|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/142 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1710 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0086/2022), |
|
A. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u li jiġi implimentat il-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani; |
|
B. |
billi l-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali, protett mil-liġi Ewropea u minqux fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
|
C. |
billi l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-konformità mar-regoli relatati mal-protezzjoni tal-individwi, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali dwarhom, għandha tkun soġġetta għal kontroll minn awtorità indipendenti; |
|
D. |
billi r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi l-istabbiliment ta’ awtorità indipendenti, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Kontrollur”), responsabbli mill-protezzjoni u l-garanzija tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza, u inkarigat biex jiżgura li l-istituzzjonijiet u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jħaddnu kultura b’saħħitha ta’ protezzjoni tad-data; |
|
E. |
billi l-Kontrollur iwettaq il-funzjonijiet tiegħu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data (DPA) sħab bħala parti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), u jservi l-interess pubbliku filwaqt li jkun iggwidat mill-prinċipji tal-imparzjalità, l-integrità, it-trasparenza u l-pragmatiżmu; |
|
F. |
billi l-Kontrollur għandu jiddelega s-setgħat tal-Uffiċjal Awtorizzanti lid-Direttur f’konformità mal-karta tal-kompiti u r-responsabbiltajiet li jikkonċernaw il-baġit u l-amministrazzjoni tal-Kontrollur ipprovduti f’konformità mal-Artikolu 72(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), filwaqt li l-funzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kontrollur għandha titwettaq mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-1 ta’ Marzu 2017; |
|
G. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 għamlitha neċessarja għall-Kontrollur li jirrieżamina u jadatta l-funzjonament intern u l-metodi ta’ ħidma tiegħu sabiex ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu; |
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) ma identifikat l-ebda nuqqas sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati b’relazzjoni mar-riżorsi umani u l-akkwist għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“il-Kontrollur”); |
|
2. |
Jenfasizza l-fatt li abbażi tal-ħidma ta’ awditjar tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għan-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet, inkluża dik tal-Kontrollur, kienu ħielsa minn żball materjali għas-sena finanzjarja 2020; jilqa’ l-fatt li ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni speċifika mill-Qorti dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet; |
|
3. |
Huwa konxju li l-Kapitolu 9 “Amministrazzjoni” tar-Rapport Annwali tal-Qorti huwa ffukat fuq in-nefqa fuq ir-riżorsi umani, il-bini, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni u li l-Qorti tindika li dan l-infiq huwa ta’ riskju baxx; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
4. |
Jinnota li fl-2020, il-Kontrollur ġie allokat baġit ta’ EUR 19 476 998, li jirrappreżenta żieda ta’ 16,3 % meta mqabbel mal-baġit tal-2019 ta’ EUR 16 638 572; jifhem li ż-żieda ġenerali kienet prinċipalment dovuta għall-impatt tal-kompiti l-ġodda stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 (imsejjaħ ukoll il-“GDPR għall-EUIs”) u r-responsabbiltajiet superviżorji l-ġodda b’rabta mal-aġenziji ta’ infurzar u kooperazzjoni ġudizzjarja, bħal, fost l-oħrajn, l-UPPE u l-Eurojust; josserva li elementi oħrajn li kkontribwew għaż-żieda kienu l-konsolidazzjoni tas-Segretarjat tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) operat mill-Kontrollur, l-istrateġija tal-Kontrollur għall-2020-2024, li hija marbuta mal-mandat il-ġdid, u l-indennizzi temporanji previsti għat-tmiem tal-mandat tal-Kontrollur preċedenti; |
|
5. |
Jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-baġit (73 % fl-2020, meta mqabbla ma’ 91,97 % fl-2019); josserva li, b’mod partikolari, dan l-impatt huwa viżibbli fuq il-baġits għall-missjonijiet u għat-taħriġ (eżekuzzjoni ta’ inqas minn 17 %) u fuq l-organizzazzjoni ta’ laqgħat, inklużi r-rimborż għall-esperti u l-catering (eżekuzzjoni ta’ inqas minn 15 %); jinnota li l-iffrankar li jirriżulta jammonta għal EUR 2 183 000, li jirrappreżenta 11 % tal-konsum ġenerali tal-baġit; |
|
6. |
Jinnota li, barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt indirett fuq partijiet oħrajn tal-baġit li ma jistgħux jiġu kkwantifikati b’mod preċiż, bħalma huma l-linji tal-baġit tas-salarji, li ġew affettwati b’mod negattiv minħabba dewmien fir-reklutaġġ ippjanat għall-2020, u l-linja baġitarja tal-bini, li kienet affettwata minn dewmien fl-okkupazzjoni sħiħa tal-bini, li għadha kondiviża mal-Ombudsman Ewropew; |
|
7. |
