23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Frar 2011

Dwar Għajnuna mill-Istat C 48/08 (ex NN 61/08) mogħtija mill-Greċja lil Ellinikos Xrysos SA

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1006)

(It-test bil-Grieg biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/452/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

B’kunsiderazzjoni għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 108(2) ta’ dan,

B’kunsiderazzjoni għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) ta’ dan,

B’kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE (1) rigward il-miżura tal-għajnuna Nru C 48/08 (ex NN 61/08) (2),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u b’kunsiderazzjoni tal-kummenti tagħhom,

Billi:

I   PROĊEDURA

(1)

Fid-9 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jallega li l-Greċja kienet ħadet żewġ miżuri li jagħtu għajnuna mill-Istat lill-Ellinikos Xrysos SA (minn hawn ‘il quddiem: “Ellinikos Xrysos”). Wara skambji ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali fil-miżuri allegati fl-10 ta’ Diċembru 2008.

(2)

Il-Greċja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni fit-23 ta’ Frar 2009.

(3)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-10 ta’ Marzu 2009 (3). Il-kummenti ġew irċevuti minn erbgħa partijiet interessati: minn Ellinikos Xrysos, il-benefiċjarju tal-miżuri allegati, fl-10 t’April 2009; minn European Goldfields Ltd, l-azzjonista ewlenija ta’ Ellinikos Xrysos, fl-10 t’April 2009; mit-trejdjunjins tal-minjieri ta’ Cassandra fit-2 t’April 2009; minn Hellenic Mining Watch, soċjetà Griega li l-għan tagħha huwa l-“ħarsien tal-ambjent u l-pubbliku kontra l-konsegwenzi negattivi tat-tħaffir u s-salvagwardja tal-ġid nazzjonali” (4), fis-6 t’April 2009.

(4)

Il-kummenti ġew trażmessi lill-Greċja permezz ta’ ittri fis-6 ta’ Mejju 2009 u s-7 ta’ Lulju 2009. Il-Greċja wieġbet għall-kummenti tal-partijiet interessati permezz tal-ittri tat-3 ta’ Ġunju 2009, l-20 ta’ Lulju 2009 u t-23 ta’ Settembru 2009.

(5)

Il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni mill-awtoritajiet Griegi fid-19 ta’ Ġunju 2009, il-11 ta’ Diċembru 2009 u t-22 t’April 2010, u l-Greċja u Ellinikos Xrysos wieġbu b’ittri tat-23 ta’ Lulju 2009, id-29 ta’ Lulju 2009, il-15 ta’ Jannar 2010, il-11 ta’ Frar 2010, it-12 ta’ Frar 2010, l-4 ta’ Mejju 2010 u s-27 ta’ Mejju 2010. Skambju informali ieħor ta’ informazzjoni sar permezz tal-posta elettronika f’Mejju tal-2010 bejn persunal tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi. Saru laqgħat bejn il-persunal tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi fil-11 ta’ Frar 2009 u l-24 ta’ Ġunju 2010, u bejn il-persunal tal-Kummissjoni u l-benefiċjarju allegat fit-2 ta’ Frar 2009 u s-26 ta’ Ġunju 2009.

II   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

II.a.   INFORMAZZJONI TAL-ISFOND DWAR ID-DRITTIJIET U L-PERMESSI TAT-TĦAFFIR

(6)

Dritt għat-tħaffir huwa d-dritt għad-dħul fi u l-okkupazzjoni ta’ biċċa art speċufika għall-fini li tinħadem, jew permezz ta’ tħaffir ta’ taħt l-art jew xogħol fil-beraħ, għall-ksib tal-metalli minerali mhux maħduma li jistgħu jkunu depożitati hemmhekk. Jiġi trasferit mal-proprjetà li għandha titħaffer, bħala parti integrali tagħha.

(7)

Dritt għat-tħaffir huwa differenti minn permess għat-tħaffir, li huwa liċenzja sabiex isir operat ta’ tħaffir. Jingħata mill-awtoritajiet kompetenti wara valutazzjoni tar-rapporti tal-fattibilità u l-istudji ambjentali sottomessi. Fil-każ li qed jiġi eżaminat, fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003, ingħataw permessi għat-tħaffir mill-Ministeru tal-Iżvilupp.

II.b.   IL-BENEFIĊJARJU

(8)

Ellinikos Xrysos hija kumpanija Griega kbira tat-tħaffir, attiva fin-negozju tat-tħaffir għad-deheb, ir-ram, iċ-ċomb, il-fidda u ż-żingu. Fl-2009 kellha qligħ ta’ 44,7 miljun EUR (bi dħul wara t-taxxa ta’ 1,7 miljun EUR) u madwar 350 impjegat. Fiż-żmien tal-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni (ara l-paragrafi 11 u 16-18), l-Ellinikos Xrysos kienet tikkostitwixxi impriża kbira, peress li kienet konnessa ma’ impriża kbira. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (5): a) il-kategorija tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) hija magħmula minn impriżi li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li għandhom qligħ annwali li ma jaqbiżx il-50 miljun EUR, u/jew total ta’ karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx it-43 miljun EUR (Anness, Titolu 1, Artikolu 2(1)); b) għat-tneħħija mill-kategorija ta’ SMEs tal-gruppi ta’ impriżi li l-qawwa ekonomika tagħhom tista’ taqbeż dik ta’ SMEs ġenwini, għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ impriżi, skont jekk humiex awtonomi (paragrafu 9 tal-premessi); c) “impriża awtonoma” hija impriża li mhijiex klassifikata bħala impriża konnessa (Anness, Titolu 1, Artikolu 3(1); u d) “impriża konnessa” hija impriża li fiha l-parti l-kbira tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-membri jinżammu minn impriża oħra (Anness, Titolu 1, Artikolu 3(3)(a)). Fil-każ li qed jiġi eżaminat, f’Diċembru 2003 (iż-żmien tal-bejgħ tal-2003), 53,3 % tal-ishma fl-Ellinikos Xrysos (160 000 sehem minn total ta’ 300 000) kienu l-proprjetà tal-kumpanija Greek Mines SA, sussidjarja tal-kumpanija Aktor SA. Iż-żewġ fatturati annwali l-iżjed reċenti ta’ Aktor, jiġifieri 2001 u 2002, kienu jammontaw għal 120,9 miljun EUR u 302,6 miljun EUR rispettivament. Barra dan, iż-żewġ totali tal-karta tal-bilanċ annwali l-iżjed reċenti tagħha ammontaw għal 151,9 miljun EUR u 260 miljun EUR rispettivament (6). Dawn il-figuri jikkwalifikaw lill-Aktor bħala kumpanija kbira. Għalhekk, l-Ellinukos Xrysos kienet kumpanija kbira fiż-żmien tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni.

(9)

L-azzjonisti attwali tal-Ellinikos Xrysos huma European Goldfields Greece BV (65 % tal-ishma), Hellas Gold BV (30 % tal-ishma), u Aktor SA, kumpanija Griega tal-bini u l-enerġija (5 % tal-ishma). European Goldfields Greece BV u Hellas Gold BV huma sussidjarji tal-European Goldfields Ltd, kumpanija Kanadiża involuta fl-akkwist, l-esplorazzjoni u l-iżvilupp tal-proprjetajiet minerali fil-Balkani.

(10)

L-Ellinikos Xrysos hija l-proprjetarja ta’ u topera l-minjieri Cassandra. Xtrathom u d-drittijiet tat-tħaffir tagħhom mill-Istat Grieg f’Diċembru 2003. Il-minjieri Cassandra jinsabu fit-tramuntana tal-Greċja. Huma jinkludu l-minjieri tad-deheb tal-Olympias u Skouries u l-minjieri tar-ram-żingu ta’ Stratoni.

(11)

Qabel l-2003, il-minjieri Cassandra kienu l-proprjetà tal-kumpanija TVX Hellas SA, li kienet akkwistathom fl-1995 mingħand l-Istat Grieg permezz ta’ offerta pubblika għal 11-il biljun GDR (madwar 39,8 miljun EUR (7)).

(12)

Fl-2002, il-Kunsill tal-Istat Grieg annulla l-permessi għat-tħaffir u l-ipproċessar tad-deheb tal-minjieri Cassandra, b’mod partikolari dawk ta’ Olympias u Stratoni. Il-permessi għat-tħaffir u l-ipproċessar tad-dehab tal-Olympias kienu annullati għal raġunijiet ambjentali, li ġew meqjusa serji. Il-permess għat-tħaffir ta’ Stratoni ġie annullat minħabba li l-Istat Grieg kien ħarġu b’mod illegali, permezz ta’ awtorità li ma kinitx awtorizzata li tagħmel dan.

(13)

Wara l-annullament imsemmi hawn fuq min-naħa tal-Kunsill tal-Istat, il-Ministeru tal-Iżvilupp kompetenti ħareġ żewġ atti rigward Stratoni: 1) fis-7 ta’ Jannar 2003, bl-ordni tal-interruzzjoni tal-operat fi Stratoni; u 2) fid-29 ta’ Jannar 2003, bl-ordni tal-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ sigurtà fi Stratoni. Fit-18 ta’ Frar 2003, b’konformità mad-deċiżjoni tal-annullament tal-Kunsill tal-Istat, il-Ministeru tal-Iżvilpp ħareġ att ieħor li jawtorizza t-tnedija ta’ operazzjonijet fi Stratoni u jannulla l-atti preċedenti tiegħu tas-7 u d-29 ta’ Jannar 2003. L-att tat-18 ta’ Frar 2003 kien validu fiż-żmien tal-bejgħ tal-minjieri lill-Ellinikos Xrysos.

(14)

Ukoll bħala riżultat tal-annullament ta’ hawn fuq tal-permessi tat-tħaffir u l-ipproċessar tad-deheb tal-minjieri Cassandra, Kinross (kumpanija tat-tħaffir Kanadiża), il-proprjetarju ta’ TVX Hellas, interrompiet il-finanzjament tagħha sabiex tippreserva l-valur tal-ishma. Dan ġiegħel lil TVX Hellas biex tapplika għal falliment.

II.c.   MIŻURA 1: PREZZ TAL-BEJGĦ TAĦT IL-VALUR TAS-SUQ

(15)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-minjieri Cassandra ġew trasferiti minn TVX Hellas lill-Istat Grieg għal 11-il miljun EUR skont ftehim ekstraġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu kien hemm l-ikklerjar ta’ pretensjonijiet reċiproċi (il-pretensjoni tal-TVX Hellas kontra l-Greċja kienet tammonta għal 293,5 miljun EUR). Fl-istess jum, l-Istat Grieg biegħ il-minjieri Cassandra lill-Ellinikos Xrysos għal 11-il miljun EUR, mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-assi jew offerta fil-miftuħ. Il-bejgħ kien jinkludi: a) il-minjieri ta’ Stratoni, Skouries u Olympias, flimkien mad-drittijiet tat-tħaffir rilevanti; b) art; c) riżervi minerali; u d) assi fissi (tagħmir għat-tħaffir u l-ipproċessar, djar għall-ħaddiema u bini industrijali). Skont l-awtoritajiet Griegi, l-għan tal-miżura kien li jinsab proprjetarju lest li jopera l-minjieri u b’hekk iħares l-impjieg u l-ambjent.

II.d.   MIŻURA 2: EŻENZJONI MIT-TAXXA U TNAQQIS TAT-TARIFFI LEGALI

(16)

Il-minjieri Cassandra inbiegħu mill-Greċja lill-Ellinikos Xrysos permezz ta’ kuntratt bejn iż-żewġ partijiet, li ġie ratifikat bil-Liġi 3220/2004 (8). Skont din il-Liġi, l-Ellinikos Xrysos ġiet eżentata minn kwalunkwe tip ta’ taxxa. Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ tariffi legali u tariffi oħra sakemm intlaħaq l-ammont attwali ta’ 5 % biss li normalment kellu jitħallas. Skont l-awtoritajiet Griegi, l-għan tal-miżura kien li jiħoloq inċentiv għax-xerrejja potenzjali, peress li l-valur tal-minjieri kien negattiv.

(17)

Skont il-liġi Griega (9), it-taxxa fuq it-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobili hija 7 % tal-valur tal-proprjetà trasferita għall-ewwel 15 000 EUR u 9 % għall-bqija tal-ammont. Barra dan, skont il-Kodiċi Grieg tat-Tħaffir (10), it-taxxa speċjali fuq it-trasferiment tad-drittijiet tat-tħaffir hija 5 % tal-valur tad-dritt trasferit (jiġifieri l-valur tal-minjiera).

(18)

F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni waslet għal figura totali ta’ għajnuna ta’ 15,34 miljun EUR għall-miżuri 1 u 2, wara li eżaminat:

(a)

il-valur tat-tliet minjieri individwali (Stratoni, Olympias u Skouries) li jagħmlu l-minjieri Cassandra, ibbażat fuq fatturi ekonomiċi li kienu japplikaw fiż-żmien tal-bejgħ, kif ukoll il-ħila ta’ dawk il-minjieri li joperaw (ara l-analiżi dettaljata fil-paragrafi 63-79);

(b)

il-valur tal-art tal-minjieri Cassandra, kif ikkalkulat f’rapport ta’ stima (ara l-paragrafu 19) u vverifikat meta mqabbel mal-prezz imħallas għall-parti l-kbira tal-art f’offerta miftuħa tal-1995 (ara l-analiżi dettaljata fil-paragrafi 80-90);

(ċ)

il-valur tar-riżervi minerali akkwistati minn Ellinikos Xrysos permezz tal-bejgħ tal-2003, ibbażat fuq l-istess rapport ta’ stima (ara l-analiżi dettaljata fil-paragrafi 91-97);

(d)

l-ammont tat-taxxa dovuta li minnha l-Ellinikos Xrysos ġiet eżentata fil-kuntratt tal-bejgħ (ara l-analiżi dettaljata fil-paragrafi 118-124).

(19)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-10 ta’ Diċembru 2008 il-Kummissjoni staqsiet jekk il-minjieri Cassandra kinux inbiegħu mill-Greċja lill-Ellinikos Xrysos bil-valur tas-suq tagħhom, billi l-bejgħ kien sar mingħajr offerta miftuħa jew stima indipendenti tal-assi, kif ukoll jekk bejgħ bħal dan taħt il-valur tas-suq kienx konformi mat-TFUE. Saret referenza għal rapport ta’ stima tal-assi tal-minjieri Cassandra, maħruġ f’isem European Goldfields, azzjonista ta’ Ellinikos Xrysos. Skont dan ir-rapport, il-valur ġust tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra kien 500 miljun USD (daqs 411 miljun EUR fit-30 ta’ Ġunju 2004, bl-użu tar-rata tal-kambju ta’ dik id-data ta’ 1,2155 USD/EUR (11)). Ir-rapport (minn hawn ‘il quddiem “ir-rapport Behre Dolbear”) inħareġ minn Behre Dolbear International Ltd, “konsulent preminenti tal-industrija minerali internazzjonali”, skont European Goldfields (12).

(20)

Il-Kummissjoni qajmet dubji wkoll dwar jekk l-eżenzjoni mit-taxxa u t-tnaqqis tat-tariffi ikkostitwewx solliev minn obbligi finanzjarji lejn l-Istat li kienu konformi mat-TFUE.

III   KUMMENTI MILL-GREĊJA U L-PARTIJIET INTERESSATI

III.a.   KUMMENTI MILL-GREĊJA U L-BENEFIĊJARJU

(21)

Hemm sovrappożizzjoni sostanzjali bejn il-kummenti tal-Greċja u dawk tal-benefiċjarju, u għalhekk il-Kummissjoni se tippreżentahom flimkien, fil-paragrafi 22-31.

(22)

Skont l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju, il-Greċja aġixxiet bħala intermedjarju fil-bejgħ tal-2003 biss minħabba li TVX Hellas, billi kienet involuta bis-sħiħ fi proċedura ta’ falliment, ma setgħetx tbiegħ il-minjieri lill-Ellinikos Xrysos direttament. Huma jsostnu wkoll li l-Greċja qatt ma kienet il-proprjetarja tal-minjieri u ma rċeviet l-ebda flus mill-bejgħ tal-2003, billi l-11-il miljun EUR tħallsu direttament lit-TVX Hellas. Huma jsostnu wkoll li fl-1995, it-tranżazzjoni tal-bejgħ saret bejn it-TVX Hellas u l-proprjetarju ta’ qabel, kumpanija privata li kienet qiegħda tiġi żmantellata, u li għalhekk ma kien hemm l-ebda riżorsi tal-Istat involuti fil-bejgħ tal-2003.

