FRAND, iżda t-tali perjodu ta’ negozjar jista’ jittawwal għal sitt xhur f’ċerti ċirkustanzi. Ladarba jidħol fis-seħħ l-Artikolu 37(1) tar-Regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MIFIR) (3), it-tali perjodu ta’ negozjar ma jistax jaqbeż it-tul ta’ żmien previst f’dak ir-Regolament, li bħalissa huwa ta’ tliet xhur. Jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jiftehmu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet sa tmiem il-perjodu ta’ negozjar, il-parti rikjedenti tista’ titlob lill-kumpanija Markit bil-miktub biex il-kwistjoni tintbagħat għand parti terza indipendenti għall-arbitraġġ sabiex din tiddeċiedi dwar il-proċedura u l-metodu adattati biex jiġu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet FRAND.

(11)

It-tilwim dwar l-istabbiliment tat-termini FRAND, jew dak li jinqala’ minħabba li jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ liċenzja abbażi tal-affarijiet meqjusin fil-paragrafu (8)(a) u (b) t’hawn fuq, se jitressaq għall-arbitraġġ quddiem bord tal-arbitraġġ magħmul minn tliet arbitri li d-deċiżjoni tagħhom tkun vinkolanti. L-arbitraġġ se jkun irregolat mil-liġijiet tal-Ingilterra u ta’ Wales u se jkun suġġett għar-regoli tal-Qorti tal-Arbitraġġ Internazzjonali ta’ Londra. Jekk l-arbitri ma jeħdux deċiżjoni fi żmien disa’ xhur, il-parti rikjedenti tista’ tressaq il-każ quddiem il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales.

(b)   Impenji marbutin mal-organizzazzjoni

(12)

Il-kumpanija Markit timpenja ruħha li żżid l-għadd ta’ membri fiż-żewġ kumitati konsultattivi li għadhom jeżistu dwar l-indiċijiet tas-CDS (l-IMC u s-CDX) (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-kumitati”), li se jkunu jinkludu firxa ta’ parteċipanti rilevanti tas-suq minbarra l-aġenti tas-CDS. Il-kumitati se jkollhom tal-inqas 25 membru, fosthom sa erba’ persuni li jkunu ġeneraturi tas-suq jew fl-indiċi jew fis-suq sottostanti li ma jkunux aġenti kbar, tal-inqas sitt kumpaniji jew maniġers tal-assi oħrajn min-naħa tax-xiri li ma jkunux aġenti, u tal-inqas ħames pjattaformi tan-negozjar, boroż, kmamar tal-ikklerjar jew parteċipanti tas-suq interessati bl-istess mod. Il-membri se jkunu membri għal sentejn (perjodu li jista’ jittawwal), is-sħubija se ddur minn parteċipant għall-ieħor, u tal-inqas nofs il-membri inizjali f’kull kategorija għandhom jinbidlu wara l-ewwel sena.

(13)

Barra minn hekk, il-kumpanija Markit timpenja ruħha li temenda t-termini ta’ referenza tal-kumitati sabiex tillimita d-diskussjonijiet għal kwistjonijiet tekniċi, operattivi u amministrattivi. Il-kumpanija Markit se tipprojbixxi d-diskussjonijiet dwar id-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ tal-liċenzji jew dwar it-termini, l-aspetti kummerċjali jew il-proposti dwar il-ġenerazzjoni tad-dħul marbutin mal-indiċijiet CDX u iTraxx, dwar il-merti tal-prodotti finanzjarji nnegozjati fil-borża ġodda proposti li jirreferu għat-tali indiċijiet, jew dwar il-merti ta’ kull borża ġdida jew pjattaforma simili maħsuba għan-negozjar ta’ prodotti li jirreferu għat-tali indiċijiet (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “il-kwistjonijiet esklużi”). Avukat tal-kumpanija Markit se jattendi u jirreġistra l-laqgħat u l-konferenzi bit-telefown kollha, u se jieħu l-minuti tagħhom bil-miktub. Il-kumpanija Markit se żżomm dawn il-minuti u dawn ir-reġistrazzjonijiet, kif ukoll id-dokumenti kollha li jiġu ppreżentati lill-membri għad-diskussjoni waqt dawn il-laqgħat u l-konferenzi, għal perjodu ta’ ħames snin.

(14)

Il-kumpanija Markit se taħtar trustee inkarigat mill-monitoraġġ wara li l-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha. Ta’ kull sena, it-trustee se jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar il-konformità tal-kumpanija Markit mal-impenji proposti. B’mod partikulari, it-trustee inkarigat mill-monitoraġġ se jivverifika li l-aġenti ma jinfluwenzawx b’mod mhux dovut id-deċiżjonijiet tal-kumpanija Markit dwar il-ħruġ tal-liċenzji fil-kumitati u li fihom ma tiġi diskussal-ebda kwistjoni li hija eskluża.

(15)

F’dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà tal-prezz finali b’termini FRAND fil-ġejjieni għal kull entità legali rikjedenti, il-kumpanija Markit se tneħħi mis-sit web www.creditfixings.com il-klawżoli li jeskludu l-użu tal-prezz finali għan-negozjar fil-borża u mhux se titlob liċenzja għall-prezz finali jew titlob royalties f’każijiet fejn l-ISDA tkun ħarġet liċenzja.

(16)

Il-kumpanija Markit timpenja ruħha li timplimenta dawn l-impenji għall-perjodu taż-żmien li matulu tibqa’ s-sid tal-indiċijiet u għal kemm iddum tikkontrollahom, jew għal perjodu ta’ għaxar snin, skont liema minnhom ikun l-ewwel, b’effett mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(17)

L-impenji huma ppubblikati fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html.

4.   Stedina għall-kummenti

(18)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-impenji mniżżlin fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni huma vinkolanti.

(19)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma mistiedna jibagħtu wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tinbidel kif xieraq b’sommarju mhux kunfidenzjali u bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “informazzjoni kunfidenzjali”. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-partijiet terzi jistgħu jibagħtu wkoll il-kummenti tagħhom fuq bażi anonima u meta jsir dan jistgħu jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali li tħalli barra l-identità tal-kumpanija.

(20)

Preferibbilment, l-osservazzjonijiet u l-kummenti għandhom ikunu motivati u għandhom jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli għaliha.

(21)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni, bin-numru ta’ referenza AT.39745 CDS Information Market, jew bil-posta elettronika (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu) jew inkella bil-posta fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Ir-Reġistru tal-Antitrust

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE rispettivament. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ din in-notifika, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn dan ikun applikabbli.

(2)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).