Josserva li, bħala konsegwenza taż-żieda fil-persunal tal-Kontrollur fl-2019, il-linji baġitarji ddedikati għas-salarju tal-uffiċjali u tal-membri kuntrattwali tal-persunal żdiedu bi 22 %; jifhem li, minħabba s-sehem kbir tal-baġit ġenerali ddedikat għall-ispejjeż relatati mar-riżorsi umani, id-dewmien fil-proċeduri ta’ reklutaġġ (ukoll konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19) kellu impatt negattiv fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit kollu kemm hu; |
|
8. |
Jinnota li l-investiment tal-Kontrollur fit-trasformazzjoni diġitali tiegħu tal-anqas ikkompensa parzjalment ir-rata baxxa ta’ eżekuzzjoni tal-baġit peress li l-linji baġitarji relatati mal-IT għall-Kontrollur u għall-EDPB qabżu l-allokazzjoni inizjali (109 %); josserva li l-approprjazzjonijiet tal-baġit ġew ittrasferiti minn missjonijiet, vjaġġi, traduzzjoni u interpretazzjoni għall-finanzjament ta’ spejjeż oħra tal-persunal u ta’ tagħmir u servizzi tal-IT; |
|
9. |
Jinnota li, minn 36 proċedura ta’ akkwist imnedija mill-Kontrollur fl-2020, waħda biss kienet proċedura miftuħa u l-bqija kienu proċeduri nnegozjati, inklużi 5 proċeduri mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż dwar kuntratt; jirrikonoxxi l-isfidi ta’ akkwist iffaċċjati mill-Kontrollur u li minħabba d-daqs żgħir tal-istituzzjoni, il-Kontrollur jipparteċipa fi proċeduri ta’ akkwist konġunti, peress li huma aktar effiċjenti mill-perspettiva finanzjarja, filwaqt li fl-istess ħin irid japplika l-aktar standards stretti tal-protezzjoni tad-data fuq tali proċeduri, li probabbilment ikkontribwew ukoll għall-implimentazzjoni baxxa tal-baġit fl-2020; |
|
10. |
Jilqa’ l-isforzi li għaddejjin tal-Kontrollur biex isir istituzzjoni mingħajr karti, inkluża l-kontinwazzjoni ta’ intervisti mingħajr karti fl-2020, l-intenzjoni li jawtomatizza r-rapporti ta’ valutazzjoni, prova u evalwazzjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ moduli ġodda fl-interfaċċja tar-riżorsi umani fl-2021, u l-implimentazzjoni fl-2020 ta’ sistemi ta’ finanzjament mingħajr karti fir-rigward tal-ipproċessar tal-pagamenti, il-ġestjoni tal-baġit u l-akkwist; |
Ġestjoni interna, prestazzjoni, kontroll intern
|
11. |
Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għall-mewt tal-Kontrollur, Giovanni Buttarelli, f’Awwissu 2019; jieħu nota li Wojciech Wiewiorowski ħa l-kariga f’Diċembru 2019 għal perjodu ta’ 5 snin; jaqbel li l-fatt li s-Sur Wiewiorowski kien qed jaħdem bħala Assistent Kontrollur, u għalhekk għandu għarfien tajjeb tal-istituzzjoni, ikkontribwixxa għall-mitigazzjoni tal-isfida tat-tranżizzjoni; |
|
12. |
Jilqa’ l-adozzjoni tal-għodda l-ġdida ta’ ġestjoni “Bluebell”, żviluppata mill-ERCEA (Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka), li tippermetti tbassir u monitoraġġ aħjar tal-eżekuzzjoni attwali tal-linji baġitarji abbażi tad-data mtellgħa mill-unitajiet operazzjonali, bil-benefiċċju li jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-interventi manwali u li d-data ssir aktar affidabbli; |
|
13. |
Jinnota li fl-2020 il-proċessi ta’ ħidma ġew aġġustati b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, u l-firem u l-proċeduri kollha fuq il-karta ġew diġitalizzati, u dan irriżulta fi proċessi amministrattivi aktar effiċjenti u rapidi; jifhem li l-Kontrollur kien obbligat jipposponi l-awditi fuq il-post peress li l-ġestjoni ta’ data sensittiva ma ppermettietx li dawn jitwettqu mill-bogħod; |
|
14. |
Jinnota li l-laqgħat fiżiċi ġew sostitwiti b’laqgħat online, li jiswew inqas u jieħdu inqas żmien; josserva li s-sostituzzjoni ta’ laqgħat fiżiċi kellha impatt akbar fuq il-laqgħat tal-EDPB, li kienu jsiru kull xahar jew kull xahrejn, bi spejjeż kbar għall-ivjaġġar u l-interpretazzjoni, u ġew sostitwiti b’laqgħat virtwali kull ġimagħtejn; |
|
15. |
Jilqa’ li, f’Ġunju 2020, il-Kontrollur ħareġ l-Istrateġija tiegħu għall-2020-2024 “Insawru futur diġitali aktar sikur: strateġija ġdida għal deċennju ġdid” iffukata fuq it-tliet pilastri tal-previżjoni, l-azzjoni u s-solidarjetà, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi diġitali għal futur aktar sikur, aktar ġust u aktar sostenibbli; josserva li l-Kontrollur fassal tmien Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) ċari biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija; jirrimarka li f’5 minn 8 KPIs il-miri jew intlaħqu jew inqabżu fl-2020, b’mod partikolari l-għadd ta’ każijiet ittrattati fil-livell internazzjonali (42 każ meta mqabbla ma’ mira ta’ 10) u l-għadd ta’ opinjonijiet jew kummenti maħruġa b’reazzjoni għall-konsultazzjonijiet (5 opinjonijiet u 12-il kumment formali meta mqabbla ma’ mira ta’ 10 każijiet); jenfasizza li l-KPIs imsemmija juru r-rwol kruċjali tal-Kontrollur fir-rispons tal-Unjoni għall-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-garanzija tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza; |
|
16. |
Jinnota li biex iwettaq il-kontrolli ex ante tat-tranżazzjonijiet tiegħu, kemm għall-aspetti operazzjonali kif ukoll għal dawk finanzjarji, il-Kontrollur integra l-listi ta’ kontroll aġġornati fis-sistema tal-fluss tax-xogħol elettronika l-ġdida “Speedwell”, li hija konnessa mas-sistema kontabilistika u tiffaċilita l-kontrolli bażiċi applikati għall-pagamenti u għall-impenji; |
|
17. |