(23)

Barra dan, l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li, fiż-żmien tal-bejgħ, il-valur tas-suq tal-minjieri Cassandra kien naqas jew saħansitra negattiv minħabba l-interruzzjoni twila tal-operat u l-annullament tal-permessi tat-tħaffir. Il-valur negattiv tas-suq tal-minjieri seta’ jintwera wkoll bil-fatt li Kinross, il-proprjetarja ta’ TVX Hellas u operatur tal-ekonomija tas-suq, attribwiet valur negattiv lill-minjieri meta kkapitalizzat telf sinifikanti mill-investiment tagħha. Huma jiddikjaraw li l-prezz pożittiv imħallas minn Ellinikos Xrysos, li hija kumpanija privata wkoll, huwa ġustifikat mill-klawżola ta’ annullament tal-kuntratt, li eliminat ir-riskju tax-xerrej. Barra dan, huma jissottomettu d-dikjarazzjoni li l-art mixtrija minn kumpanija tat-tħaffir tista’ tintuża biss għal attivitajiet ta’ tħaffir u m’għandhiex valur tas-suq, peress li l-liġi Griega tagħti prijorità lill-attivitajiet tat-tħaffir f’żoni bħal dawn. Għalhekk, huma jsostnu li t-tnaqqis fil-valur tad-drittijiet tat-tħaffir, minħabba l-interruzzjoni twila tal-operat u l-annullament tal-permessi tat-tħaffir, wassal ukoll għal tnaqqis fil-valur tal-art. Finalment, għal dak li jirrigwarda r-riżervi tad-deheb li kienu parti mill-assi mibjugħa lill-Ellinikos Xrysos, huma jsostnu li fl-2003 kellhom valur negattiv minħabba l-prezz relattivament baxx tad-deheb u l-ispejjeż relatati relattivament għolja bħat-trasport u l-ipproċessar.

(24)

Barra dak ta’ hawn fuq u rigward il-kriterji tal-ekonomija tas-suq li għandhom jiġu kkunsidrati fi tranżazzjoni, l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li kriterji bħal dawn jinkludu wkoll kwistjonijiet ambjentali u soċjali konnessi mal-immaġni tal-kumpanija u s-sodisfazzjon tal-persunal. Dan huwa appoġġjat mill-fatt li TVX Hellas, operatur tal-ekonomija tas-suq, ikkunsidrat ukoll kwistjonijiet ta’ xogħol u ambjentali billi ħallset kumpens relattiv. Huma jsostnu wkoll li n-nuqqas tal-bejgħ tal-minjieri jkun ifisser spejjeż ambjentali sostanzjali li jkollhom jaqgħu fuq l-Istat Grieg, li jammontaw għal madwar 15,7 miljun EUR. Fl-istess ħin, huma jissottomettu li l-prezz imħallas minn Ellinikos Xrysos kien ġustifikat ukoll minn kriterji tal-ekonomija tas-suq, billi kien daqs il-prezz mitlub minn TVX Hellas, kumpanija privata. Skont il-Greċja u l-benefiċjarju, TVX Hellas kienet titlob prezz ogħla li kieku setgħet tagħmel dan. Barra dan, huma jiddikjaraw li l-prezz imħallas minn Ellinikos Xrysos kien daqs il-valur tal-ktieb tal-assi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ TVX Hellas. Finalment, huma jiddikjaraw li l-prezz imħallas fil-bejgħ tal-2003 kien jirrappreżenta l-valur reali tal-minjieri, li jfisser il-valur tal-minjiera Stratoni, billi kienet l-unika waħda li kienet qiegħda topera. Għal dak li jirrigwarda Skouries, il-Greċja u l-benefiċjarju jsostnu li hemmhekk qatt ma saret attività ta’ tħaffir jew investiment, minbarra riċerka dwar it-tħaffir mwettqa minn TVX Hellas qabel il-bejgħ tal-2003. Huma jsostnu wkoll li jeħtieġ investiment sinifikanti sabiex tinħoloq faċilità ta’ tħaffir fi Skouries. Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, huma jsostnu li l-bejgħ tal-2003 ma ta l-ebda vantaġġ lill-Ellinikos Xrysos.

(25)

Għal dak li jirrigwarda r-rapport Behre Dolbear, la l-Greċja u lanqas il-benefiċjarju ma jiddubitaw mill-kredibilità ta’ Behre Dolbear. Madankollu, it-tnejn li huma joġġezzjonaw għar-rapport, billi jsostnu li ma jistax jiġi kkunsidrat peress li l-għan tiegħu kien li jiġbed l-attenzjoni tal-investituri u l-punt ta’ referenza taż-żmien tiegħu (Ġunju 2004) ma kienx l-istess bħal dak tal-bejgħ (Diċembru 2003). Huma jsostnu wkoll li l-valur tal-minjieri kif ikkalkulat minn Behre Dolbear huwa relatat mal-assi flimkien mal-permessi rilevanti tat-tħaffir, waqt li Ellinikos Xrysos xtrat biss l-assi, u l-permessi tat-tħaffir kellhom jingħataw iktar tard mill-Istat Grieg. Barra dan, huma jsostnu li r-rapport ma jirreferix għall-assi mibjugħa iżda għall-valur ta’ Ellinikos Xrysos bħala tħassib li għaddej, u li għalhekk mhuwiex indikattiv tal-valur tal-assi mibjugħa mill-Istat Grieg, f’Diċembru 2003. Finalment, huma jissottomettu li f’paġna 37 tar-rapport, fit-Tabella 5.3, Behre Dolbear jikkalkula li l-valur nett attwali tal-fażi li tqarreb lejn il-produzzjoni tal-minjieri Cassandra huwa negattiv, jiġifieri – 2,59 miljun USD; għalhekk il-prezz li effettivament tħallas (11-il miljun EUR) kien ogħla mill-valur tas-suq tal-minjieri.

(26)

Jekk, madankollu, jintuża r-rapport Behre Dolbear, il-Greċja ssostni li mit-tliet mudelli differenti stabbiliti fir-rapport l-metodu tal-introjtu biss jista’ jiġi aċċettat, billi huwa metodu ta’ stima primarju li jintuża fuq livell internazzjonali, u rigward biss id-data tal-validazzjoni tiegħu u bil-kundizzjoni li jingħataw il-permessi tat-tħaffir u jsir investiment sinifikanti.

(27)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jammettu li l-Greċja biegħet l-assi direttament lill-Ellinikos Xrysos mingħajr offerta miftuħa jew stima minn qabel, minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien għall-ħarsien tal-impjiegi u l-ambjent. Huma jiddikjaraw ukoll li TVX Hellas kellha pretensjonijiet ta’ 293,5 miljun EUR kontra l-Greċja minħabba l-ħsara li nħolqot minn investimenti fil-minjieri (li l-operat tagħhom waqaf wara d-deċiżjonijiet ta’ annullament tal-2002) u l-ispejjeż li saru għall-ħarsien ambjentali. Huma jsostnu li ma kien hemm l-ebda klawżola fil-kuntratt tal-bejgħ dwar karigi minimi minħabba li t-tħaffir jirrikjedi numru kbir ta’ ħaddiema iżda fl-istess ħin mhuwiex possibbli li jiġi kwantifikat obbligu għaż-żamma tax-xogħol. Finalment, huma jiddikjaraw li jekk il-Kummissjoni jkollha toħroġ ordni ta’ rkupru, tkun tista’ tiġi sottomessa talba għall-annullament tal-kuntratt, f’liema każ l-Istat Grieg jista’ jiġi mitlub li jħallas lura l-11-il miljun EUR lill-kumpanija u l-assi jistgħu jiġu restitwiti lilha.

(28)

Barra dan, l-awtoritajiet Griegi jsostnu li kien possibbli li ssir referenza għall-valur determinat bl-offerta miftuħa tal-1995, u li l-valur tal-art jista’ jiġi kkunsidrat bħala mhux mibdul. Huma jsostnu li l-metodu użat fir-rapport Behre Dolbear (il-metodu tal-metodu tal-introjtu) jista’ jiġi aċċettat, iżda biss rigward id-data tar-rapport (30 ta’ Ġunju 2004), u bil-kundizzjoni biss li l-permessi tat-tħaffir jingħataw u jsir investiment sinifikanti. Finalment, l-awtoritajiet Griegi jaċċettaw li fiż-żmien tal-bejgħ, Stratoni kellha permessi tat-tħaffir validi u għalhekk kienet operattiva u ssodisfat il-klawżola tar-rapport ta’ Behre Dolbear dwar il-“faċilità li tqarreb lejn il-produzzjoni”.

(29)

Rigward l-eżenzjoni mit-taxxa u t-tnaqqis tat-tariffi legali, skont il-benefiċjarju t-taxxa statutorja dwar it-trasferiment tal-minjieri ma kinitx applikabbli fil-każ li qed jiġi eżaminat. Barra dan, skont il-Greċja, il-valur tal-minjieri kien negattiv, u għalhekk kien jeħtieġ inċentiv għax-xerrejja potenzjali. Barra dan, il-Greċja ssostni li l-Artikolu 173 tal-Kodiċi tat-Tħaffir Grieg jipprovdi għal rata tat-taxxa ta’ madwar 5 %, iżda biss għat-tranżazzjonijiet “skont kunsiderazzjoni” (“με επαχθή αιτία”), li, skont il-Greċja, jfissru tranżazzjonijiet li jinħolqu minn inċidenti sfortunati, pereżempju l-mewt tal-proprjetarju, għalhekk ma kinitx applikabbli fil-Każ li qed jiġi eżaminat. Barra dan, il-benefiċjarju jsostni li l-kuntratt tal-bejgħ għadu mhuwiex definittiv minħabba klawżola ta’ annullament, u bħala riżultat ta’ dan ikun prematur li tiġi imposta kwalunkwe tip ta’ taxxa. Finalment, il-benefiċjarju jsostni li t-tnaqqis fit-tariffi legali ma jinvolvix riżorsi tal-Istat peress li l-avukati huma professjonisti privati, u t-taxxa u l-imposti fuq it-tariffi tagħhom kienu tħallsu kif xieraq.

(30)

Il-Greċja tirrikonoxxi li huwa veru li tinġabar taxxa ta’ bejn 7 % u 9 % fil-każijiet kollha tal-bejgħ ta’ art, irrispettivament mill-fatt li jkun bejgħ ta’ assi ta’ kumpanija jew ta’ assi ta’ individwi privati.

(31)

Finalment, kemm il-Greċja kif ukoll il-benefiċjarju jsostnu li, anke jekk il-bejgħ tal-2003 kien jikkostitwixxi għajnuna favur l-Ellinikos Xrysos, din tal-aħħar kienet eliġibbli għall-għajnuna skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tal-1998 u l-Qafas Multisettorjali tal-2002 dwar l-għajnuna reġjonali għall-proġetti kbar ta’ investiment, it-tnejn li huma applikabbli fiż-żmien tal-bejgħ, billi l-kumpanija tinsab f’żona eliġibbli taħt l-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Il-benefiċjarju jsostni wkoll li tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna skont ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni tal-Blokk Ġenerali, il-Linji Gwida tal-2008 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, billi l-investiment inkwistjoni kien relatat ma’ settur u qasam ta’ importanza nazzjonali vitali. Rigward l-eżenzjoni mit-taxxa, skont il-benefiċjarju t-taxxa ammontat għal EUR 38 000; għalhekk kienet iżjed baxxa mil-limitu de minimis (EUR 100 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin) (13) u ma rriżultat fl-ebda benefiċċju għall-Ellinikos Xrysos.

III.b.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI OĦRA

(32)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ minn Hellenic Mining Watch (14). Il-Hellenic Mining Watch issostni li l-assi tal-minjieri Cassandra jinkludu wkoll proprjeta’ ta’ beni immobili sostanzjali li jżidu b’mod konsiderevoli l-valur totali tal-minjieri iżda ma ġewx ikkunsidrati fir-rapport Behre Dolbear. Il-Hellenic Mining Watch ma taċċettax ir-raġunijiet ta’ qgħad imressqa għat-trasferiment tal-minjieri mingħajr konformità mal-proċeduri legali, billi ssostni li l-kuntratt tal-bejgħ ma kien jinkludi l-ebda obbligu għall-Ellinikos Xrysos li timpjega numru speċifiku jew minimu ta’ ħaddiema.

(33)

Bl-istess mod il-Hellenic Mining Watch tirrifjuta r-raġunijiet ambjentali mressqa għat-trasferiment tal-minjieri mingħajr konformità mal-proċeduri legali, billi ssostni li l-Artikolu 1 tal-kuntratt tal-bejgħ tal-2003 jeħles lill-Ellinikos Xrysos minn kwalunkwe responsabbilà għal ħsara lill-ambjent, fejn ħsara bħal din jew il-kawża ta’ ħsara bħal din ikunu seħħu qabel il-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika l-kuntratt tal-bejgħ. Finalment, il-Hellenic Mining Watch tallega li l-assi tal-minjieri kienu jinkludu wkoll riżervi ta’ minerali bid-deheb ta’ valur sinifikanti, li jammonta għal 80 miljun EUR, li ma ssemmewx fil-kuntratt tal-bejgħ li sar mal-Ellinikos Xrysos.

(34)

Fir-reazzjoni tagħha għall-kummenti tal-Hellenic Mining Watch, il-Greċja ttenni l-opinjoni li Ellinikos Xrysos ma rċeviet l-ebda għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Greċja ssostni li hija la kienet il-proprjetarju u lanqas il-bejjiegħ tal-minjieri iżda sempliċiment intermedjarju fi tranżazzjoni bejn żewġ partijiet privati. Barra dan, il-Greċja ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Hellenic Mining Watch huma vagi, mhux eżatti u kontradittorji. Finalment, il-Greċja ssostni li l-Hellenic Mining Watch qiegħda tfittex li l-minjieri Cassandra jiġu restitwiti lill-Istat, peress li l-għan aħħari tagħha huwa l-ħarsien tal-ambjent.

(35)

Finalment, il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ mit-trejdjunjins tal-minjieri Cassandra (15), li jressqu dubji dwar jekk il-miżuri jikkostitwixxux għajnuna illegali mill-Istat u li jirreferu għall-kontribut tal-minjieri għall-ekonomija u l-impjieg.

IV   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(36)

Fuq il-bażi tal-fatti ta’ hawn fuq u l-argumenti tal-Greċja u ta’ partijiet terzi oħra, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżuri inkwistjoni fit-taqsima li ġejja. L-ewwel, il-Kummissjoni ser tivverifika l-eżistenza ta’ għajnuna fil-miżuri li qegħdin jiġu skrutinizzati, sabiex taċċerta jekk hemmx għajnuna jew le (sottotaqsima IV.a). It-tieni, fejn miżura tassew tinvolvi għajnuna, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konfomità tagħha mas-suq intern (sottotaqsima IV.b).

IV.a.   EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA FL-AMBITU TAT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TFUE

(37)

Sabiex taċċerta jekk miżura tikkostitwixxi għajnuna, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-miżura kkuntestata tilħaqx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jipprovdi li: “Minbarra kif ipprovdut mod ieħor fit-Trattati, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe tip ta’ forma li tibdel jew thedded li tibdel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċertu impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċertu oġgetti m’għandhiex, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun konformi mas-suq intern”.

(38)

Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa hawn taħt jekk il-miżuri kkontestati favur l-Ellinikos Xrysos jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

MIŻURA 1:   PREZZ TAL-BEJGĦ IŻJED BAXX MILL-VALUR TAS-SUQ

a.    Vantaġġ

(39)

Fejn l-Istat ibiegħ assi bi prezz iżjed baxx mill-valur tas-suq, dan jagħti vantaġġ lix-xerrej (li jirċievi assi bi prezz sussidjat) li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, ass jinbiegħ bil-valur tas-suq (u għalhekk għajnuna mill-Istat hija eskluża) fejn il-prezz jiġi determinat minn persuna indipendenti li tagħmel valutazzjoni u jkun daqs il-prezz tal-bejgħ jew fejn il-bejgħ jitwettaq permezz ta’ offerta kompetittiva, miftuħa, trasparenti u mhux kondizzjonata u tintgħażel l-ogħla offerta (16).

