19.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/29


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

ASL/Arianespace

(M.7724)

(2017/C 438/08)

1.

Fit-8 ta' Jannar 2016, il-Kummisjoni Ewropea rċeviet avviż ta' konċentrazzjoni proposta (it-“Tranżazzjoni Proposta”) li permezz tagħha Airbus Safran Launchers (“ASL”, Franza), joint venture kkontrollata b'mod konġunt minn Airbus Group S.E. (“Airbus”, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Safran S.A. (“Safran”, Franza), jakkwistaw il-kontroll waħdieni ta' Arianespace Participation S.A. u Arianespace S.A. (flimkien, “Arianespace”, Franza). Airbus, Safran u ASL huma minn issa 'l quddiem msemmija bħala l-“Partijiet”.

2.

Fl-1 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni infurmat lill-Partijiet dwar preokkupazzjonijiet li jirriżultaw minn valutazzjoni preliminari tat-Tranżazzjoni Proposta waqt il-laqgħa tas-“Sitwazzjoni Bħalissa”. Sussegwentement, il-Partijiet ipproponew impenji fil-5 ta' Frar 2016, u abbozz ta' impenji riveduti fid-9 ta' Frar 2016.

3.

Fis-26 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2). F'din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-impenji proposti ma ppermettietx li jkun eskluż it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat fl-ewwel fażi tal-investigazzjoni.

4.

Fil-11 ta' Marzu 2016, il-Partijiet ippreżentaw kummenti bil-miktub dwar id-Deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedimenti.

5.

Fit-22 ta' Marzu 2016, b'talba motivata, jiena ppermettejt li Avio s.p.a., kompetitur ta' ASL, jinstema' bħala terza persuna interessata skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. Fl-24 ta' Ġunju 2016, fuq talba raġunata tagħhom, jiena ammettew ukoll MacDonald, Dettwiler u Associates Ltd (il-Kanada) u s-sussidjarja tagħha ta' Space Systems/Loral (l-Istati Uniti tal-Amerika), kompetitriċi ta' Airbus, bħala terzi persuni interessati.

6.

Fl-1 ta' April 2016, skont l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, it-tielet sentenza tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-perjodu tat-tieni fażi għar-rieżami tat-Tranżazzjoni Proposta ġie estiż b'għaxart ijiem ta' xogħol. Fis-27 ta' April 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi dan il-perjodu ta' rieżami b'għaxart ijiem ta' xogħol oħra, fuq l-istess bażi legali.

7.

Il-Partijiet ippreżentaw l-ewwel sett ta' impenji proposti fl-4 ta' Mejju 2016. Fuq il-bażi tar-reazzjonijiet li ħarġu mill-ittestjar tal-Kummissjoni tas-suq immirat ta' dan il-pakkett, il-Partijiet offrew impenji riveduti fl-20 ta' Mejju 2016.

8.

Il-Kummissjoni ma ħarġitx dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni dwar l-Għaqdiet (3). Skont dan, ma kien hemm l-ebda smigħ orali formali f'konformità mal-Artikolu 14 ta' dan ir-Regolament.

9.

L-abbozz tad-Deċiżjoni jiddikjara t-Tranżazzjoni Proposta, kif modifikata mill-impenji offruti mill-Partijiet fl-20 ta' Mejju 2016, bħala kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE, soġġetta għall-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet maħsuba biex jassiguraw li l-Partijiet jikkonformaw ma' dawn l-impenji.

10.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jiena eżaminajt jekk l-abbozz tad-Deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom. Nikkonkludi li dan hu minnu.

11.

B'mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul il-proċedimenti preżenti

Brussell, il-11 ta' Lulju 2016.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta' referenza tal-uffiċjal tas-seduta f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1; rettifika ĠU L 172, 6.5.2004, p. 9).