Jinnota li, minħabba organizzazzjoni mill-ġdid interna fl-aħħar tal-2019, il-verifikatur ex post preċedenti ġie użat fi ħdan it-Tim tal-Finanzi u għalhekk, ma setax iwettaq il-kontroll ex post biex jiġi evitat ir-riskju ta’ awtorieżami; jifhem l-isfida għal istituzzjoni żgħira li ssib sostituzzjoni b’fehim dettaljat tal-qafas legali u regolatorju finanzjarju, minkejja li jkun nieda sejħa għal espressjonijiet ta’ interess; iħeġġeġ lill-Kontrollur jesplora u jimplimenta l-aktar alternattiva xierqa fost dawk li diġà ġew identifikati fir-rapport annwali tiegħu; |
|
18. |
Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu tal-attivitajiet tal-Kontrollur meta kien qed jissorvelja lill-Europol, bl-għan li jivvaluta l-adegwatezza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern għall-attivitajiet superviżorji relatati mal-Europol; jilqa’ l-fatt li l-awdituri rrikonoxxew l-isforzi kontinwi li saru mill-Kontrollur biex itejjeb l-arranġamenti ta’ governanza u s-sistemi ta’ kontroll intern għas-superviżjoni tal-Europol; huwa konxju li r-rapport tal-awditjar finali nħareġ f’Settembru, li ftit wara li l-Kontrollur issottometta pjan ta’ azzjoni lill-IAS li jkopri r-rakkomandazzjonijiet kollha li l-IAS qies li huma adegwati sabiex jiġu mmitigati r-riskji identifikati; jirrimarka li tali riskji kienu prinċipalment relatati ma’ nuqqasijiet fis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur u rriżultaw mit-trattament ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u klassifikata permezz ta’ sistemi tal-IT; |
Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal
|
19. |
Jinnota li fl-2020, il-Kontrollur kellu total ta’ 113-il membru tal-persunal, meta mqabbel ma’ 96 fl-2019; jenfasizza li fl-2020 ingħataw għoxrin pożizzjoni ġdida mill-awtoritajiet baġitarji biex ikopru r-responsabbiltajiet addizzjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725, kompiti superviżorji ġodda b’rabta mal-aġenziji tal-infurzar u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u responsabbiltajiet ġodda wara l-konsolidazzjoni tal-EDPB li għalihom il-Kontrollur jipprovdi Segretarjat indipendenti; |
|
20. |
Jinnota r-rata baxxa ħafna ta’ okkupazzjoni (86,90 %) tal-pjan ta’ stabbiliment; jifhem li l-Kontrollur uża l-lista ta’ riżerva ta’ 33 espert tal-protezzjoni tad-data li tirriżulta mill-kompetizzjoni tal-2018 u rrekluta wkoll persunal bil-kuntratt biex jimla l-ħtiġijiet jew il-pożizzjonijiet speċifiċi li kienu vakanti fuq bażi temporanja minħabba assenzi twal; jinnota l-isfidi ffaċċjati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu attirati esperti f’oqsma speċifiċi, minħabba, fost l-oħrajn, il-kompetittività limitata u l-attraenza tas-salarji; jisħaq b’mod partikolari fuq l-isfida għall-Kontrollur fir-reklutaġġ ta’ persunal speċjalizzat ħafna għall-protezzjoni tad-data permezz tal-EPSO u jifhem il-ħtieġa li jiġu organizzati kompetizzjonijiet speċjalizzati biex jibnu fuq l-għarfien u l-esperjenza miksuba mill-persunal bil-kuntratt; iħeġġeġ lill-Kontrollur ikompli bi prattiki tajbin fil-proċeduri ta’ reklutaġġ ivvalidati minn istituzzjonijiet oħra, b’mod partikolari intervisti mill-bogħod u testijiet online; |
|
21. |
Jinnota l-bidla favorevoli fid-distribuzzjoni ġeografika tal-persunal kollu kemm hu, meta jitqies id-daqs tal-istituzzjoni, b’20 Stat Membru rrappreżentati fl-2020; jilqa’ l-introduzzjoni ta’ 3 nazzjonalitajiet meta mqabbla mal-2019, u jinnota tnaqqis fis-sehem sproporzjonat ta’ karigi okkupati minn ċittadini Belġjani (minn 27 % għal 23 %); jinnota li ma hemm l-ebda bidla fid-distribuzzjoni ġeografika tal-pożizzjonijiet maniġerjali intermedji u superjuri; jifhem li l-ħtieġa ta’ profili speċjalizzati biex jissodisfaw il-mandat tal-Kontrollur tista’ tillimita l-bordijiet tas-selezzjoni meta jitqies l-aspett ġeografiku u jħeġġeġ lill-Kontrollur jikkunsidra passi ulterjuri biex jipprovdi rappreżentanza aktar bilanċjata; |
|
22. |
Jistieden lill-Kontrollur ikompli jagħti attenzjoni lil kwistjonijiet relatati mal-bilanċ bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u d-distribuzzjoni ġeografika, b’mod partikolari matul il-proċeduri tal-għażla; jissuġġerixxi li l-Kontrollur jikkunsidra taħriġ obbligatorju dwar il-preġudizzju inkonsapevoli tal-ġeneri u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ opportunitajiet ugwali għall-maniġers u l-membri tal-bordijiet tas-selezzjoni; |
|
23. |
Jinnota li kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020, il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali baqa’ kostanti, b’madwar 58 % li huwa magħmul minn nisa u 42 % li huwa magħmul minn irġiel; josserva li, fil-livell tal-maniġment intermedju, iċ-ċifri jibqgħu l-istess bħall-2019 b’75 % nisa u 25 % irġiel; jinnota li, kif kien il-każ fl-2019, iż-żewġ pożizzjonijiet maniġerjali superjuri huma okkupati mill-irġiel; jilqa’ l-fatt li l-istrateġija għall-2020-2024 tinkludi impenn għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru, b’appoġġ għall-Istrateġija għal Opportunitajiet indaqs (“EO”) approvata fl-2017; |
|
24. |