(40)

Fil-każ li qed jiġi eżaminat, il-minjieri Cassandra inbiegħu mingħajr offerta miftuħa jew stima ta’ kwalunkwe tip. Sabiex jiġi evitat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, l-Istat għandu jaġixxi bħala proprjetarju razzjonali privat li jimmassimizza l-profitt, jiġifieri “bejjiegħ tal-ekonomija tas-suq”, u jfittex l-aħjar riżultat finanzjarju possibbli minn bejgħ. Għalhekk, fil-każ li qed jiġi eżaminat, il-Kummissjoni vvalutat jekk l-Istat Grieg aġixxiex bħala bejjiegħ tal-ekonomija tas-suq.

(41)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li anke l-kwistjonijiet ambjentali u soċjali għandhom jitqiesu bħala kriterji tal-ekonomija tas-suq, minħabba li huma relatati mal-immaġni tal-kumpanija u s-sodisfazzjon tal-persunal. Fl-opinjoni tagħhom, l-argument tagħhom huwa sostnut mill-fatt li anke TVX Hellas, operatur tal-ekonomija tas-suq, ikkunsidrat il-kwistjonijiet ta’ xogħol u dawk ambjentali billi ħallset kumpens lill-impjegati tagħha, inkluż għal responsabbiltajiet ambjentali tal-passat (responsabbiltajiet li jmorru iżjed lura mill-bejgħ tal-2003). Huma jsostnu li, bl-istess mod, bejjiegħ tal-ekonomija tas-suq għandu jaqbel ma’ prezz imnaqqas sabiex jissodisfa l-kwistjonijiet ambjentali u soċjali ta’ tħassib.

(42)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ hawn fuq. Il-kwistjonijiet ta’ tħassib ambjentali u soċjali huma, skont in-natura tagħhom stess, kwistjonijiet ta’ politika pubblika ta’ tħassib segwiti mill-awtoritajiet pubbliċi. Bejjiegħ tal-ekonomija tas-suq jista’ jikkunsidra kwistjonijiet ta’ qghad u oħrajn ambjentali, l-iżjed sa ċertu limitu, sabiex iħares jew jikkoltiva reputazzjoni fil-qasam tan-negozju bħala aġent soċjalment jew ambjentalment responsabbli, iżda mhux għad-detriment sostanzjali tal-interess finanzjarji tiegħu. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest ta’ bejgħ, bejjiegħ razzjonali tal-ekonomija tas-suq jevalwa u jikkwantifika kwalunkwe ħlasijiet jew spejjeż li jirriżultaw minn dawk il-kwistjonijiet, sabiex jiddeċiedi kif dawn jistgħu jinfluwenzaw il-prezz aċcettabbli. Fil-każ li qed jiġi eżaminat, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt ma jinkludi l-ebda speċifikazzjoni finanzjarja bħal din, u l-Greċja ma wrietx li fiż-żmien tal-bejgħ kienet għamlet xi evalwazzjoni ta’ spejjeż finanzjarji bħal dawn.

(43)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu wkoll li l-minjieri kellhom valur tas-suq negattiv, li huwa evidenzjat mill-fatt li Kinross, il-proprjetarja ta’ TVX Hellas u operatur tal-ekonomija tas-suq, attribwiet valur negattiv lill-minjieri meta kkapitalizzat telf sinifikanti mill-investiment tagħha.

(44)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ hawn fuq. It-TVX Hellas issospendiet l-operazzjonijiet kummerċjali tagħha fil-minjieri Cassandra minħabba l-annullament tal-permessi tal-minjieri min-naħa tal-Kunsill tal-Istat. Madankollu, Stratoni kellha permess ta’ tħaffir validu fiż-żmien tal-bejgħ tagħha minn TVX Hellas lill-Greċja (ara l-paragrafu 13), waqt li l-permess tal-Olympias baqa’ annullat. Għalhekk il-Kummissjoni jidhrilha li d-deċiżjoni ta’ TVX Hellas li tbiegħ il-minjieri Cassandra kienet konnessa mal-falliment tal-investiment sostanzjali tagħha f’Olympias. Għalhekk, l-imġiba ta’ TVX Hellas kienet relatata mal-valur tal-investiment Olympias u mhux mal-valur ta’ Stratoni.

(45)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jammettu li l-Greċja biegħet l-assi direttament lill-Ellinikos Xrysos mingħajr offerta miftuħa jew valutazzjoni minn qabel, minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien sabiex tħares l-impjiegi u l-ambjent. Rigward dan tal-aħħar, huma jsostnu li n-nuqqas ta’ bejgħ tal-minjieri jkun ifisser spejjeż ambjentali sostanzjali li jispiċċaw jaqgħu fuq l-Istat Grieg, li jammontaw għal madwar 15,7 miljun EUR. Rigward l-impjieg, l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jaċċettaw li ma kien hemm l-ebda klawżola fil-kuntratt tal-bejgħ dwar karigi minimi, iżda jsostnu li l-kwantifikazzjoni ta’ obbligu għaż-żamma tax-xogħol mhijiex possibbli u li t-tħaffir jirrikjedi numru kbir ta’ ħaddiema.

(46)

Rigward dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li l-valur tal-assi mibjugħa ma ġie vvalutat bl-ebda mod qabel il-bejgħ u li l-bejgħ ma sarx permezz ta’ proċess miftuħ iżda permezz ta’ kuntatt dirett max-xerrej. Rigward l-ispejjeż ambjentali li allegatament għandhom jaqgħu fuq il-Greċja, il-Kummissjoni tosserva li ma hemm l-ebda traċċa ta’ dawk l-ispejjeż fil-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument kontemporanju. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ma ġew imposti l-ebda obbligi ambjentali addizzjonali fuq ix-xerrej, minbarra dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Il-Kummissjoni tikkunsidra li jekk l-ispejjeż ambjentali għandhom jitqiesu bħala fattur fid-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ, bejjiegħ privat għandu jevalwa u jikkwantifika b’attenzjoni dawn l-ispejjeż qabel ma jiddetermina l-prezz tal-bejgħ. Il-Greċja ma tat l-ebda evidenza li, fiż-żmien tal-bejgħ, kienet għamlet xi tip ta’ evalwazzjoni u kwantifikazzjoni bħal dawn jew li b’mod ieħor kienet ikkunsidrat kwalunkwe tip ta’ spiża ambjentali.

(47)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kuntratt tal-bejgħ tal-2003 ma kienx jinkludi klawżola li tobbliga lix-xerrej li jżomm jew joħloq numru minimu ta’ impjiegi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument li x-xerrej ġie mgħobbi b’obbligu li jżomm iżjed impjiegi minn dak li kien meħtieġ ekonomikament, peress li l-kuntratt tal-bejgħ ma kien jinkludi l-ebda obbligu ta’ żamma ta’ numru speċifiku ta’ impjiegi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, mill-perspettiva ta’ bejjiegħ privat, l-ebda argument relatat man-numru ta’ impjiegi jew il-ħarsien tal-impjiegi ma jista’ jintuża sabiex jinkiseb prezz tal-bejgħ li jkun iżjed baxx mill-valur tas-suq tal-minjieri.

(48)

Għalhekk, fuq il-bażi tal-paragrafi 46 u 47, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti tal-Greċja u l-benefiċjarju stabbiliti fil-paragrafu 45.

(49)

Dwar il-kwistjoni tal-impjieg u l-ħarsien ambjentali (ara l-paragrafu 45), il-Helleni Mining Watch tirrifjuta r-raġunijiet dwar il-qgħad imressqa għat-trasferiment tal-minjieri mingħajr konformità mal-proċeduri legali, billi ssostni li l-kuntratt tal-bejgħ ma kien jinkludi l-ebda obbligu għall-Ellinikos Xrysos li timpjega numru speċifiku jew minimu ta’ ħaddiema. Il-Hellenic Mining Watch issostni wkoll li l-Ellinikos Xrysos irċeviet vantaġġ, peress li l-Artikolu 1 tal-kuntratt tal-bejgħ tal-2003 jeżenta lill-Ellinikos Xrysos minn kwlaunkwe responsabbiltà għal ħsara lill-ambjent, fejn ħsara bħal din jew il-kawża ta’ ħsara bħal din tkun saret qabel il-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika l-kuntratt tal-bejgħ.

(50)

Rigward it-tieni argument tal-Hellenic Mining Watch stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li l-kuntratt tal-bejgħ tal-2003 jeżenta lill-Ellinikos Xrysos minn kwalunkwe responsabbiltà għal ħsara lill-ambjent fejn ħsara bħal din jew il-kawża għal ħsara bħal din tkun saret qabel il-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika l-kuntratt tal-bejgħ. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjoni ta’ hawn fuq tal-kuntratt ma tagħtix vantaġġ separat lill-Ellinikos Xrysos li jkun indipendenti mill-prezz tal-bejgħ. Il-klawżoli li jqassmu responsabbiltajiet finanzjarji differenti għall-passat bejn il-bejjiegħ u x-xerrej huma pjuttost frekwenti fil-kuntratti privati. Fl-aħħarnett, il-partijiet għall-bejgħ jikkunsidraw klawżoli bħal dawn fid-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ. Għalhekk, il-mistoqsija aħħarija fil-każ preżenti hija jekk il-bejgħ, meta wieħed jikkunsidra l-kundizzjonijiet tiegħu, irriflettiex il-valur tas-suq tal-minjieri.

(51)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li l-bejgħ tal-2003 ma ta l-ebda vantaġġ lill-Ellinikos Xrysos, peress li l-prezz imħallas minn Ellinikos Xrysos kien daqs il-valur tal-ktieb tal-assi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ TVX Hellas, il-proprjetarju tal-minjieri Cassandra qabel l-Istat Grieg.

(52)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-valur tal-ktieb ta’ Ellinikos Xrysos Hellas ma jistax jiġi kkunsidrat għall-evalwazzjoni tal-valur tal-assi, peress li jirriżulta mid-deprezzament tal-valur fir-reġistri tal-kumpanija għal finijiet ta’ tassazzjoni (17) u jirrappreżenta l-valur tal-kontabilità tal-assi. Skont il-każistika stabbilita tal-liġi (18), il-valur tal-kontabilità mhuwiex dejjem l-istess bħall-valur tas-suq meta l-għan huwa l-evalwazzjoni tal-assi għall-fini li jiġi stabbilit il-prezz tagħhom f’bejgħ. Barra dan, l-assi inkwistjoni ġew trasferiti fuq bażi stand alone, u d-deprezzament imwettaq mill-proprjetarju ta’ qabel kien jikkonċerna biss iż-żamma tal-kotba u t-tassazzjoni tiegħu.

(53)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li l-prezz imħallas minn Ellinikos Xrysos huwa ġustifikat minn kriterji ta’ ekonomija tas-suq, billi kien daqs il-prezz mitlub minn TVX Hellas, kumpanija privata. Din tal-aħhar kienet titlob għal prezz ogħla kieku kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan.

(54)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni tinnota li l-prezz imħallas mill-Greċja lil TVX Hellas kien ir-riżultat ta’ kklerjar tal-pretensjonijiet taż-żewġ partijiet kontra xulxin. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pretensjoni ta’ TVX Hellas kontra l-Greċja ammontat għal 293,5 miljun EUR (ara l-paragrafu 15). B’dan ir-raġunament, kieku l-pretensjonijiet taż-żewġ partijiet kienu differenti, ir-riżultat finali tal-ftehim seta’ kien differenti, anke jekk kien ikun konness mal-bejgħ tal-istess assi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ikklerjar tal-pretensjonijiet ma kienx rappreżentattiv tal-valur tal-assi mibjugħa.

(55)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tinnota li l-pretensjonijiet kienu jikkonsistu minn talbiet għal kumpens imressqa miż-żewġ partijiet. B’mod partikolari, il-pretensjoni tal-Greċja kienet tikkonċerna ħsara ambjentali maħluqa allegatament minn TVX Hellas. Il-pretensjoni ta’ TVX Hellas kienet tikkonċerna spejjeż ambjentali u telf minn investimenti li l-kumpanija allegatament sofriet minħabba l-annullament tal-permessi għat-tħaffir fl-2002. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-valur tal-assi ma ġie evalwat bl-ebda mod fiż-żmien tal-ikklerjar ta’ hawn fuq. Għalhekk, il-prezz ta’ 11-il miljun EUR għall-bejgħ tal-minjieri Cassandra lill-Greċja kien konness mar-responsabbiltajiet allegati taż-żewġ partijiet u mhux mal-valur tal-assi.

(56)

Finalment, il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni ta’ TVX Hellas li tbiegħ il-minjieri Cassandra kienet konnessa mal-falliment tal-investiment sostanzjali tagħha f’Olympias, u għalhekk mal-valur tal-investiment ta’ Olympias u mhux mal-valur ta’ Stratoni. L-Ellinikos Xrysos ma kienet għamlet l-ebda investiment bħal dan u għalhekk ma ġietx affettwata mill-falliment ta’ dak l-investiment. Għalhekk, Il-Kummissjoni jidhrilha li l-prezz ta’ 11-il miljun EUR għall-bejgħ tal-minjieri Cassandra lill-Greċja kien jirrifletti biss ir-relazzjoni kummerċjali bejn TVX Hellas u l-Greċja u s-sitwazzjoni speċifika ta’ TVX Hellas fiż-żmien tal-bejgħ. Għalhekk ma setgħax ikun rappreżentattiv ta’ ftehim kummerċjali separat, bħal dak bejn il-Greċja u Ellinikos Xrysos.

(57)

Fid-dawl ta’ dak preċedenti (il-paragrafi 54-56), il-Kummissjoni tikkonkludi li ma kien hemm l-ebda konnessjoni bejn l-ikklerjar tal-pretensjonijiet bejn il-Greċja u TVX Hellas u l-valur tal-assi.

(58)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, u sabiex jiġi stabbilit jekk il-prezz tal-bejgħ kienx jirrifletti l-valur tas-suq tal-assi, il-Kummissjoni qasmet l-assi fi tliet kategoriji: a) minjieri; b) art; u c) riżervi minerali. Għall-kalkolu tal-valur tas-suq tal-assi, il-Kummissjoni qagħdet fuq ir-rapport Behre Dolbear (ara l-paragrafu 19). Rigward l-art, il-Kummissjoni vverifikat il-valur imsemmi fir-rapport bl-użu tal-prezz imħallas għall-art inkwistjoni f’offerta preċedenti fl-1995 (ara l-paragrafu 11).

(59)

Il-Greċja u l-benefiċjarju jsostnu li r-rapport Behre Dolbear ma jistax jiġi kkunsidrat peress li l-għan tiegħu kien li jiġbed l-attenzjoni tal-investituri. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument, peress li l-ġbid tal-attenzjoni tal-investituri huwa għan essenzjali u leġittimu ta’ kwalunkwe rapport ta’ stima maħruġ f’isem operaturi tal-ekonomija tas-suq li jkunu qegħdin ifittxu fondi fis-swieq finanzjarji. Huwa essenzjali li l-validità ta’ kwalunkwe stima tiġi verifikata, iżda s-sempliċi fatt li rapport ta’ stima jkun maħsub li jiġbed l-investituri mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi skreditat.

(60)

Il-Greċja u l-benefiċjarju jsostnu wkoll li r-rapport ma jistax jiġi kkunsidrat minħabba li r-referenza ta’ żmien tiegħu (Ġunju 2004) ma kinitx l-istess bħal dik tal-bejgħ (Diċembru 2003).

(61)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ hawn fuq. Il-Kummissjoni tinnota li d-data tar-rapport Behre Dolbear hija tabilħaqq it-30 ta’ Ġunju 2004, iżda l-kontenut tiegħu jista’ jiġi kkunsidrat bħala kontemporanju mal-bejgħ ta’ Diċembru 2003 peress li huwa bbażat fuq il-fluttwazzjoni tal-prezzijiet tal-metall matul il-perjodu 1993-2003.