Jinnota li l-Kontrollur joffri diversi arranġamenti tax-xogħol u li l-persunal kollu jibbenefika minn ħin flessibbli, minbarra dawk li jirċievu l-indennizz tal-maniġment; josserva li qabel il-pandemija tal-COVID-19, in-nisa kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-utenti tal-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, jiġifieri t-telexogħol (61,6 % fl-2019 u 67,5 % fl-2020), ir-reġim ta’ xogħol part-time (89 % fl-2019 u 87,5 % fl-2020), il-liv tal-ġenituri (87 % fl-2019 u 90 % fl-2020) u krediti tal-ħin (100 % kemm fl-2019 kif ukoll fl-2020); jisħaq fuq l-iżbilanċ sproporzjonat bejn il-ġeneri fost l-utenti u għalhekk, jitlob lill-Kontrollur biex jinvolvi ruħu f’komunikazzjoni aktar intensa dwar il-vijabbiltà u l-benefiċċji ta’ dawn l-arranġamenti, jiġifieri sessjonijiet ta’ informazzjoni obbligatorji għall-impjegati l-ġodda, u biex jiġi żgurat li l-użu tal-arranġamenti tax-xogħol disponibbli bl-ebda mod ma jkun ta’ detriment għall-progress fil-karriera tal-impjegati; |
|
25. |
Jinnota li, b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, fit-12 ta’ Marzu 2020, il-Kontrollur adotta t-telexogħol bħala r-reġim ġenerali u fid-19 ta’ Marzu 2020 adotta d-deċiżjoni tiegħu li jestendi r-reġim tat-telexogħol sat-13 ta’ April 2020; jissottolinja li t-telexogħol intuża b’mod intensiv bħala għodda ta’ flessibbiltà biex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-operat u biex jiġu ffaċilitati l-membri tal-persunal fl-immaniġġjar tal-kundizzjonijiet diffiċli imposti mill-pandemija tal-COVID-19 u jinnota li, għaldaqstant, l-ebda kariga ma ġiet eskluża; josserva li fl-2020 il-Kontrollur ħareġ “Gwida dwar it-Telexogħol”; huwa konxju li, fil-ħarifa tal-2020, ir-reġim tat-telexogħol huwa biss parzjali u li l-aċċess għall-bini tal-istituzzjoni żdied gradwalment f’konformità mas-sitwazzjoni sanitarja; |
|
26. |
Jindika li “Deċiżjoni tad-Direttur dwar it-telexogħol minn barra l-pajjiż” ippermettiet it-telexogħol minn barra l-pajjiż matul il-perjodu mill-15 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru 2020, sakemm il-jiem tat-telexogħol ġew ikkombinati ma’ ammont ugwali ta’ liv annwali; jemmen li miżura eċċezzjonali bħal din kienet iġġustifikata bis-sħiħ mill-ħtieġa li tiġi akkomodata aħjar il-ħajja privata u personali tal-membri tal-persunal matul il-perjodu ta’ lockdown; |
|
27. |
Jinnota li ġie pprovdut tagħmir tal-IT għat-telexogħol lill-membri kollha tal-persunal skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) fis-seħħ mal-Parlament mingħajr ebda spiża addizzjonali; josserva li l-membri tal-persunal ingħataw il-possibbiltà ta’ rimborż għal skrin akbar u siġġu ergonomiku (sa EUR 150 u EUR 200 rispettivament) mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS); |
|
28. |
Jilqa’ l-fatt li f’Marzu 2020, il-Kontrollur adotta linji gwida biex jirrikonoxxi, jipprevjeni u jimmaniġġja l-istress eċċessiv u li t-taħriġ iffoka fuq il-ġestjoni tal-istress u l-bini tar-reżiljenza b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-istress eċċessiv fuq l-aġenda għall-2021; iħeġġeġ lit-tim maniġerjali jindirizza minnufih kwalunkwe sintomu ta’ stress eċċessiv possibbli u janalizza l-kawżi; |
|
29. |
Jinnota li ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ fastidju fl-2020, u japprezza li l-Kontrollur iffirma, f’Diċembru 2020, reviżjoni tad-deċiżjoni tiegħu kontra l-fastidju sabiex jiċċara d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti; jilqa’ l-fatt li r-rwol tal-konsulent kunfidenzjali ġie żviluppat aktar u li ġiet stabbilita l-proċedura ta’ ħatra tiegħu; jesprimi dispjaċir għall-fatt li ma ġie organizzat l-ebda kors ta’ taħriġ dwar il-fastidju jew l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta fl-2020 u jistieden lill-Kontrollur biex jagħmel użu sħiħ mill-kanali diġitali biex jipprovdi u jaġġorna tali taħriġ perjodikament għall-membri kollha tal-persunal (minbarra l-impjegati l-ġodda); japprezza li l-Kontrollur beda joffri preżentazzjoni obbligatorja dwar il-fastidju lill-impjegati l-ġodda fl-2021 matul il-jiem ta’ merħba; |
|
30. |
Jilqa’ l-istabbiliment tal-koordinatur tal-benesseri, li se jkun il-punt ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet kollha tal-persunal f’dan il-qasam u se jikkollabora ma’ atturi ewlenin oħra biex jiżgura li jiġu organizzati attivitajiet orjentati lejn il-benesseri u; |
|
31. |
Jinnota li b’kollox ġew reklutati 16-il trainee fl-2020 fuq żewġ sessjonijiet, f’Marzu u Lulju 2020; jilqa’ l-fatt li t-trainees kollha tħallsu mill-Kontrollur, għalkemm bl-intermedjazzjoni tad-DĠ EAC tal-Kummissjoni; josserva li t-trainees kollha rċevew laptop u token għat-telexogħol; jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur ippermetta lit-trainees tiegħu jaħdmu minn barra l-pajjiż fuq talba; |
Qafas etiku u trasparenza
|
32. |
Jinnota li l-Qafas Etiku tal-Kontrollur ġie aġġornat fl-2019, u kien jirrikjedi li l-impjegati l-ġodda kollha jsegwu preżentazzjoni obbligatorja dwar l-etika matul it-taħriġ ta’ induzzjoni tagħhom u, barra minn hekk, li huwa previst stħarriġ dwar is-sensibilizzazzjoni tal-persunal għall-2021; jilqa’ l-ħatra tal-Uffiċjal tal-Etika l-ġdid f’Mejju 2021, li bħalissa huwa inkarigat bl-aġġornament tat-taħriġ u bl-organizzazzjoni tal-preżentazzjonijiet tal-qafas etiku tal-persunal u bl-istabbiliment ta’ stħarriġ dwar is-sensibilizzazzjoni tal-persunal; jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur għandu spazju dedikat fuq l-intranet li jinforma lill-membri tal-persunal dwar il-Qafas tal-Etika tiegħu u li jżid is-sensibilizzazzjoni dwaru, inklużi d-dokumenti u l-proċeduri rilevanti kollha; |