(62)

L-Istat Grieg u Ellinikos Xrysos isostnu li r-rapport ma jirreferix għall-assi mibjugħa iżda għall-valur tal-Ellinikos Xrysos bħala tħassib li għadu għaddej, u li għalhekk mhuwiex indikattiv tal-valur tal-assi mibjugħa mill-Istat Grieg f’Diċembru 2003. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument, peress li sabiex jiġi kkalkulat il-valur ġenerali tal-kumpanija r-rapport jipprovdi evalwazzjoni dettaljata tal-valur tal-assi mibjugħa fuq bażi ta’ oġġetti separati.

a.a   Kalkolu tal-valur tal-minjieri

a.a.1.   Argumenti relatati mal-valur tal-minjieri

(63)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li, fiż-żmien tal-bejgħ, il-valur tas-suq tal-minjieri Cassandra tnaqqas jew saħansitra kien negattiv minħabba l-interruzzjoni twila tal-operat u l-annullament tal-permessi tat-tħaffir. Huma jsostnu wkoll li l-prezz imħallas fil-bejgħ tal-2003 kien jirrifletti l-valur tal-minjiera Stratoni, billi kienet l-unika waħda li kienet qiegħda topera. B’mod partikolari, il-Greċja taċċetta li, fiż-żmien tal-bejgħ, Stratoni kellha permessi tat-tħaffir validi u għalhekk kienet operattiva u ssodisfat il-klawżola tal-“faċilità li tqarreb lejn il-produzzjoni” tar-rapport Behre Dolbear.

(64)

Il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjonijiet tal-annullament tal-2002 affettwaw biss il-valur tal-Olympias, peress li fiż-żmien tal-bejgħ Stratoni kellha permessi tat-tħaffir validi, u konsegwentement kellha valur. Fl-istess ħin, TVX Hellas interrompiet l-operat minħabba l-falliment tal-investiment tagħha fil-qasam tal-estrazzjoni tad-deheb meta l-permessi tal-Olympias ġew annullati. Għalhekk l-imġiba tagħha ġiet relatata biss mal-valur tal-investiment tal-Olympias u mhux mal-valur ta’ Stratoni.

(65)

Għal dak li jirrigwarda Skouries, l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li hemmhekk qatt ma saret attività ta’ tħaffir jew investiment, minbarra riċerka relatata mat-tħaffir mwettqa minn TVX Hellas qabel il-bejgħ tal-2003, u li jeħtieġ li jsir investiment sinifikanti sabiex jinħolqu faċilitajiet ta’ tħaffir hemmhekk.

(66)

Il-Kummissjoni tinnota li Skouries ma kellhiex permessi għat-tħaffir jew infrastruttura għat-tħaffir stabbilita. Madankollu, l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju naqsu milli jissottomettu kwalunkwe tip ta’ informazzjoni jew argument sostanzjali li juru li l-operat tal-minjiera ta’ Skouries ma kienx awtorizzat amministrattivament jew ekonomikament fattibbli. Barra dan, skont ir-rapport Behre Dolbear, l-ispejjeż kapitali għall-iżvilupp tal-minjieri u l-kostruzzjoni fi Skouries kienu ta’ 268 miljun USD fl-2004, jiġifieri 220 miljun EUR. F’dan ir-rapport, Behre Dolbear tesprimi l-opinjoni tagħha li dawn il-kostijiet huma “raġjonevoli”. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li ma kien hemm l-ebda tfixkil amministrattiv jew ekonomiku għall-għoti tal-permessi tat-tħaffir jew għall-bini ta’ infrastruttura għat-tħaffir u t-twettiq ta’ operat ta’ tħaffir fi Skouries.

(67)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq (il-paragrafi 63-66), il-Kummissjoni tikkunsidra li, fiż-żmien tal-bejgħ, il-valur tas-suq tal-Olympias kien tabilħaqq kompromess bid-deċiżjonijiet ta’ annullament tal-2002, iżda li l-valur tas-suq ta’ Stratoni u Skouries ma kienx. Għalhekk, fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003, kien possibbli li ssir stima tal-valur tas-suq għall-minjieri Cassandra.

a.a.2.   Kalkolu tal-valur tal-minjieri

(68)

Sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-minjieri Cassandra, il-Kummissjoni eżaminat kull waħda mit-tliet minjieri li jikkostitwixxu l-minjieri Cassandra (Stratoni, Olympias u Skouries) rigward iż-żewġ kwistjonijiet li ġejjin: a) il-valur tal-minjiera, li għandu jkun ibbażat fuq fatturi ekonomiċi li kienu japplikaw fiż-żmien tal-bejgħ; u b) il-ħila tal-minjiera li topera, sabiex jintlaħaq il-valur imsemmi hawn fuq. Fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ fatturi, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li Stratoni u Skouries kellhom ċertu valur li seta’ jintlaħaq iżda li l-valur tal-Olympias kien diffiċli li jiġi stabbilit fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003.

(69)

Sabiex issir stima tal-valur tal-minjieri, il-Kummissjoni użat ir-rapport Behre Dolbear. Ir-rapport japplika tliet metodi sabiex jiġi kkalkulat il-valur ġust tas-suq tal-minjieri Cassandra: a) l-istima tal-metodu tal-introjtu (19); b) l-istima tat-tranżazzjonijiet relatati (bejgħ komparabbli); u c) l-approċċ tal-kapitalizzazzjoni tas-suq (20). Il-valuri li nkisbu bl-applikazzjoni ta’ dawn it-tliet metodi huma, rispettivament: a) 130,3–402,5 miljun USD jew 107,2–331,1 miljun EUR; b) 504,7 miljun USD jew 415,2 miljun EUR; u c) 614,9 miljun USD jew 505,9 miljun EUR. Il-firxa tal-istima tal-metodu tal-introjtu hija riżultat tax-xenarji differenti tal-prezzijiet użati f’dak (ara l-paragrafu 72). Minn dawn it-tliet metodi, il-Kummissjoni segwiet l-metodu tal-introjtu. Ir-raġunijiet huma ppreżentati fit-Tabella ta’ hawn taħt:

Tabella

Raġunijiet għall-użu tal-metodu tal-introjtu

Metodu tal-Introjtu

Tranżazzjonijiet Relatati

Kapitalizzazzjoni tas-suq

L-metodu tal-introjtu jipprovdi valuri dettaljati għal kull waħda mit-tliet faċilitajiet ta’ tħaffir, fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-metall magħrufa fiż-żmien tal-bejgħ tal-minjieri. Meta tkun qiegħda ssir l-istima tal-valur ta’ assi fi tranżazzjoni, jistgħu jiġi kkunsidrati biss fatturi li kienu operattivi fiż-żmien tat-tranżazzjoni.

Il-bażi tal-istima tat-tranżazzjonijiet relatati hija dibattibbli, peress li żewġ minjieri differenti ma jistgħux ikunu identiċi. Skont Behre Dolbear il-metodu tat-tranżazzjonijiet relatat huwa kontroversjali, minħabba l-fatt li kull depożitu minerali, anke tal-istess komodità, huwa differenti sa ċertu punt minn depożiti oħra għal dak li jirrigwarda l-mineraloġija, il-kundizzjonijiet tat-tħaffir, il-metallurġija, l-aspetti ambjentali, il-kwistjonijiet soċjali preżenti, il-kategoriji tal-metalli mhux maħduma, eċċ

Ir-rapport Behre Dolbear jinkludi wkoll kumment dwar il-metodu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq, min-naħa ta’ American Appraisal Associates, li jgħid li l-kapitalizzazzjoni tas-suq hija rakkomandata bħala metodu ta’ stima sekondarju jew ġeneralment, hija adatta għall-verifika tal-istimi mwettqa bl-użu ta’ metodi primarji.

L-metodu tal-introjtu huwa metodu ta’ stima primarju, u għalhekk huwa l-aktar metodu affidabbli. Barra dan, fil-Kawża li qed jiġi eżaminat, il-metodu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq jivverifika biss il-valur li jirriżulta mill-kapitalizzazzjonijiet tas-suq waqt l-ewwel nofs tal-2004, li mhumiex aċċettabbli, billi din l-informazzjoni hija sussegwenti għall-bejgħ. Għalhekk, il-metodu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq lanqas jista’ jintuża bħala metodu ta’ stima sekondarju.

Jidher li Behre Dolbear qed tattribwixxi iżjed kredibilità lill-valur miksub mill-metodu tal-introjtu, billi tiddikjara li “Matul is-snin, Behre Dolbear għamlet enfasi partikolari fuq il-valur miksub mill-Metodu tal-introjtu” (sommarju tal-valuri fuq p. 43 tar-rapport Behre Dolbear).

(70)

Il-Greċja taċċetta li, jekk jintuża r-rapport Behre Dolbear, l-metodu tal-introjtu biss jista’ jiġi aċċettat, billi huwa metodu ta’ stima primarju li jintuża fuq livell internazzjonali, u għal dak li jirrigwarda biss id-data tal-validazzjoni tiegħu (30 ta’ Ġunju 2004) u bil-kundizzjoni li jingħataw il-permessi tat-tħaffir u jsir investiment sinifikanti.

(71)

Fuq il-bażi tal-metodu tal-introjtu, il-Kummissjoni tikkalkula l-valur tal-minjieri fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003 kif ġej (ara l-paragrafi 72-79).

(72)

L-metodu tal-introjtu jikkalkula l-valur ġust tas-suq tal-minjieri Cassandra f’livell li jqarreb lejn il-produzzjoni (21), kif muri mill-operat tal-minjieri, bi spejjeż definiti tajjeb u riżervi evidenzjati u probabbli (22). Ir-rapport juża tliet xenarji differenti għad-determinazzjoni tal-valur, ibbażati fuq il-prezzijiet applikabbli tul il-perjodi li ġejjin: a) medja tal-1993–2003; b) l-ewwel nofs tal-2004 biss; u c) medja tal-1993–2003 kif ukoll l-ewwel nofs tal-2004 (diviż bi 2). Il-Kummissjoni jidhrilha li tista’ tikkunsidra biss ix-xenarju medju tal-1993–2003, u mhux it-tnejn l-oħra, peress li huwa bbażat fuq prezzijiet u spejjeż li kienu magħrufa fiż-żmien tal-bejgħ, li sar f’Diċembru 2003. Barra dan, il-prezzijiet storiċi tal-1993–2003 użati minn Behre Dolbear ma juru l-ebda tendenza speċifika matul il-perjodu 1993–2003 kollu, jiġifieri huma jiffluttwaw matul is-snin differenti, u għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-medja tal-1993-2003 tinkorpora aħjar l-iżviluppi storiċi fuq is-suq tal-metalli. Barra dan, il-prezzijiet fl-ewwel nofs tal-2004 mhumiex rappreżentattivi tal-valur tal-minjieri, peress li huma biss temporanji u ma jikkunsidrawx il-fluttwazzjoni. Huwa importanti li jiġu kkunsidrati l-fluttwazzjonijiet sabiex jiġi minimizzat l-effett ta’ kwalunkwe tibdil mhux tas-soltu jew avvenimenti każwali u sabiex tinkiseb stampa ċara tal-valur tal-minjieri.

(73)

Il-Greċja u l-benefiċjarju jsostnu li Behre Dolbear jikkalkula l-valur preżenti nett tal-minjieri Cassandra li jqarrbu lejn il-produzzjoni bħala negattiv u huwa ta’ – 2,59 miljun USD (paġna 37, Tabella 5.3 tar-rapport), sabiex b’hekk il-prezz li effettivament tħallas (11-il miljun EUR) qabeż il-valur tas-suq tal-minjieri.

(74)

Il-Kummissjoni tinnota li, fuq bażi stand alone, il-valuri netti preżenti (fil-livell li jqarreb lejn il-produzzjoni) attribwiti mill-metodu tal-introjtu għat-tliet proġetti tal-minjieri huma: a) għall-Olympias, – 28,79 miljun USD, jiġifieri – 23,7 miljun EUR; b) għal Stratoni, 10,48 miljun USD, jiġifieri 8,6 miljun EUR; u c) għal Skouries, 15,72 miljun USD, jiġifieri 12,9 miljun EUR. Is-somma ta’ dawn it-tliet valuri hija daqs valur negattiv ta’ – 2,59 miljun USD.

(75)

Madankollu, il-Kummissjoni ma taċċettax l-argument ta’ hawn fuq tal-Greċja u l-benefiċjarju. Hija tinnota mill-valuri ta’ hawn fuq li l-valur nett preżenti (fuq livell li jqarreb lejn il-produzzjoni) tal-Olympias fiż-żmien tal-bejgħ kien tabilħaqq negattiv. Madankollu, jidhrilha li l-valur negattiv nett preżenti tal-Olympias ifisser li, fiż-żmien tal-bejgħ, il-profitti li kienu mistennija li jirriżultaw mill-operat tal-minjiera fil-livell tal-prezzijiet osservati tul dawn l-aħħar 11-il sena kellhom ikunu negattivi. Meta wieħed jikkunsidra l-prezz tad-deheb, kwalunkwe proprjetarju tal-Olympias kien jagħżel li ma joperax il-minjiera u kemm jista’ jkun possibbli kien ifittex li jevita t-telf. Kif muri, jekk ma joperax il-minjiera, ix-xerrej seta’ jillimita t-telf għal 5,5 miljun EUR, li jirrappreżentaw spejjeż li x-xerrej kellu jagħmel skont il-kuntratt għal raġunijiet ta’ ħarsien ambjentali u għal finijiet ta’ manutenzjoni. Madankollu, wieħed ma jistax jikkonkludi minn dan biss li l-valur tal-Olympias għandu jiġi kkalkulat fi – 5,5 miljun EUR, peress li, fil-prinċipju, is-sjieda ta’ minjiera tagħti wkoll valur ta’ opzjoni: il-proprjetarju jista’ jopera l-minjiera meta ż-żminijiet ikunu opportuni (il-prezzijiet tad-deheb ikunu għolja biżżejjed) u jagħżel li ma joperax meta ż-żminijiet ma jkunux opportuni (il-prezzijiet tad-deheb ma jkunux għolja biżżejjed). Fid-dawl ta’ dan, l-Ellinikos Xrysos setgħet għażlet li ssir il-proprjetarja tal-minjiera bħala parti mill-pakkett tal-minjieri Cassandra jew bl-għan li iżjed tard tkun tista’ tagħmel l-investimenti meħtieġa fil-minjiera tal-Olympias sabiex tibda l-isfruttament mill-ġdid bi profitt jekk il-prezzijiet tad-deheb jogħlew sa ma jilħqu livelli (sostanzjalment) ‘il fuq mil-livell osservat matul il-perjodu 1993-2003 preċedenti.

(76)

Il-ksib ta’ stima affidabbli ta’ dan il-valur ta’ opzjoni huwa pjuttost kumplikat. Ta’ iżjed importanza huwa li, kwalunkwe valur bħal dan ikollu jiġi aġġustat sabiex tiġi kkunsidrata l-probabbiltà (possibilment għolja) li, anke jekk il-prezzijiet tad-deheb ikunu għolja biżżejjed li jiġġustifikaw operat bi profitt, il-permess għal din il-minjiera jista’ ma jingħatax. Kif indikat hawn fuq (ara l-paragrafu 12), il-permessi tat-tħaffir u l-ipproċessar tad-dehab ta’ Olympias kienu ġew annullati għal raġunijiet ambjentali li ġew meqjusa serji. Għalhekk jidher xieraq li jiġi kkunsidrat li l-Olympias għandha valur ta’ opzjoni li jista’ jiġi kkalkulat b’mod konservattiv bħala żero. Fid-dawl ta’ dan, il-valur nett tal-Olympias għandu jiġi kkalkulat bħala – 5,5 miljun EUR.

(77)

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni jidhrilha li l-valuri individwali ta’ Stratoni u Skouries jammontaw għal 21,5 miljun EUR, li hija s-somma tal-valuri taż-żewġ minjieri skont ir-rapport Behre Dolbear (8,6 miljun EUR u 12,9 miljun EUR rispettivament, ara l-paragrafu 74), peress li:

a.

Stratoni kellha permess tat-tħaffir validu, infrastruttura tat-tħaffir stabbilita u valur pożittiv miksub mill-operat tagħha (valur nett pożittiv preżenti), u għalhekk kienet operattiva fiż-żmien tal-bejgħ;

b.

għal dak li jirrigwarda Skouries, il-Kummissjoni jidhrilha li ma kien hemm l-ebda tfixkil amministrattiv jew ekonomiku fl-għoti tal-permessi tat-tħaffir jew il-bini ta’ infrastruttura tat-tħaffir u t-twettiq ta’ operat ta’ tħaffir; Skouries kellha wkoll valur pożittiv miksub mill-operat tagħha (valur nett pożittiv preżenti).

(78)

Il-Greċja u l-benefiċjarju jsostnu li l-valur tal-minjieri kkalkulat minnn Behre Dolbear ma jistax jiġi kkunsidrat minħabba li jirrigwarda l-assi flimkien mal-permessi tat-tħaffir rilevanti, waqt li l-Ellinikos Xrysos xtrat biss l-assi, u l-permessi tat-tħaffir kellhom jingħataw iktar tard mill-Istat Grieg. Il-Kummissjoni ma taċċettax dan l-argument peress li, kif intwera hawn fuq, Stratoni kellha permess għat-tħaffir validu fiż-żmien tal-bejgħ. Kif intwera hawn fuq ukoll, ma kien hemm l-ebda tfixkil amministrattiv għall-għoti ta’ permess għat-tħaffir għal Skouries. L-ispiża tal-applikazzjoni għal u l-ksib ta’ permess għat-tħaffir għal Skouries kienet limitata għat-tariffi tal-ġeoloġi u esperti oħra għall-preparazzjoni tal-istudji meħtieġa għall-permess, u għat-tariffi relatati ma’ ittra ta’ garanzija meħtieġa mill-Ministeru kompetenti. Skont is-sottomissjoni tal-awtoritajiet Griegi, l-ispejjeż ta’ hawn fuq jammontaw (rispettivament) għal massimu ta’ madwar 5 000 EUR fuq bażi ta’ darba kif ukoll 600 000 EUR kull sena. Il-Kummissjoni tikkunsidra dawn l-ammonti baxxi, meta mqabbla mal-ispejjeż kapitali ġenerali għall-iżvilupp u l-bini tal-minjieri fi Skouries, li laħqu 268 miljun USD fl-2004, jiġifieri 220 miljun EUR (ara l-paragrafu 66). Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-ispejjeż tal-permess għat-tħaffir msemmija hawn fuq ma kinux ta’ tfixkil għal kumpanija li riedet tinvesti fi Skouries. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-rapport Behre Dolbear jinkludi wkoll spejjeż “amministrattivi” fil-kalkolu tal-valur nett preżenti tal-minjiera. Għalhekk il-Kummissjoni jidhrilha li l-ispejjeż ta’ hawn fuq (għall-applikazzjoni għal u l-ksib ta’ permess għat-tħaffir għal Skouries) ġew ikkunsidrati fir-rapport Behre Dolbear.

(79)

Fuq il-bażi ta’ dak preċedenti, il-valur tal-minjieri huwa kkalkulat f’16-il miljun EUR għat-tliet minjieri kollha (21,5 miljun EUR – 5,5 miljun EUR).

a.b   Kalkolu tal-valur tal-art

(80)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li l-art miksuba minn kumpanija tat-tħaffir tista’ tintuża biss għal attivitajiet ta’ tħaffir u m’għandhiex valur tas-suq peress li l-liġi Griega tagħti prijorità lill-attivitajiet ta’ tħaffir f’żoni bħal dawn. Għalhekk, it-tnaqqis fil-valur tad-drittijiet tat-tħaffir minħabba l-interruzzjoni twila tal-operat u l-annullament tal-permessi tat-tħaffir irriżultaw ukoll fi tnaqqis fil-valur tal-art.

(81)

Rigward il-kwistjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra l-art inkwistjoni bħala assi ta’ impriża ta’ tħaffir u mhux bħala “proprjetà ta’ beni immobili” fit-tifsira wiesgħa tat-terminu, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-operat tat-tħaffir (tniġġis, diżordni ambjentali, eċċ), li minħabba fihom il-possibbiltà tal-bejgħ fis-suq ta’ dawk l-assi b’mod separat mill-minjieri tista’ tkun tranżazzjoni dubjuża.

(82)

Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha wkoll li kwalunkwe assi kummerċjali għandu valur, minħabba li jikkontribwixxi jew jista’ jikkontribwixxi għall-operat tal-kumpanija u għat-twettiq ta’ qligħ. Il-minjieri Cassandra kienu jikkostitwixxu impriża li kienet operattiva fiż-żmien tal-bejgħ, u għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-art setgħet intużat għall-operat tal-minjieri u għalhekk kellha valur. Konsegwentement il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument imressaq mill-Greċja u l-Ellinikos Xrysos.

(83)

Il-Hellenic Mining Watch issostni li l-assi tal-minjieri Cassandra jinkludu wkoll proprjetà ta’ beni immobili sostanzjali li żżid b’mod konsiderevoli l-valur totali tal-minjieri iżda ma ġietx ikkunsidrata fir-rapport Behre Dolbear.

(84)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-rapport Behre Dolbear ma jikkunsidrax tal-art, b’mod separat mill-minjieri. Ir-rapport Behre Dolbear jikkunsidra l-art bħala assi mhux minerali tal-minjieri Cassandra u jagħti stima tal-valur tagħha ta’ 6 miljun EUR (23), b’mod indipendenti mill-metodu tal-metodu tal-introjtu.

(85)

Iżda Behre Dolbear tiddikjara fir-rapport tagħha li l-valur attribwit għall-art huwa l-valur rapportat minn Ellinikos Xrysos, u li ma kkalkulatx il-valur tal-art infisha. Għalhekk il-Kummissjoni teħtieġ li tivverifika dan il-valur.

(86)

Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni użat il-prezz imħallas għall-art fl-offerta miftuħa tal-1995 għall-bejgħ tal-minjieri Cassandra lil TVX Hellas (ara l-paragrafu 6). Dan mhuwiex kalkolu primarju iżda sekondarju, maħsub li jittestja l-validità tal-valur mogħti fir-rapport Behre Dolbear (6 miljun EUR).

(87)

L-awtoritajiet Griegi jaċċettaw li l-valur determinat bl-offerta miftuħa tal-1995 jista’ jiġi kkunsidrat, u li l-valur tal-art jista’ jiġi kkunsidrat bħala mhux mibdul. Il-Kummissjoni tinnota li fil-kuntest tal-bejgħ tal-1995 tal-minjieri Cassandra lil TVX Hellas, l-art ġiet assenjata prezz ta’ 1,2 biljun GRD. Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li ma hemm l-ebda referenzi ta’ prezzijiet jew indiċi ta’ prezzijiet għall-art tal-minjieri Cassandra, li hija kkunsidrata bħala assi ta’ impriża tat-tħaffir u mhux bħala “proprjetà ta’ beni immobili” fit-tifsira wiesgħa tat-terminu (ara l-paragrafu 81). Kieku kien hemm referenzi ta’ prezzijiet jew indiċi ta’ prezzijiet validi bħal dawn, kien ikun possibbli li jiġi kkalkulat valur ta’ referenza aġġornat. Fl-assenza tagħhom, il-Kummissjoni tikkunsidra l-prezz tal-1995 bħala l-aħjar stima disponibbli fil-każ li qed jiġi eżaminat. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala valur tal-bidu 1,2 biljun GDR jew 3,5 miljun EUR (bl-użu tar-rata tal-kambju ta’ 340,75 GRD/EUR li biha l-Greċja daħlet fiż-żona ewro fl-2001) bħala valur tas-suq ġust tal-art.

(88)

Wara l-1995, TVX Hellas akkwistat 70 plott addizzjonali (matul il-perjodu 1997-2000, l-iżjed fl-1998 u l-1999). Il-Kummissjoni tinnota li l-valur tal-akkwiżizzjoni ta’ dawk is-70 plott addizzjonali jammonta għal 1,1 miljun EUR, kif ippreżentat fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ TVX Hellas. Il-Kummissjoni tikkunsidra dan il-valur tal-akkwiżizzjoni bħala wieħed orjentat lejn is-suq, billi kien stabbilit mis-suq. Meta jingħaddu ż-żewġ valuri ta’ hawn fuq (3,5 miljun EUR u 1,1 miljun EUR), il-valur totali tas-suq ġust tal-art jista’ jiġi stabbilit f’4,6 miljun EUR.

(89)

Dan l-ammont ta’ 4,6 miljun EUR jirrappreżenta l-valur nominali tal-art fl-2003, ibbażat fuq il-prezzijiet tal-1995 u l-1997-2000. Il-Kummissjoni jidhrilha li dan il-valur jeħtieġ li jiġi aġġustat skont l-indiċi ġenerali Grieg tal-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali għall-perjodi 1995-2003 u 1998-2003. L-indiċi tal-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali jintuża minħabba li l-art inkwistjoni hija assi ta’ kumpanija industrijali, u l-aġġustament irid ikun rappreżentattiv tal-bdil fil-prezzijiet fis-settur industrijali. Dan l-aġġustament tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-1995 u l-1997-2000 iwassal għal figura finali ta’ 5,9 miljun EUR f’Diċembru 2003.

(90)

Il-Kummissjoni tinnota li l-valur ta’ hawn fuq ta’ 5,9 miljun EUR huwa qrib ħafna l-valur ta’ 6 miljun EUR mogħti minn Behre Dolbear fir-rapport ta’ stima tagħha (ara l-paragrafu 84). Il-Kummissjoni jidhrilha li dan il-qbil strett jikkonferma kemm kienet tajba l-istima tal-art magħmula minn Ellinikos Xrysos użata fir-rapport Behre Dolbear, u għalhekk tiġġustifika li l-figura ta’ 6 miljun EUR tittieħed bħala waħda rappreżentattiva tal-valur ġust tas-suq f’Diċembru 2003.

a.c   Kalkolu tal-valur tar-riżervi minerali

(91)

Il-bejgħ tal-2003 jinkludi wkoll kwantità ta’ riżervi minerali b’konċentrati tad-deheb (24). L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li fl-2003 r-riżervi ta’ hawn fuq kellhom valur negattiv minħabba l-prezz relattivament baxx tad-deheb u l-ispejjeż relatati relattivament għolja.

(92)

L-awtoritajiet Griegi pprovdew kalkolu tal-punt tal-prezz tal-“pariġġ” (break even), li fih il-kummerċ fir-riżervi ta’ hawn fuq għandu jrendi l-qligħ. B’kunsiderazzjoni tal-konċentrazzjoni tad-deheb fil-mineral, jiġifieri 0,7 uqijiet ta’ deheb kull tunnellata, u l-prezz tad-deheb tat-12 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri 407 USD kull uqija, il-valur tad-deheb ikkonċentrat fir-riżervi tad-deheb kien 284,9 USD kull tunnellata. L-awtoritajiet Griegi pprovdew ukoll l-ispejjeż relatati mal-kummerċ fir-riżervi ta’ hawn fuq: spejjeż tal-ipproċessar ta’ 245 USD kull uqija u 171,5 USD kull tunnellata; spejjeż tat-trasport ta’ 50 USD kull tunnellata; penali ta’ ħasil ta’ 270 USD kull tunnellata; u imposti tal-ipproċessar ta’ 5 USD kull uqija u 4,1 USD kull tunnellata. Il-komputazzjoni tar-riżultati ta’ hawn fuq tirriżulta fi prezz tal-bejgħ negattiv ta’ – 210,7 USD kull tunnellata.

(93)

Il-Kummissjoni vverifikat il-kalkolu ta’ hawn fuq. Hija tikkunsidra li, għar-raġunijiet ta’ hawn fuq ta’ prezz u spiża, il-prezz tar-riżervi fiż-żmien tal-bejgħ ma kienx iħalli qligħ. Il-kummerċ fir-riżervi minerali tad-deheb jista’ forsi jħalli qligħ jekk l-ispejjeż tat-trasport inbidlu jew kien mistenni li jinbidlu, iżda dan ma setax jiġi kkalkulat. Barra dan, ir-rapport Behre Dolbear ma jagħtix il-valur tar-riżervi minerali tad-deheb. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-valur ta’ dawn ir-riżervi ma jistax jiġi kkalkulat.

(94)

Hellenic Mining Watch tallega li r-riżervi minerali bid-deheb kellhom valur sinifikanti, li jammonta għal 80 miljun EUR. Il-Kummissjoni tinnota li dan il-valur ta’ 80 miljun EUR ma huwa appoġġjat mill-ebda dejta jew evidenza pprovduta minn Hellenic Mining Watch. Fuq din il-bażi, u b’kunsiderazzjoni tal-komputazzjoni ta’ hawn fuq, li minnha jidher li l-valur ta’ dawn ir-riżervi ma jistax jiġi kkalkulat, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ Hellenic Mining Watch.

(95)

Il-Kummissjoni tinnota li l-assi mibjugħa f’Diċembru 2003 kienu jinkludu wkoll żewġ depożiti ta’ minerali ta’ ċomb u żingu. Ir-rapport Behre Dolbear jinkludi stima tal-valur tal-konċentrati eżistenti ta’ ċomb u żingu fit-30 ta’ Ġunju 2004 (25). L-istima hija separata mill-kalkolu tal-valur nett preżenti tal-minjieri u ma tagħmilx parti mill-valutazzjoni taħt l-metodu tal-introjtu. Hija tipprovdi ritorn nett mit-titwib tal-metalli (26) għall-proprjetarju tal-minjiera: l-ewwelnett, jiġi kkalkulat il-valur tal-kontenut tal-metall (ċomb, fidda u żingu), fuq il-bażi ta’ prezzijiet attwali u kwantitajiet disponibbli; it-tieni, l-“iskeda tal-ħlas tat-titwib” (l-ispiża ta’ iżjed proċessar, imposta mix-xerrej tal-minerali fuq il-produttur tagħhom) tiġi applikata, b’kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis ta’ dik l-ispiża (perċentwali ta’ deprezzament speċifiku, tariffi ta’ proċessar u raffinar u spejjeż tat-trasport tal-merkanzija); finalment, l-iskeda tal-ħlas tat-titwib titnaqqas mill-valur ta’ hawn fuq tal-kontenut tal-metall (27).

(96)

Il-Kummissjoni tinnota li l-metodu ta’ hawn fuq huwa l-metodu standard għall-kalkolu tal-ħlasijiet tal-metall. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tuża l-metodu ta’ hawn fuq sabiex tagħmel stima tal-valur tas-suq tad-depożiti ta’ minerali miksuba minn Ellinikos Xrysos f’Dicembru 2003, fuq bażi tal-kwantitajiet ta’ depożiti ta’ minerali u prezzijiet tal-metall f’Diċembru 2003 (28). Bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ hawn fuq għall-kwantitajiet ta’ minerali, il-prezzijiet tal-metall ta’ Diċembru 2003 u t-termini speċjali tal-iskeda tal-ħlasijiet tat-titwib ta’ Ellinikos Xrysos, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-valur tas-suq tad-depożiti ta’ minerali akkwistati minn Ellinikos Xrysos f’Diċembru 2003 kienu jammontaw għal 3,7 miljun USD jew 3 miljun EUR (bl-użu tar-rata tal-kambju ta’ 1,2254 USD/EUR fid-data meta l-minerali nbiegħu lill-Ellinikos Xrysos, jiġifieri t-12 ta’ Diċembru 2003.

(97)

Il-Kummissjoni tinnota li, skont is-sottomissjoni tal-benefiċjarju, id-depożiti ta’ minerali taċ-ċomb u ż-żingu, akkwistati f’Diċembru 2003, inbiegħu f’Diċembru 2004 (1 ta’ Diċembru 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2004), jiġifieri wara li r-rapport Behre Dolbear ġie kkumpilat. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-metodu ta’ hawn fuq (kalkolu tal-valur tad-depożiti f’Ġunju 2004, ara l-paragrafu 95) japplikaw ukoll għall-kalkolu tal-valur tad-depożiti ta’ minerali ta’ Diċembru 2003, billi ma kien hemm l-ebda bejgħ ieħor ta’ minerali bejn Diċembru 2003 u Ġunju 2004 li seta’ stabbilixxa kundizzjonijiet ġodda.

a.d   Konklużjoni dwar il-vantaġġ

(98)

Il-kalkolu ta’ hawn fuq jipproduċi valur totali għall-minjieri Cassandra ta’ 25 miljun EUR, li hija s-somma tal-valur tal-minjieri (16-il miljun EUR), l-art (6 miljun EUR) u r-riżervi minerali (3 miljun EUR).

(99)

Dan il-valur totali huwa iżjed baxx b’mod sinifikanti mill-valur ippreżentat mir-rapport Behre Dolbear bħala valur ġust tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra (500 miljun USD jew 411 miljun EUR, ara l-paragrafu 19). Il-valur ippreżentat mir-rapport Behre Dolbear ġie msemmi fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2008 li tibda l-investigazzjoni formali bħala indikazzjoni li l-prezz tal-bejgħ kien iżjed baxx mill-valur tas-suq tal-minjieri.