|
33. |
Ifakkar fil-fatt li l-kodiċi ta’ kondotta għall-membri tal-persunal ġie rieżaminat f’Diċembru 2019 sabiex jiġi adattat għall-bidliet fl-istituzzjoni u għall-qafas legali l-ġdid, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll biex jinkludi membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-EDPB; jinnota li l-kodiċi ta’ kondotta speċifiku għall-Kontrolluri ġie rivedut u adottat ukoll f’Diċembru 2019 bl-għan li jintegra l-għarfien etiku fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum; jinnota li, wara s-sejħa tal-Parlament, il-Kontrollur iddeċieda li jibda l-abbozzar ta’ kodiċi ta’ kondotta għal pożizzjonijiet maniġerjali superjuri; |
|
34. |
Josserva li l-Kontrollur bħalissa ma jużax ir-Reġistru tat-Trasparenza interistituzzjonali iżda jippubblika fuq is-sit web l-aġenda u l-interventi tal-Kontrollur, inklużi laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ interess, biex jiżgura l-għoti ta’ rendikont lejn iċ-ċittadini; iħeġġeġ lill-Kontrollur jesplora modi kif jgħaqqad ir-reġistru tiegħu mar-Reġistru tat-Trasparenza; |
Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà, protezzjoni tad-data
|
35. |
Jinnota b’apprezzament li l-Kontrollur jagħti importanza lill-analiżi tal-possibbiltajiet, tar-riskji u tal-isfidi li jista’ jkollhom it-teknoloġiji innovattivi u inizjattivi oħra fuq il-protezzjoni tad-data u d-data personali tal-individwi bil-ħsieb li jsawru futur diġitali aktar sikur għall-Unjoni, kif inkorporat fl-Istrateġija tal-Kontrollur għall-2020-2024; |
|
36. |
Jirrikonoxxi r-rwol tal-Kontrollur fid-dibattitu globali dwar l-etika diġitali b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali u t-Teknoloġija tar-Rikonoxximent tal-Wiċċ; jenfasizza li l-Kontrollur jikkopresiedi l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Etika u l-Protezzjoni tad-Data fl-Intelliġenza Artifiċjali tal-Assemblea Globali tal-Privatezza, il-laqgħa internazzjonali tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza fuq livell globali, dwar il-kwistjoni tal-intelliġenza artifiċjali u l-etika diġitali; |
|
37. |
Huwa konxju li l-infrastruttura ewlenija tal-IT, l-għodod u s-servizzi tal-back office użati mill-Kontrollur huma pprovduti mill-Kummissjoni jew mill-Parlament f’konformità mal-FLS dwar l-użu tas-servizzi tal-IT; jilqa’ l-inizjattiva li tibda tinbena l-kapaċità tal-IT tal-Kontrollur billi jiġi impjegat Aġent ta’ Appoġġ tal-IT biex jipprovdi, fost kompiti oħra, appoġġ ġenerali tal-IT, jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt u ta’ kollegament għall-applikazzjonijiet kollha tal-IT li jintużaw fl-istituzzjoni, jivvaluta l-ħtiġijiet attwali u futuri fil-qasam tal-IT u jipproponi u jimplimenta soluzzjonijiet; Jilqa’ l-fatt li fl-2020, il-Kontrollur iddeċieda li jniedi l-“Analiżi tal-Lakuni fl-IT” biex janalizza l-ħtieġa li jappoġġja l-kompiti tiegħu f’termini ta’ appoġġ għall-IT, jidentifika l-għodod u s-sistemi eżistenti, imbagħad jidentifika l-lakuni possibbli; |
|
38. |
Jirrimarka li f’Diċembru 2020, il-Kontrollur iffirma FLS mas-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni) għall-forniment ta’ firxa kbira ta’ servizzi taċ-ċibersigurtà (attivitajiet ta’ taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni, eżerċizzji taċ-ċibersigurtà, notifika ta’ theddid ċibernetiku u vulnerabbiltajiet li potenzjalment jaffettwaw lill-Kontrollur, u appoġġ ad hoc fit-trattament ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà); jinnota li, bħala segwitu għat-tlestija ta’ Awditu Intern, il-Kontrollur ippjana l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà, bħall-integrazzjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà f’Qafas ta’ Ġestjoni tar-Riskju ġdid u mtejjeb u proċess ġdid biex jiġi vvalutat regolarment il-livell taċ-ċibersigurtà tal-Fornituri ta’ Servizzi tiegħu; |
|
39. |
Jinnota li, matul l-2020, il-Kontrollur kompla l-proċess ta’ tranżizzjoni lejn il-qafas tal-protezzjoni tad-data stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725 b’mod parallel mal-iżgurar tal-kontinwità tal-operat tiegħu matul il-pandemija tal-COVID-19; jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur ħatar Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data full-time f’Settembru 2020 biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jiskrutinizza l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali u li jimplimenta salvagwardji u jimmitiga r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; |
|
40. |
Jitlob lill-EDPS jidentifika l-użu attwali ta’ teknoloġija b’sors miftuħ fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jivvaluta l-valur miżjud tal-prijoritizzazzjoni tal-iżvilupp ta’ għodod b’sors miftuħ f’termini ta’ protezzjoni tad-data u privatezza; |
Bini u sigurtà
|
41. |
Ifakkar fil-fatt li ż-żieda fil-persunal tal-Kontrollur kienet titlob ftehim mal-Parlament biex jinkiseb spazju addizzjonali għall-uffiċċji u biex jiġi okkupat il-bini kollu li dak iż-żmien kien kondiviż mal-Ombudsman Ewropew; ifakkar fil-fatt li l-linji baġitarji ddedikati għall-bini, għall-għamara u għat-tagħmir għalhekk żdiedu biex ikopru l-ispejjeż żejda relatati mal-kera u l-imposti addizzjonali; jinnota li d-dewmien fl-espansjoni prevista wassal għal implimentazzjoni baxxa ta’ dawn il-linji baġitarji; |
|
42. |
Iħeġġeġ lill-Kontrollur iqis fl-istrateġija tal-bini tiegħu l-ħtiġijiet tal-persuni b’mobilità mnaqqsa jew b’diżabilità oħra, billi jadotta definizzjoni usa’ ta’ akkomodazzjoni raġonevoli, filwaqt li jipprevedi soluzzjonijiet effettivi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta’ persuni b’diżabilità għall-għodod u għall-pjattaformi tal-IT, biex jallinja mal-approċċ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’termini ta’ kura u kopertura medika; |
Ambjent u sostenibbiltà
|
43. |
Jilqa’ l-ħafna azzjonijiet adottati mill-Kontrollur biex inaqqas l-impronta ambjentali tiegħu; jinnota li, fl-2020, il-Kontrollur kompla t-triq tiegħu biex isir istituzzjoni mingħajr karti, billi approva b’mod insistenti l-ġestjoni elettronika sħiħa tal-fatturi u l-pagamenti u l-firma elettronika tad-dokumenti; |
|
44. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur jinċentiva l-użu tat-trasport pubbliku, permezz tar-rimborż ta’ 50 % tat-tariffi tat-trasport pubbliku, u l-użu tar-roti, billi jipprovdi għadd adegwat ta’ stazzjonijiet fejn jintrabtu r-roti fil-faċilitajiet tal-garaxx tiegħu; |
|
45. |
Iħeġġeġ lill-Kontrollur jieħu azzjonijiet tanġibbli lejn l-iżvilupp sostenibbli, u jaderixxi mal-Iskema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS) tal-Unjoni żviluppata mill-Kummissjoni biex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jevalwaw, jirrapportaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom; |
|
46. |
Iħeġġeġ lill-Kontrollur biex jaċċessa l-Helpdesk interistituzzjonali dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) ġestit mill-Parlament sa mill-2017, li jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-kwistjonijiet ambjentali u l-aspetti soċjali tal-akkwist pubbliku; |
Komunikazzjoni u multilingwiżmu
|
47. |
Jinnota l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija tal-Kontrollur għall-2020-2024, flimkien ma’ fuljett korporattiv ġdid u vidjo; josserva li l-Kontrollur żviluppa wkoll strateġija ta’ komunikazzjoni konsistenti u mmirata ma’ diversi partijiet ikkonċernati biex jindirizza l-aħħar żviluppi tal-pandemija tal-COVID-19 u kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data li jirriżultaw minnha; |
|
48. |
Jilqa’ l-interess tal-Kontrollur fil-media soċjali u fi pjattaformi oħra biex jiżgura tixrid akbar tal-informazzjoni; jissottolinja b’mod partikolari l-proġetti pilota pubbliċi Mastodon (alternattiva għal Twitter/Instagram) u PeerTube (alternattiva għal YouTube) u jifhem li l-għan huwa li jinstab kunsens għal pjattaforma komuni tal-Unjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni filwaqt li jiġu esplorati opportunitajiet oħra, bħall-ospitar mill-Unjoni tal-media soċjali b’sors miftuħ; jemmen li l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini fuq pjattaformi nonproprjetarji jikkontribwixxi għaż-żamma tal-indipendenza u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi; |
|
49. |
Iħeġġeġ lill-Kontrollur jieħu inizjattivi ta’ komunikazzjoni bl-għan li jżidu r-rwol tiegħu u l-fehim tal-missjoni tiegħu fost pubbliku usa’; jinnota li fil-21 ta’ Jannar 2020, il-Kamp ta’ Privatezza ospita s-Summit tas-Soċjetà Ċivili tal-EDPS biex jiġi diskuss l-istat tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza fl-Unjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; josserva li l-Kontrollur ospita workshop online f’Ottubru 2020 dwar it-tema “Il-Protezzjoni tad-Data fl-Organizzazzjonijiet Internazzjonali fi Żminijiet ta’ Kriżi”; |
|
50. |
Jirrimarka li l-ispejjeż totali relatati mat-traduzzjoni fl-2020 ammontaw għal EUR 1 250 827,45, li minnhom EUR 342 255,65 huma relatati mal-Kontrollur u EUR 908 571,80 huma relatati mal-EDPB; jistieden lill-Kontrollur ikompli jesplora l-użu tat-traduzzjoni newrali permezz ta’ magni speċifiċi kif ukoll għażliet oħra flimkien mal-Kummissjoni, maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni u mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO); |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
|
51. |
Jinnota b’apprezzament li anke fl-2020, u minkejja l-pandemija tal-COVID-19, il-Kontrollur seta’ jagħti diversi sessjonijiet ta’ taħriġ lil ħafna istituzzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu gwida dwar kif tiġi protetta d-data personali tal-individwi; |
|
52. |
Japprezza li l-Kontrollur ipproduċa gwida dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data (DPIA); jenfasizza li l-Kontrollur immonitorja kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ilhom jużaw id-DPIA mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/1725 permezz ta’ stħarriġ fi Frar 2020, u ġie ppubblikat rapport bħala segwitu f’Lulju 2020; |
|
53. |