(100)

Ir-raġjuni għad-differenza mill-valur tar-rapport Behre Dolbear (500 miljun USD) hija li huwa joriġina miż-żewġ metodi ta’ valutazzjoni li mhumiex adatti għall-każ li qed jiġi eżaminat (ara t-Tabella ta’ hawn fuq), jiġifieri t-“tranżazzjonijiet relatati” u l-metodi tal-“kapitalizzazzjoni tas-suq”, li ma jistgħux jiġu aċċettati peress li: a) il-bażi tal-evalwazzjoni tat-tranżazzjonijet relatati hija dubjuża, peress li żewġ minjieri differenti ma jistgħux ikunu identiċi: kull depożitu ta’ minerali, anke jekk ikun tal-istess komodità, huwa differenti sa ċertu punt minn depożiti oħra; b) il-kapitalizzazzjoni tas-suq hija rakkomandata bħala metodu tal-evalwazzjoni sekondarju jew bħala metodu ġenerali, adatt għall-verifika tal-evalwazzjonijiet magħmula bl-użu ta’ metodi primarji bħall-metodu tal-introjtu; fil-każ li qed jiġi eżaminat, il-metodu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq lanqas ma jista’ jintuża bħala metodu tal-evalwazzjoni sekondarju, peress li jivverifika biss il-valur tal-metodu tal-introjtu li jirriżulta mill-kapitalizzazzjonijiet tas-suq waqt l-ewwel nofs tal-2004, li ma jistgħux jiġu aċċettati minħabba li din l-informazzjoni hija sussegwenti għad-data tal-bejgħ; u c) Behre Dolbear jattribwixxi iżjed kredibilità għall-valur miksub mill-metodu tal-introjtu.

(101)

Il-valur totali li waslet għalih il-Kummissjoni (25 miljun EUR) huwa wkoll ħafna iżjed baxx mill-firxa ta’ prezzijiet ipprovduti mill-metodu tal-introjtu (107,2 miljun EUR – 331,1 miljun EUR, ara l-paragrafu 69). Ir-raġjuni għal dan hija li l-prezz tal-aħħar jinkludi: a) il-valuri tal-assi li ma ġewx ittrasferiti f’Diċembru 2003, pereżempju ammonti riċevibbli, flussi ta’ kontanti u riżervi ta’ minerali (il-valuri ta’ Ġunju 2004 huma differenti minn dawk ta’ Diċembru 2003, ara l-kalkolu fil-paragrafi 91-97); u b) ir-riżorsi minerali kkaratterizzati fir-rapport Behre Dolbear bħala spekulattivi u mhux ċerti (29) (materjal li jista’ jiġi estratt bit-tħaffir jew potenzjal ta’ esplorazzjoni). Dawn tal-aħħar mhumiex inklużi fil-flussi tal-kontanti għad-determinazzjoni tal-valur nett preżenti taħt l-metodu tal-introjtu (ara l-paragrafu 72), li joriġina biss minn riżervi evidenzjati u probabbli, eskluż ir-riżorsi l-oħra kollha. Barra dan, il-firxa tal-valuri ta’ hawn fuq tinkludi wkoll valuri differenti għall-Olympias taħt tliet xenarji ta’ prezzijiet differenti. Il-Kummissjoni ma taċċettax dawn il-valuri (ara l-paragrafi 72-76). Finalment, il-firxa tal-valuri ta’ hawn fuq hija influwenzata mix-xenarji differenti ta’ prezzijiet, li minnhom il-Kummissjoni taċċetta wieħed biss (ara l-paragrafu 72).

(102)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-valur tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra kien jammonta għal 25 miljun EUR fiż-żmien tal-bejgħ tagħhom lill-Ellinikos Xrysos.

(103)

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-valur tal-vantaġġ li minnu bbenefikat l-Ellinikos Xrysos jammonta għal 14-il miljun EUR, billi din hija d-differenza bejn il-valur totali ġust tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra (25 miljun EUR) u l-prezz imħallas fil-bejgħ (11-il miljun EUR).

(104)

Fuq il-bażi tal-analiżi ta’ hawn fuq tal-argumenti mressqa mill-Greċja u l-benefiċjarju, u b’kunsiderazzjoni tal-kalkolu tal-valur tas-suq tal-assi mibjugħa u l-paragun ta’ dan il-valur tas-suq mal-prezz li effettivament tħallas minn Ellinikos Xrysos, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kriterju tal-vantaġġ intlaħaq.

b.    Riżorsi tal-Istat

(105)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li l-Greċja aġixxiet biss bħala intermedjarju fil-bejgħ tal-2003 u qatt ma kienet il-proprjetarja tal-minjieri. Huma jsostnu wkoll li l-Greċja ma rċeviet l-ebda flus mill-bejgħ tal-2003, billi l-11-il miljun EUR tħallsu direttament lil TVX Hellas. Finalment, l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li t-tranżazzjoni tal-bejgħ tal-1995 saret bejn TVX Hellas u l-proprjetarju ta’ qabel, kumpanija privata li ġiet żmantellata.

(106)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Greċja kienet parti attiva fiż-żewġ tranżazzjonijiet, li saru permezz ta’ żewġ kuntratti differenti. Fit-tieni kuntratt, il-Greċja assumiet l-obbligi ta’ bejjiegħ iżda kienet intitolata wkoll għad-dħul mill-bejgħ. Dan id-dħul tħallas direttament lil TVX Hellas sabiex ikopri obbligu speċifiku tal-Istat Grieg, li għal darb’oħra juri r-rwol tal-Greċja bħala bejjiegħ u mhux biss bħala intermedjarju. Rigward l-argument li l-bejgħ tal-1995 sar bejn TVX Hellas u kumpanija privata, il-Kummissjoni jidhrilha li huwa irrilevanti għall-kwistjoni tar-riżorsi tal-Istat fil-każ li qed jiġi eżaminat, peress li dan il-kriterju qed jiġi eżaminat biss għall-bejgħ tal-2003.

(107)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma taċċettax l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju, u jidhrilha li l-kriterju tar-riżorsi tal-Istat huwa milħuq.

c.    Selettività

(108)

Il-minjieri Cassandra inbiegħu lill-Ellinikos Xrysos, u għalhekk l-Ellinikos Xrysos ibbenefikat b’mod selettiv mid-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-valur tas-suq tal-assi mibjugħa. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-miżura hija selettiva billi tiffavorixxi biss lil din il-kumpanija speċifika.

(109)

La l-Greċja u lanqas il-benefiċjarju ma kkontestaw dan il-punt.

d.    Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(110)

Ellinikos Xrysos hija attiva f’settur li l-prodotti tiegħu jiġu kummerċjalizzati b’mod wiesgħa fl-Istati Membri. It-tħaffir għaż-żingu, ir-ram, iċ-ċomb, id-deheb u l-fidda jsir fi ħdax-il Stat Membru minbarra l-Greċja, prinċipalment fir-Renju Unit, l-Italja, il-Finlandja, il-Polonja, is-Slovakkja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, Spanja, l-Irlanda, il-Portugall u l-Isvezja (30). Iż-żingu, ir-ram, iċ-ċomb, id-deheb u l-fidda huma kummerċjalizzati fl-Istati Membri kollha (31). Barra dan, il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni taw lill-Ellinikos Xrysos vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha (ara l-paragrafi 39-104). Fejn l-għajnuna mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jkunu qegħdin jikkompetu fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat li dawk l-impriżi l-oħra jkunu ġew affettwati minn dik l-għajnuna. Għalhekk, il-kriterju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa milħuq.

(111)

La l-Greċja u lanqas il-benefiċjarju ma kkuntestaw dan il-punt.

e.    Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna fil-miżura 1

(112)

Fid-dawl tal-preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bejgħ tal-2003 tal-minjieri Cassandra lill-Ellinikos Xrysos jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur Ellinikos Xrysos skont l-Artikolu 107(1) TFUE. L-ammont tal-għajnuna huwa 14-il miljun EUR, li hija d-differenza bejn il-prezz imħallas fl-2003, jiġifieri 11-il miljun EUR, u l-valur tas-suq tal-assi mibjugħa fiż-żmien tal-bejgħ, jiġifieri 25 miljun EUR.

MIŻURA 2:   EŻENZJONI MIT-TAXXA U TNAQQIS TAT-TARIFFI LEGALI

a.    Riżorsi tal-Istat

(113)

Skont il-Greċja u l-benefiċjarju, it-tnaqqis tat-tariffi legali ma jinvolvix ir-riżorsi tal-Istat, peress li l-avukati huma professjonisti privati, mhux impjegati pubbliċi, u t-taxxa u l-imposti fuq it-tariffi tagħhom tħallsu kif xieraq. Barra dan, skont il-Greċja, it-tariffi legali ma tħallsux mill-Istat. Madankollu, it-tnaqqis tat-tariffi legali huwa stipulat fl-Artikolu 5 tal-kuntratt tal-bejgħ, li jipprovdi li d-drittijiet legali u t-tariffi legali “għandhom jitnaqqsu għal 5 % tat-tariffa minima, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni rilevanti”.

(114)

Il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni li l-avukati mhumiex impjegati pubbliċi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li n-nutara huma tabilħaqq qaddejja pubbliċi. Madankollu, in-nutara ma jirċevux salarju; id-dħul tagħhom jiġi esklużivament mill-klijenti tagħhom, u mhux mill-baġit tal-Istat.

(115)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-kuntratti tal-bejgħ, it-tariffi legali jitħallsu mill-partijiet. Fil-każ li qed jiġi eżaminat, il-Kummissjoni taċċetta s-sottomissjoni tal-awtoritajiet Griegi li l-Istat ma ħallasx it-tariffi ta’ hawn fuq minflok ix-xerrej.

(116)

Għalhekk il-Kummissjoni jidhrilha li t-tnaqqis tat-tariffi legali ma jinvolvix ir-riżorsi tal-Istat u għalhekk ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

(117)

Rigward l-eżenzjoni mit-taxxa, l-għan tat-taxxi huwa l-finanzjament tal-baġit tal-Istat. Għalhekk in-nuqqas ta’ ġbir tat-taxxi jċaħħad lill-Istat minn riżorsi. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-eżenzjoni mit-taxxa tinvolvi tabilħaqq ir-riżorsi tal-Istat.

b.    Vantaġġ

(118)

Il-Kummissjoni tinnota li żewġ taxxi setgħu jiġu imposti fuq il-bejgħ tal-minjieri Cassandra: 1) taxxa fuq it-trasferiment tal-minjieri, b’rata ta’ 5 %; u 2) taxxa fuq it-trasferiment tal-art, b’rata ta’ 7 % sa 9 %.

(119)

Ellinikos Xrysos issostni li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe taxxa fil-bejgħ tal-2003 tista’ tkun immatura, billi l-kuntratt tal-bejgħ ma kienx definittiv minnħabba klawżola tal-annullament. Il-Kummissjoni ma taċċettax dan l-argument, peress li din il-klawżola partikolari tal-annullament tipprovdi għall-annullament tal-bejgħ biss f’każijiet fejn il-partijiet jonqsu milli jikkonformaw ma’ ċertu obbligi, sabiex jiġi salvagwardat l-effett tagħha; din hija klawżola standard fil-parti l-kbira tal-kuntratti u ma tfissirx li dawn il-kuntratti mhumiex definittivi. Barra dan, il-kuntratt jistipula kif għandu jidħol fis-seħħ: L-Artikolu 9 ta’ dan jipprovdi li l-kuntratt għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifikah fil-Gazzetta tal-Gvern Grieg. Finalment, il-kuntratt ma jagħmel l-ebda referenza għal xi tip ta’ stat mhux definittiv. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kuntratt tabilħaqq kien definittiv, u li kellhom jiġu imposti t-taxxi xierqa.

(120)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jsostnu li l-valur tal-minjieri kien negattiv, u li għalhekk kien meħtieġ inċentiv għax-xerrejja potenzjali. Għal dak li jirrigwarda dan l-argument, il-Kummissjoni tinnota li l-valur tal-minjieri fiż-żmien tal-bejgħ ma kienx negattiv iżda pożittiv, u kien jammonta għal 16-il miljun EUR (kif ikkalkulat fil-paragrafi 68-79).

(121)

Il-Kummissjoni tinnota li skont il-Kodiċi Grieg tat-Tħaffir, it-trasferiment tal-minjieri huwa ntaxxat b’rata ta’ 5 % fuq il-bażi tal-valur tagħhom, u li dan huwa applikabbli għat-tranżazzjonijiet “skont kunsiderazzjoni” (“με επαχθή αιτία”). L-awtoritajiet Griegi jsostnu li t-tranżazzjonijiet “skont kunsiderazzjoni” huma tranżazzjonijiet li jinħolqu minn inċidenti sfortunati, pereżempju l-mewt tal-proprjetarju, għalhekk it-taxxa ta’ 5 % tapplika biss għat-tranżazzjonijiet bħal dawn u ma kinitx applikabbli fil-każ li qed jiġi eżaminat. Il-Kummissjoni ma tistax taċcetta dan l-argument minħabba li, skont l-investigazzjoni tagħha, it-tranżazzjonijiet “skont kunsiderazzjoni” huma dawk fejn il-persuna li takkwista assi tagħti xi tip ta’ ritorn bħala kumpens u, b’mod iżjed ġenerali, fejn ikun hemm xi tip ta’ kunsiderazzjoni għall-akkwist. Din hija l-interpretazzjoni stabbilita tajjeb u aċċettata (32).

(122)

Fl-2003, il-valur tas-suq tal-minjieri kien 16-il miljun EUR (kif ikkalkulat fil-paragrafi 68-79). Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li t-taxxa korrispondenti għall-minjieri mibjugħa fl-2003 għandha tkun 0,8 miljun EUR.

(123)

Barra dan, il-Greċja tirrikonoxxi li taxxa ta’ bejn 7 % u 9 % tinġabar tabilħaqq fil-każijiet kollha tal-bejgħ tal-artijiet, irrispettivament jekk ikunx bejgħ ta’ assi ta’ kumpanija jew assi ta’ individwi privati. Il-Kummissjoni rċeviet żewġ ittri differenti li jikkontradixxu lil xulxin dwar din il-kwistjoni, waħda mill-Ministeru tal-Finanzi u waħda mill-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Tibdil tal-Klima (kompetenti għall-kwistjonijiet ta’ tħaffir). Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Griegi dwar din il-kontradizzjoni iżda ma rċevietx ittra b’opinjoni finali. Għalhekk, il-Kummissjoni taċċetta l-informazzjoni sottomessa mill-Ministeru tal-Finanzi, li huwa d-dipartiment responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni.

(124)

Fl-2003, il-valur tas-suq tal-art kien ta’ 6 miljun EUR (kif ikkalkulat fil-paragrafi 80-90). Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-bejgħ tal-art tal-2003 kellu jirriżulta f’taxxa ta’ 0,54 miljun EUR (33).

(125)

Billi l-kuntratt tal-bejgħ tal-2003 pprovda għal rata tat-taxxa żero għat-trasferiment, il-Kummissjoni jidhrilha li l-ammonti ta’ hawn fuq (ta’ total ta’ 1,34 miljun EUR) kienu jikkostitwixxu l-vantaġġ li minnu bbenefikat Ellinikos Xrysos.