Jaqbel li minħabba li d-data tgħaddi bejn il-fruntieri, hemm bżonn li l-protezzjoni tad-data tiġi kkunsidrata f’kuntest globali; jemmen li l-parteċipazzjoni attiva tal-Kontrollur f’għadd ta’ fora internazzjonali hija strumentali għat-tfassil u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, l-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ gwida, u l-ħolqien ta’ proċeduri konsistenti u koeżivi bbażati fuq fehim komuni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jinnota li l-Kontrollur huwa membru attiv tal-Assemblea Globali tal-Privatezza (GPA) (preċedentement magħrufa bħala l-Konferenza Internazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data u tal-Kummissarji tal-Privatezza, ICDPPC); |
|
54. |
Jistieden lill-Kontrollur jiżgura li n-network tal-Uffiċjali tal-Protetturi tad-Data (DPOs) jibqa’ attiv u dinamiku, u jiltaqa’ darbtejn fis-sena, b’tali mod li jiggarantixxi l-konsistenza u l-allinjament fit-trattament ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data madwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
|
55. |
Huwa konxju li l-Kontrollur huwa membru sħiħ tal-EDPB, il-korp indipendenti stabbilit skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data (DPAs) biex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data madwar l-Unjoni; jifhem li Memorandum ta’ Qbil jiddetermina t-termini ta’ kooperazzjoni bejn l-EDPB u l-Kontrollur, b’dan tal-aħħar li jkun kemm membru kif ukoll fornitur ta’ Segretarjat indipendenti li joffri appoġġ amministrattiv u loġistiku, iwettaq xogħol analitiku u jikkontribwixxi għall-kompiti tal-EDPB; |
|
56. |
Jirrimarka b’mod partikolari li t-tim legali tas-Segretarjat tal-EDPB abbozza aktar minn 60 % tal-linji gwida, l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet adottati mill-EDPB fl-2020, kif ġej: 13-il linja gwida, 2 rakkomandazzjonijiet, 32 opinjoni, l-ewwel deċiżjoni vinkolanti tiegħu dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim, u pariri legali; jissottolinja li l-Kontrollur attenda kull waħda mis-27 laqgħa plenarja tal-EDPB li saret fl-2020; jirrimarka li ħafna mill-ħidma mwettqa mill-EDPB isseħħ fi ħdan is-sottogruppi ta’ esperti, kull wieħed minnhom relatat ma’ qasam speċifiku marbut mal-protezzjoni tad-data, u li l-Kontrollur jipparteċipa fis-sottogruppi ta’ esperti kollha tal-EDPB u jaġixxi f’ħafna fajls bħala korapporteur jew bħala rapporteur ewlieni; |
|
57. |
Josserva li l-Kontrollur, flimkien mas-Segretarjat tal-EDPB u membri oħra tal-EDPB, fil-15 ta’ Diċembru 2020, adotta t-termini ta’ referenza tal-SPE, Grupp ta’ Appoġġ ta’ Esperti stabbilit bl-għan li jassisti fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet u attivitajiet ta’ infurzar ta’ interess komuni sinifikanti u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn il-membri kollha tal-EDPB; |
|
58. |
Jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur ħareġ ukoll diversi Opinjonijiet fl-2020 bħala parti mid-dmir tiegħu li jagħti pariri lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi ta’ politika li għandhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali; |
|
59. |
Jinnota li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni affettwa t-trasferimenti ta’ data personali minn organizzazzjonijiet soġġetti għall-GDPR lil organizzazzjonijiet fir-Renju Unit u għalhekk, jilqa’ l-gwida pprovduta mill-Kontrollur lill-partijiet ikkonċernati, li tqis l-effetti legali ta’ tali trasferimenti fuq il-protezzjoni tad-data tal-Unjoni; jinnota b’mod partikolari li l-Kontrollur esprima għadd ta’ tħassib fl-Opinjoni 14/2021 tiegħu, li tqiesu mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza tal-GDPR u tal-LED tar-Renju Unit; |
|
60. |
Japprezza l-kooperazzjoni bejn il-Kontrollur u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) bl-għan li jiġu integrati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-proċeduri tal-UPPE u fis-sistemi tal-IT, li huwa tassew diffiċli fid-dawl tal-istruttura tal-UPPE b’diversi livelli u l-interazzjoni bejn ir-Regolament tal-UPPE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrikjedu koordinazzjoni mad-DPAs nazzjonali; |
|
61. |
Jinnota, barra minn hekk, li fi tmiem l-2019, daħal fis-seħħ qafas superviżorju ġdid għall-ipproċessar ta’ data personali fil-Eurojust, li fl-ambitu tiegħu l-EDPS huwa responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-Eurojust mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data; jilqa’ f’dak ir-rigward il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-EDPS u l-Eurojust matul is-sena 2020; |
|
62. |
Jinnota li, fl-2020, il-Kontrollur ikkonkluda jew emenda kemm ftehimiet interistituzzjonali dwar il-livell ta’ servizz kif ukoll ftehimiet amministrattivi mal-PMO, id-DĠ HR, id-DĠ EAC, id-DĠ BUDG u d-DĠ CERT-UE tal-Kummissjoni, kif ukoll ftehim amministrattiv ġdid ma’ tliet direttorati ġenerali tal-Parlament (DĠ INLO, DĠ SAFE u DĠ PERS) dwar il-bini, il-loġistika u s-servizzi ta’ sigurtà; |
|
63. |
Jissottolinja r-rilevanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-311/18 (magħrufa bħala s-sentenza “Schrems II”) li tinvalida l-mekkaniżmu tad-data personali bejn l-UE u l-Istati Uniti “Tarka ta’ Privatezza”; jirrikonoxxi r-rwol tal-Kontrollur fil-monitoraġġ tal-konformità tat-trasferimenti mwettqa fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali ma’ organizzazzjonijiet ibbażati fl-Istati Uniti; |
|
64. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżultat tal-inkjesta tal-Kontrollur fl-ipproċessar mill-Europol ta’ sett ta’ data kbir miġbur mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali; jifhem li l-proċeduri li l-Europol kellha fis-seħħ ma pprovdewx riassigurazzjoni adegwata rigward il-konformità mar-Regolament tal-Europol f’termini ta’ kategoriji ta’ suġġetti tad-data fil-mira bl-ipproċessar tiegħu, li jirrappreżenta r-raġunijiet li għalihom tiġi fformulata intelligence kriminali importanti; jistieden lill-Kontrollur jappoġġja lill-Europol fl-istabbiliment u fl-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas identifikat, mingħajr ma jiddgħajjef il-kontribut tal-Europol għall-infrastruttura kontra l-frodi li huwa komponent rilevanti tiegħu; |
|
65. |
Jisħaq li, fit-2 ta’ Lulju 2020, il-Kontrollur ħareġ Dokument Pubbliku li jagħti dettalji dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-investigazzjoni tal-Kontrollur dwar l-użu tal-prodotti u s-servizzi tal-Microsoft mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jirrimarka li dawn is-sejbiet japprovaw l-isforzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex iżommu kontroll fuq kif u għaliex id-data personali tiġi pproċessata u jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data meta jikkuntrattaw is-servizzi tal-ICT, kif deskritt fl-objettiv strateġiku tal-Kontrollur dwar “is-sovranità diġitali”; |
Pandemija tal-COVID-19
|
66. |
Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-Kontrollur fil-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, żewġ drittijiet fundamentali fl-Unjoni, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari r-rilevanza u l-influwenza tal-valutazzjoni tiegħu tal-konformità mal-protezzjoni tad-data tal-bosta applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti u ta’ twissija mifruxin matul il-pandemija; jirrikonoxxi l-ammont ta’ xogħol addizzjonali sussegwenti li ffaċċja l-Kontrollur flimkien mal-kompiti regolari tiegħu u japprezza li l-Kontrollur mhux biss żgura l-kontinwità tan-negozju iżda żied ukoll il-produttività tiegħu bis-saħħa, fost l-oħrajn, tad-diġitalizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol; jilqa’ l-fatt li l-Kontrollur stabbilixxa Task Force speċjali tal-COVID-19, li nħolqot biex tittratta dawn it-talbiet kollha, is-superviżjoni u l-parir fir-rigward ta’ dawk il-miżuri stabbiliti biex tiġi miġġielda l-pandemija (applikazzjonijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, kontrolli tat-temperatura, tilqim); jindika li, f’Marzu 2020, bi tweġiba għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ data dwar it-telekomunikazzjonijiet għall-monitoraġġ tat-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kontrollur issuġġerixxa li ssir enfasi fuq il-minimizzazzjoni tal-ġbir u ż-żamma ta’ data personali, l-anonimizzazzjoni tad-data, is-sigurtà tad-data u l-aċċess għad-data, l-adegwatezza tal-perjodi ta’ żamma tad-data, u approċċ deċentralizzat għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data; |
|
67. |
Jisħaq li l-EDPB enfasizza l-importanza fundamentali li jiġi żgurat li kull miżura meħuda fiċ-ċirkostanzi straordinarji relatati mal-pandemija tkun meħtieġa, limitata fiż-żmien, ta’ livell minimu u soġġetta għal rieżami perjodiku u ġenwin kif ukoll għal evalwazzjoni xjentifika; jistieden lill-Kontrollur jivvaluta kontinwament is-sitwazzjoni, sabiex jindirizza jew jimmitiga r-riskji għall-privatezza assoċjati mal-iżvilupp u l-użu tal-applikazzjonijiet għat-traċċar tal-kuntatti; |
|
68. |
Jinnota li fil-bidu tal-2020, il-Kontrollur kien jiddependi mill-Pjan għall-Kontinwità tal-Operat (BCP) li minnu ntużaw xi dispożizzjonijiet u ġew aġġustati fil-fażi inizjali tal-pandemija tal-COVID-19; jirrimarka li fl-10 ta’ Marzu 2020 ġie adottat il-pjan ta’ kontinġenza għat-tħejjija amministrattiva għall-pandemija, u ttieħdu miżuri aktar speċifiċi biex tiġi indirizzata l-pandemija li ġejja, |
|
69. |
Jinnota li l-Kontrollur kien l-ewwel istituzzjoni tal-Unjoni li adottat it-telexogħol bħala reġim ġenerali għall-membri kollha tal-persunal mit-12 ta’ Marzu 2020 permezz tal-adattament tal-BCP tiegħu u jenfasizza li l-istituzzjoni ma kellha l-ebda każ ta’ infezzjoni bil-COVID-19 fuq il-post tax-xogħol; jilqa’ l-fatt li l-miżuri ta’ emerġenza adottati, b’mod partikolari l-ġeneralizzazzjoni tat-telexogħol (jiġifieri l-ebda limitu fi ħdan l-unitajiet u lanqas id-differenzjazzjoni bejn strutturali u okkażjonali), se jkunu s-suġġett ta’ diskussjoni mal-Kumitat tal-Persunal u se jiġu inkorporati fid-deċiżjoni l-ġdida dwar it-telexogħol li qed tiġi nnegozjata u li se jimmodifikaw id-Deċiżjoni meħuda dwar dan is-suġġett fid-19 ta’ Marzu 2019; |
|
70. |
Iħeġġeġ lill-Kontrollur jintegra bis-sħiħ fl-istrateġija ta’ ġestjoni interna t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, f’termini ta’ kontinwità tal-operat u approċċi ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, ir-rispons tal-IT, ir-reżiljenza tal-organizzazzjoni, id-dmir ta’ diliġenza tagħhom lejn il-persunal, l-effettività tal-komunikazzjoni interna u l-flessibbiltà tal-proċessi ta’ ħidma. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).