(126)

Il-Greċja u l-benefiċjarju jsostnu li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet tammonta għal 38 000 EUR u għalhekk kienet inqas mil-limitu de minimis (34) u ma tagħtx vantaġġ lix-xerrej. Il-Kummissjoni ma tistax taċcetta dan l-argument, peress li l-limitu de minimis, li kien ta’ 100 000 EUR fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003, japplika irrispettivament mill-għamla tal-għajnuna jew l-għan li jkun irid jintlaħaq. Għalhekk wieħed ma jistax l-ewwel jissepara l-miżuri differenti ta’ għajnuna inkwistjoni, jiġifieri l-miżuri 1 u 2, u wara jħares biss lejn parti tal-miżura 2, jiġifieri l-eżenzjoni mit-taxxa. Il-Kummissjoni kkunsidrat iż-żewġ miżuri ta’ għajnuna fil-każ u sabet li flimkien jinvolvu ammonti ta’ għajnuna li jaqbżu l-limitu de minimis ta’ 100 000 EUR, u fid-dawl ta’ dan hija tal-opinjoni li l-għajnuna mogħtija tonqos milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għajnuna de minimis. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni żżomm il-konklużjoni li waslet għaliha fil-paragrafu 125.

c.    Selettività

(127)

Il-kriterju tas-selettività jintlaħaq bl-istess mod kif spjegat fil-paragrafu 108.

d.    Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(128)

Finalment, il-kriterju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jintlaħaq bl-istess mod bħal dak spjegat fil-paragrafu 110.

e.    Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna fil-miżura 2

(129)

Fid-dawl tal-preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mit-taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tammonta għal 1,34 miljun EUR favur Ellinikos Xrysos skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni jidhrilha li t-tnaqqis tat-tariffi legali ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

IV.b.   KONFORMITÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

ĠENERALI

(130)

Billi l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, il-konformità tagħhom għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-eżenzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu.

(131)

L-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE jipprovdu għal eżenzjonijiet tar-regola ġenerali li l-għajnuna mill-Istat mhijiex konformi mas-suq intern, li hija stabbilita fl-Artikolu 107(1).

(132)

F’dan li ġej, il-Kummissjoni ser tevalwa l-konformità tal-miżuri taħt dawn l-eżenzjonijiet.

EŻENZJONI TAĦT L-ARTIKOLU 107(2) TFUE

(133)

L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 107(2) TFEU ma japplikawx fil-każ preżenti: din il-miżura m’għandhiex karattru soċjali, ma ngħatatx lil konsumaturi individwali, mhijiex iddisinjata sabiex tirranġa ħsara maħluqa minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali, u ma ngħatatx lill-ekonomija ta’ ċertu żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja affettwati mid-diviżjoni ta’ dak il-pajjiż.

EŻENZJONI TAĦT L-ARTIKOLU 107(3) TFUE

(134)

Iżjed eżenzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 107(3) TFUE. Huwa ċar li l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b), (d) u (e) mhumiex applikabbli, u ma ntalbux mill-awtoritajiet Griegi. F’dan li ġej, il-Kummissjoni ser tevalwa l-konformità potenzjali tal-miżuri taħt l-Artikolu 107(3)(a) u (c).

(135)

L-Artikolu 107(3)(a) jiddikjara li l-“għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn l-istandard tal-għixien huwa baxx b’mod anormali jew fejn hemm nuqqas serju ta’ impjiegi” tista’ tiġi ddikjarata konformi mas-suq intern. Il-minjieri Cassandra jinsabu f’żona eliġibbli għal assistenza taħt l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, u għalhekk Ellinikos Xrysos tista’ tkun potenzjalment eliġibbli għal għajnuna reġjonali.

(136)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali applikabbli fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003 (“il-Linji Gwida Reġjonali tal-1998” (35)) stabbilew il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ għajnuna tal-investiment reġjonali.

(137)

Skont il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998, l-għan tal-għajnuna reġjonali huwa li jiġi garantit jew l-investiment produttiv (investiment tal-bidu) jew il-ħolqien ta’ impjiegi li jkunu konnessi mal-investiment.

(138)

Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-miżuri jitqiesu bħala għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi, għandu jiġi enfasizzat li għall-finijiet ta’ għajnuna reġjonali, il-ħolqien ta’ impjiegi jfisser żieda netta fin-numru ta’ impjiegi fl-impriża li tkun qiegħda tiġi skrutinata meta mqabbel mal-medja fuq perjodu partikolari, u li kwalunkwe impjieg mitluf waqt dak il-perjodu għandu għalhekk jitnaqqas min-numru apparenti ta’ impjiegi maħluqa matul l-istess perjodu. Barra dan, l-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-kost tal-paga; b’mod partikolari, m’għandux jaqbeż ċertu perċentwal tal-kost tal-paga tal-persuna mislufa, ikkalkulat fuq perjodu ta’ sentejn.

(139)

Għal dak li jirrigwarda dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni tosserva li l-kuntratt tal-bejgħ kien jinkludi biss klawżola vaga li tagħti lill-Ellinikos Xrysos id-diskrezzjoni li timpjega kwalunkwe numru ta’ impjegati, skont il-ħtiġijiet tagħha, u li l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq għalhekk ma ntlaħqux. Għalhekk il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ma kienux saru l-provvedimenti għall-ħolqien ta’ impjiegi skont il-Linji Gwida.

(140)

Il-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali tal-1998 jiddefinixxu investiment tal-bidu bħala investiment f’kapital fiss relatat mat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti, jew il-bidu ta’ attività li tinvolvi bdil fundamentali fil-prodott jew il-proċess tal-produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti (permezz ta’ razjonalizzazzjoni, diversifikazzjoni jew modernizzazzjoni) (36).

(141)

Il-Kummissjoni taċċetta li l-akkwist ta’ Skouries jikkwalifika bħala investiment tal-bidu, fuq il-bażi tad-definizzjoni ta’ hawn fuq tal-Linji Gwida. Fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003, ma kien hemm l-ebda infrastruttura ta’ tħaffir stabbilita fi Skouries, u kien hemm ħtieġa għal investiment f’kapital fiss bl-għan li jinbeda l-operat tal-minjiera l-ġdida (ara l-paragrafu 66).

(142)

Għal dak li jirrigwarda Stratoni, il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk il-bejgħ ta’ assi jistax jiġi kkunsidrat bħala investiment tal-bidu skont il-Linji Gwida (37).

(143)

Madankollu, skont il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998, investiment f’kapital fiss magħmul fil-forma tax-xiri ta’ stabbiliment li jkun għalaq jew li kien jagħlaq li kieku ma nxtarax jista’ jiġi kkunsidrat ukoll bħala investiment tal-bidu.

(144)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Greċja tabilħaqq uriet li l-minjieri ingħalqu jew kienu jingħalqu li kieku ma nxtrawx minn Ellinikos Xrysos (38). Għalhekk, investiment bħal dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala investiment tal-bidu.

(145)

Madankollu, il-fatt li l-bejgħ tal-minjieri Cassandra għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment tal-bidu ma jfissirx li dan l-investiment huwa konformi skont il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998. Żewġ kundizzjonijiet stabbiliti minn dawk il-Linji Gwida ma ntlaħqux, kif muri fil-paragrafi 146-152 ta’ hawn taħt.

(146)

L-ewwelnett, il-bejgħ tal-minjieri Cassandra hija miżura ad hoc. F’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998 jipprovdu b’mod speċifiku dan li ġej: “Deroga mill-prinċipju tan-nuqqas ta’ konformità stabbilit bl-Artikolu [107(1)] tat-Trattat tista’ tingħata rigward l-għajnuna reġjonali biss jekk il-bilanċ bejn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw u l-vantaġġi tal-għajnuna f’termini tal-iżvilupp ta’ reġjun żvantaġġat jista’ jiġi garantit. Il-ħlas ta’ għajnuna individwali ad hoc magħmul lil impriża singola, jew għajnuna limitata għal żona waħda ta’ attività, jista’ jkollhom impatt kbir fuq il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, u l-effetti tagħhom fuq l-iżvilupp reġjonali probabbilment ikun limitat wisq. Għajnuna bħal din ġeneralment taqa’ fl-ambitu ta’ politiki industrijali speċifiċi jew settorjali u ħafna drabi ma tkunx eżattament konformi mal-ispirtu tal-politika ta’ għajnuna reġjonali. Din tal-aħħar għandha tibqa’ newtrali fl-allokazzjoni ta’ riżorsi produttivi bejn is-setturi u l-attivitajiet ekonomiċi differenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li, sakemm ma jkunx jista” jintwera mod ieħor, għajnuna bħal din ma tilħaqx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu ta’ qabel (it-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-Linji Gwida).

(147)

Minkejja l-fatt li fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2008 il-Greċja intalbet li tesprimi opinjoni dwar il-konformità tal-għajnuna taħt l-Artikolu 107(3)(a) TFUE u l-Linji Gwidi tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998, il-Kummissjoni tinnota li l-Greċja naqset milli turi fi kwalunkwe mod li l-bejgħ tal-minjieri Cassandra osserva bilanċ bejn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li rriżultaw u l-vantaġġi tal-għajnuna f’termini tal-iżvilupp ta’ reġjun żvantaġġat.

(148)

It-tieni, l-għajnuna reġjonali għandu jkollha effett ta’ inċentiv, jiġifieri għandha tipprovdi inċentiv reali sabiex tagħmel investiment li nkella ma jsirx fiż-żoni mgħejjuna. F’dan l-ispirtu, il-Linji Gwida jsemmu li “l-iskemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li applikazzjoni għal għajnuna għandha tiġi sottomessa qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġetti” (39). Din il-kundizzjoni hija valida wkoll għall-miżuri ta’ għajnuna ad hoc (40). Il-Greċja ma writx li l-benefiċjarju kkonforma mar-rekwiżit ta’ hawn fuq, u lanqas li ssottometta applikazzjoni għal għajnuna qabel ma beda l-proġett.

(149)

Barra dan, għal dak li jirrigwarda l-effett tal-inċentiv tal-għajnuna, il-Kummissjoni tinnota li l-Greċja ma għamlitx offerta miftuħa u mhux kondizzjonata għall-bejgħ tal-minjieri Cassandra. Il-Kummissjoni jidhrilha li offerta miftuħa u mhux kondizzjonata bħal din kienet tkun it-test sabiex jiġi verifikat jekk fis-suq kienx hemm investituri interessati fil-minjieri. Billi ma kien hemm l-ebda offerta bħal din, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Greċja ma vverifikatx il-livell ta’ rieda tas-suq li jinvesti fil-minjieri Cassandra, u għalhekk ma vverifikatx il-ħtieġa għal għajnuna b’effett ta’ inċentiv.

(150)

Barra dan, il-Kummissjoni tinnota li l-akkwist tal-minjieri Cassandra kien jikkostitwixxi investiment fis-settur tat-tħaffir. Is-settur huwa industrija ta’ inċentiv kapitali fejn ammonti sinifikanti ta’ investimenti huma meħtieġa għall-iżvilupp u l-operat kummerċjali. Fil-każ li qed jiġi eżaminat, skont ir-rapport Behre Dolbear, l-ispejjeż kapitali għall-iżvilupp u l-bini tal-minjieri fi Skouries kienu ta’ 220 miljun EUR (ara l-paragrafu 66). Il-Kummissjoni tinnota li dan l-ammont huwa ogħla b’mod konsiderevoli mill-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri 15,34 miljun EUR (ara l-ammonti kkombinati fil-paragrafi 111 u 124). B’mod partikolari, l-ammont tal-għajnuna ta’ hawn fuq jirrappreżenta biss 7 % tal-investiment meħtieġ f’waħda mill-minjieri. Barra dan, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li turi li Ellinikos Xrysos ma kinitx kapaċi li twettaq l-investiment mingħajr għajnuna. Għall-kuntrarju, il-Greċja u l-Ellinikos Xrysos qablu li din tal-aħħar kellha tabilħaqq twettaq investimenti kapitali għall-iżvilpp tal-minjieri (41). Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-għajnuna inkwistjoni ma kelliex effett ta’ inċentiv u ma kinitx meħtieġa għall-investituri li xtaqu jakkwistaw il-minjieri Cassandra.

(151)

Finalment, il-Greċja naqset milli turi bi kwalunkwe mod l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna inkwistjoni.

(152)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li l-bejgħ tal-minjieri Cassandra ma jissodisfax it-testijiet tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998 sabiex l-għajnuna tiġi ddikjarata konformi bħala għajnuna ta’ investiment tal-bidu.

(153)

Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll jekk l-għajnuna tistax tiġi ddikjarata konformi bħala għajnuna tal-operat taħt il-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998. Il-Linji Gwida jiddefinixxu l-għajnuna tal-operat bħala għajnuna mmirata għat-tnaqqis tal-ispejjeż kurrenti ta’ impriża. Skont il-Linji Gwida, l-għajnuna tal-operat tista’ tingħata fuq bażi eċċezzjonali f’reġjuni eliġibbli taħt id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

(154)

Madankollu, skont il-Linji Gwida, l-għajnuna tal-operat hija għajnuna “mmirata għat-tnaqqis tal-ispejjeż kurrenti ta’ impriża” (punt 4.15). L-ispejjeż kurrenti huma n-nefqa mhux kapitali u ġeneralment rikorrenti meħtieġa għall-operat ta’ negozju. L-għajnuna inkwistjoni ma ffinanzjatx l-ispejjeż kurrenti f’dak is-sens, iżda investiment f’kapital fiss (akkwist ta’ minjieri u art) u eżenzjoni mit-taxxa dovuta għall-investiment ta’ hawn fuq (taxxa tat-trasferiment). Għalhekk, l-għajnuna inkwistjoni ma ffinanzjatx infiq kurrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-għajnuna inkwistjoni ma tissodisfax id-definizzjoni ta’ għajnuna ta’ operat skont il-Linji Gwida.

(155)

Barra dan, skont il-Linji Gwida, għajnuna tal-operat tista’ tingħata fir-reġjuni eliġibbli, bil-kundizzjoni li l-livell tagħha jkun proporzjonali mal-iżvantaġġi li tkun qiegħda tipprova tnaqqas, u huwa l-Istat Membru li għandu juri l-eżistenza ta’ kwalunkwe żvantaġġ u jivvaluta l-importanza tiegħu. Fil-każ li qed jiġi eżaminat, il-Greċja ma pprovdiet l-ebda tip ta’ kejl jew kalkolu tal-iżvantaġġi tar-reġjun u tal-livell tal-għajnuna sabiex jintwera li din tal-aħħar hija proporzjonali ma’ dawk ta’ qabel.

(156)

Finalment, skont il-Linji Gwida, għajnuna tal-operat għandha tkun limitata fiż-żmien u titnaqqas b’mod progressiv. Il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ inkwistjoni ma kien soġġett għall-ebda tip ta’ limitu ta’ żmien jew tnaqqis progressiv. Tabilħaqq, kemm il-prezz tal-bejgħ kif ukoll l-eżenzjoni mit-taxxa, kif iffissati fil-kuntratt tal-bejgħ, ġew determinati u validati mingħajr l-ebda referenza għall-ebda tip ta’ limitu jew tnaqqis ta’ żmien.

(157)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata konformi taħt il-Linji Gwida

(158)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata konformi taħt il-linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998.

(159)

Għal dak li jirrigwarda l-konformità tal-għajnuna taħt ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna konformi mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE (42), il-Kummissjoni jidhrilha li fuq il-bażi tal-figuri finanzjarji sottomessi mill-awtoritajiet Griegi, l-Ellinikos Xrysos hija impriża kbira, kif muri fil-paragrafu 12 ta’ hawn fuq. Skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-għajnuna ad hoc lill-kumpaniji l-kbar hija eskluża mill-ambitu tar-Regolament.

(160)

Barra dan, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, fejn tingħata għajnuna koperta mir-Regolament lil impriża kbira, l-Istat Membru għandu jikkonferma l-effett tal-inċentiv materjali tal-għajnuna, fuq il-bażi ta’ dokument li janalizza l-vijabbiltà tal-proġett jew l-attività benefiċjarji, bl-għajnuna u mingħajrha. Il-Kummissjoni ma ġietx ipprovduta b’evidenza bħal din.

(161)

Finalment, skont ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-akkwist ta’ assi kapitali konnessi direttament ma’ stabbiliment li jkun għalaq jew kien jagħlaq li kieku ma nxtarax huwa kkunsidrat spiża eliġibbli bil-kundizzjoni li t-tranżazzjoni tkun saret skont il-kundizzjonijiet tas-suq. L-awtoritajiet Griegi jammettu li t-tranżazzjoni saret mingħajr offerta miftuħa, mhux kondizzjonata u trasparenti jew evalwazzjoni indipendenti tal-valur tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-bejgħ inkwistjoni ma sarx skont kundizzjonijiet tas-suq.

(162)

Bħala konklużjoni, l-għajnuna mogħtija lill-Ellinikos Xrysos mhijiex konformi taħt ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

(163)

L-Artikolu 107(3) TFUE jiddikjara li l-“għajnuna mogħtija sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċertu attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċertu żoni ekonomiċi, fejn għajnuna bħal din ma taffettwax b’mod avvers il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista’ tiġi ddikjarata konformi mas-suq intern.

(164)

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-eżenzjoni fl-Artikolu 107(3)(c) ma tapplikax fil-każ li qed jiġi eżaminat u li l-Ellinikos Xrysos mhijiex eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ u/jew ristrutturazzjoni. Skont il-punt 7 tal-Linji Gwida tal-Komunità tal-1999 dwar l-għajnuna tal-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, applikabbli fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003 (43), “impriża ġdida mhijiex eliġibbli għal għajnuna tas-salvataġġ jew tar-ristrutturazzjoni, anke jekk il-pożizzjoni finanzjarja tal-bidu ma tkunx sigura. Dan huwa l-każ, pereżempju, fejn impriża ġdida tinħoloq mil-likwidazzjoni ta’ impriża preċedenti jew sempliċiment tieħu l-pussess tal-assi ta’ din l-impriża”. Ellinikos Xrysos hija kumpanija li ġiet stabbilita tliet ijiem qabel l-akkwist tal-minjieri Cassandra. Barra dan, l-għajnuna tar-ristrutturazzjoni tingħata skont l-eżistenza ta’ pjan tajjeb ta’ ristrutturazzjoni, u l-Greċja ma ssottomettitx pjan ta’ ristrutturazzjoni bħal dan. Bħala konklużjoni, l-għajnuna mogħtija lill-Ellinikos Xrysos mhijiex konformi skont ir-regoli tal-għajnuna tas-salvataġġ u/jew tar-ristrutturazzjoni.

(165)

Fl-aħħarnett, rigward l-għajnuna ambjentali, Ellinikos Xrysos kienet obbligata li tilħaq l-istandards ambjentali applikabbli. B’mod partikolari, kienet obbligata li twettaq investimenti għall-ħarsien tal-ambjent u li twettaq l-operat tat-tħaffir tagħha skont il-liġijiet ambjentali tal-Greċja u l-UE. Billi dawn ta’ hawn fuq kienu obbligatorji skont il-liġi, ma kienx meħtieġ li l-Ellinikos Xrysos tingħata għajnuna sabiex tikkonforma mal-liġi.

KONKLUŻJONI DWAR IL-KONFORMITÀ

(166)

Fid-dawl tal-preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni mhumiex konformi mat-TFUE.

(167)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li li d-differenza bejn il-valur tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra u l-prezz li nbiegħu lill-Ellinikos Xrysos tikkostitwixxi għajnuna mhux konformi favur Ellinikos Xrysos. Il-Kummissjoni jidhrilha wkoll li l-ammont ta’ taxxa li kellu jitħallas minn Ellinikos Xrysos għall-akkwist tal-minjieri u l-art jikkostitwixxi għajnuna mhux konformi favur Ellinikos Xrysos.

V   KONKLUŻJONI

(168)

Fuq il-bażi tal-preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri preżenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur Ellinikos Xrysos skont l-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li d-differenza bejn il-valur tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra u l-prezz li bih inbiegħu lill-Ellinikos Xrysos tikkostitwixxi għajnuna favur Ellinikos Xrysos, u li l-ammont ta’ taxxa li kellu jitħallas minn Ellinikos Xrysos għall-akkwist tal-minjieri u l-art jikkostitwixxi wkoll għajnuna favur Ellinikos Xrysos.

(169)

Barra dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna preżenti mhumiex konformi mas-suq intern. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li d-differenza bejn il-valur tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra u l-prezz li bih inbiegħu lill-Ellinikos Xrysos tikkostitwixxi għajnuna mhux konformi favur Ellinikos Xrysos, u li l-ammont ta’ taxxa li kellu jitħallas minn Ellinikos Xrysos għall-akkwist tal-minjieri u l-art jikkostitwixxi wkoll għajnuna mhux konformi favur Ellinikos Xrysos.

(170)

Skont it-TFUE u l-każistika tal-liġi stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti li tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta jsib li ma tkunx konformi mas-suq intern (44). B’mod konsistenti l-Qorti sostniet ukoll li l-obbligu ta’ Stat li jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala mhux konformi mas-suq intern hu ddisinjat sabiex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (45). F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li l-għan jinkiseb ladarba r-riċevitur ikun ħallas mill-ġdid l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk jitlef il-vantaġġ li kellu qabel fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi restawrata s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-għajnuna (46).

(171)

Skont il-każistika tal-liġi ta’ hawn fuq, l-Artikolu 14 tar-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 (47) jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi rigward għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.”

(172)

Għalhekk, billi l-miżuri preżenti huma kkunsidrati bħala għajnuna illegali u mhux konformi, l-ammonti ta’ għajnuna għandhom jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. Il-bidu tal-irkupru għandu jkun iż-żmien meta jkun ingħata l-vantaġġ lill-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna saret disponibbli għall-benefiċjarju, li għandu jħallas imgħax tal-irkupru sakemm l-irkupru jkun effettiv.

(173)

L-element ta’ għajnuna mhux konformi tal-miżuri huwa s-somma ta’ a) id-differenza bejn il-valur tas-suq tal-assi tal-minjieri Cassandra u l-prezz li bih ikunu nbiegħu lill-Ellinikos Xrysos (14-il miljun EUR) u b) l-ammont ta’ taxxa li kellu jitħallas minn Ellinikos Xrysos għall-akkwist tal-assi, jiġifieri l-minjieri u l-art (1,34 miljun EUR). Dawn ta’ hawn fuq jagħmlu s-somma ta’ 15,34 miljun EUR.

(174)

Barra dan, rigward l-irkupru, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 4 tal-kuntratt tal-bejgħ tal-2003 kien jinkludi żewġ dispożizzjonijiet ta’ annullament, li jispeċifikaw li Ellinikos Xrysos tista’ tannulla l-bejgħ f’każ ta’: a) att amministrattiv jew legali min-naħa tal-awtoritjiet Griegi li jibdel l-istat tal-permessi tat-tħaffir; jew b) deċiżjoni ġudizzjarja (relatata mal-istat tal-permessi tat-tħaffir) sabiex jitwaqqaf l-operat jew għat-twettiq tal-pjan ta’ investiment. Fiż-żewġ każijiet, Ellinikos Xrysos għandha tirrestitwixxi l-assi lill-Istat Grieg u għandha tingħata lura l-ammont totali ta’ 11-il miljun EUR, bil-possibbiltà ta’ remunerazzjoni addizzjonali.

(175)

L-awtoritajiet Griegi ssottomettew li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jiġu attivati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mhux konformi. Jekk dan huwiex il-każ hija kwistjoni ta’ kif il-kuntratt u l-liġi nazzjonali jiġu interpretati. Jekk, madankollu, id-dispożizzjonijiet jiġu attivati, dan ma għandu jkollu l-ebda effett fuq l-obbligu tal-Greċja li tirkupra l-ammont tal-għajnuna indikat f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna tal-Istat li tammonta għal 15,34 miljun EUR mogħtija b’mod illegali mill-Greċja lill-Ellinikos Xrysos SA bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea permezz tal-bejgħ ta’ assi u art taħt il-valur tagħhom u eżenzjoni tat-taxxi assoċjati, bl-għan li jiġu mħarsal-impjiegi u l-ambjent u li jinħoloq inċentiv għax-xerrejja potenzjali tal-minjieri Cassandra, mhijiex konformi mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Greċja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom iħallu imgħax mid-data li fiha kienu saru disponibbli lill-benefiċjarju sad-data li fiha jiġu effettivament irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (48) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (49) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Il-Greċja għandha tħassar il-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur min-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (imgħax ewlieni u tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ġew ippjanati sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni;

(ċ)

dokumenti li juru li l-benfiċjarju ġie ordnat li jħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni sakemm ikun kompletat l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Għandha tissottometti minnufih, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u ġew ippjanati sabiex ikun hemm konformità mad-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax fuq l-irkupru li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Greċja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  Fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE inbidlu bl-Artikoli 107 u 108 rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, sostanzjalment, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn xieraq.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)7853 finali tal-10 ta’ Diċembru 2008 (ĠU C 56, 10.3.2009, p. 45).

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.

(4)  Kif definit fis-sottomissjoni tagħha lill-Kummissjoni.

(5)   ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(6)  Kif ippubblikat fuq il-websjt ta’ Ellaktor SA, il-kumpanija possedenti ta’ Aktor SA.

(7)  Aġġustat skont l-indiċi ġenerali Grieg tal-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali għall-perjodu 1995-2003. Il-bejgħ inkwistjoni jikkonċerna assi industrijali (tħaffir), sabiex b’hekk l-aġġustament irid ikun rappreżentattiv tal-bdil fil-prezzijiet fis-settur industrijali. Fid-dawl ta’ dan il-Kummissjoni użat l-indiċi tal-prezzijiet tal-produzzjoni industrijali.

(8)  Gazzetta tal-Gvern Grieg tat-28 ta’ Jannar 2004.

(9)  Liġi 1521/1950 ratifikata bil-Liġi 1587/1950, Gazzetta tal-Gvern Grieg, Serje I, Nru 294.

(10)  Kodiċi tat-Tħaffir Grieg tal-1973, Gazzetta tal-Gvern Grieg, Serje I, Nru 277, 5.10.1973.

(11)  Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2008 għall-ftuħ tal-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni użat ir-rata tal-kambju tat-28 ta’ Settembru 2004, id-data li fiha r-rapport Behre Dolbear ġie ppubblikat, u kkonvertiet il-valur attribwit tar-rapport ta’ 500 miljun USD f’408 miljun EUR. Fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża r-rata tal-kambju iżjed xierqa tat-30 ta’ Ġunju 2004, peress li dik kienet id-data li għaliha r-rapport Behre Dolbear u l-valuri attribwiti tiegħu kienu validi.

(12)  Behre Dolbear jidher ukoll f’rapporti u studji differenti ta’ valutazzjoni tat-tħaffir (f’isem in-Nazzjonijiet Uniti, Citibank, il-gvern tal-Indja, u kumpaniji bħal Anglo Asian Mining Plc, Chaarat Holdings Ltd u Central African Mining and Exploration Company Plc).

(13)  Stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna de minimis, applikabbli fiż-żmien tal-bejgħ tal-2003.

(14)  Ara l-paragrafu 3.

(15)  Ara l-paragrafu 3.

(16)  Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, 1993, p. 256.

(17)  Deprezzament imwettaq bl-użu ta’ rati stabbiliti mill-awtoritajiet tat-taxxa.

(18)  Ara l-Kawża T-415/05 Ir-Repubblika Ellenika kontra l-Kummissjoni Ewropea, paragrafi 307–308.

(19)  Il-perjodi kkunsidrati fl-analiżi tal-fluss tal-likwidità tal-metodu tal-introjtu għat-tliet minjieri huma: a) 2004–2035 għall-Olympias; b) 2004–2015 għal Stratoni; u c) 2004–2034 għal Skouries.

(20)  L-istima tal-metodu tal-introjtu tiddetermina valur tas-suq ġust bl-interruzzjoni tal-benefiċċji kumulattivi maħluqa minn assi, u b’hekk il-benefiċċji jinbidlu fuq perjodu ta’ żmien fil-valur preżenti. L-istima tat-tranżazzjonijiet relatati tiddetermina valur tas-suq ġust ibbażat fuq il-valuri tat-tranżazzjonijiet tal-lum għall-assi tad-deheb fejn jista’ jiġi determinat il-valur tas-suq ġust. Finalment, l-approċċ tal-kapitalizzazzjoni tas-suq huwa bbażat fuq il-valur tal-lum fuq is-swieq tal-ishma pubbliċi għall-kumpaniji tad-deheb rigward ir-riżervi evidenzjati u probabbli ta’ dawk il-kumpaniji.

(21)  Fi stadju li fih qed jopera, qed jiġi żviluppat jew fi studju finali ta’ fattibilità.

(22)  Ir-riżervi minerali huma riżorsi li l-estrazzjoni tagħhom hija meqjusa ekonomikament fattibbli. Ir-riżervi huma jew probabbli jew evidenzjati.

(23)  Ara p. 42 tar-rapport Behre Dolbear, “Assi mhux minerali u responsabbiltajiet”.

(24)  Konċentrat huwa fdal ta’ metall ta’ valur, li minnu jkun tneħħa l-parti l-kbira tal-iskart tal-blat. Il-fdal tal-metall huwa materja prima għat-titwib, jiġifieri metallurġija tal-estrazzjoni.

(25)  Ara l-Appendiċi 11, “Fluss ta’ kontanti kkonċentrati ta’ Stratoni”.

(26)  Ir-ritorn nett tat-titwib huwa l-ammont ta’ flus li l-operatur tat-titwib jew ir-raffinerija jħallsu lill-operatur tat-tħaffir għall-prodott minerali u normalment ikun ibbażat fuq prezz tal-post jew dak kurrenti tal-mineral, bit-tnaqqis għall-ispejjeż assoċjati ma’ proċessar ulterjuri.

(27)  Għal finijiet ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li r-riżultat ta’ dan il-kalkolu għat-30 ta’ Ġunju 2004, kif ipprovdut fir-rapport Behre Dolbear, huwa ta’ 3,5 miljun USD, jiġifieri 2,9 miljun EUR (bl-użu tar-rata ta’ skambju ta’ 1.2155 USD/EUR tat-30 ta’ Ġunju 2004).

(28)  Kwantitajiet ta’ depożiti ta’ minerali (kif sottomess mill-benefiċjarju): 3 050 tunnellata ċomb u 2 350 tunnellata żingu. Prezzijiet tal-metalli (sorsi: www.kitco.com u www.lme.com): 684 USD kull tunnellata għaċ-ċomb. 5.6 USD kull uqija għall-fidda u 973 USD kull tunnellata għaż-żingu.

(29)  Ara l-paġni 10, 16 u 20.

(30)  Sors: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industriji tat-Tħaffir, http://www.euromines.org.

(31)  Sors: Statistiki dwar Minerali Ewropej 2004–2008, Stħarriġ Ġeoloġiku Brittaniku, http://www.bgs.ac.uk/.

(32)  Ara pereżempju Ερμηνεία και νομολογία Αστικού Κώδικα [Interpretazzjoni u każistika tal-Liġi tal-Kodiċi Ċivili], Vasilios Vathrakokilis, Imħallef tal-Qorti Suprema, vol. 2, 2003, p. 636.

(33)  Kalkolu li japplika r-rata tat-taxxa ta’ 7 %–9 %: EUR 15 000 * 0,07 + EUR 5 990 000 * 0,09 = EUR 1 050 + EUR 539 100 = EUR 540 150.

(34)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 13 hawn fuq.

(35)   ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9.

(36)  Il-punt 4.4. tal-Linji Gwida.

(37)  Stratoni kellha permess tat-tħaffir validu u infrastruttura tat-tħaffir stabbilita, u għalhekk kienet operattiva fiż-żmien tal-bejgħ (ara l-paragrafu 77(a)). Għalhekk, ma jidhirx li l-bejgħ ta’ Stratoni kien relatat mat-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti, jew il-bidu ta’ attività li tinvolvi tibdil fundamentali fil-prodott jew il-proċess tal-produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti.

(38)  Wieħed għandu jammetti, l-Istat bħala l-proprjetarju tal-minjieri ma kienx jisfruttahom ekonomikament huwa stess. Għalhekk, ix-xiri tal-minjieri minn Ellinikos Xrysos jista’ jiġi kkunsidrat bħala indispensabbli sabiex jiġi evitat li dawn l-assi jisparixxu mir-reġjun assistit inkwistjoni.

(39)  Il-punt 4.2 tal-Linji Gwida.

(40)  Ara l-Kawża T-162/06 Kronoply kontra l-Kummissjoni [2009] ECR II-1, il-paragrafi 80 u 81. F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ewwel istanza ma tiddeterminax jekk l-għajnuna kkonċernata għandhiex effett ta’ inċentiv jew le, iżda tiddikjara b’mod ċar li l-effett ta’ inċentiv huwa kundizzjoni għall-konformità tal-għajnuna reġjonali u l-punt 4.2 tal-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali tal-1998 “jirreferi għal ċirkostanza ta’ natura kronoloġika u għalhekk jissuġġerixxi eżaminazzjoni ratione temporis, li hija perfettament adatta għad-determinazzjoni jekk jeżistix effett ta’ inċentiv”. Għal deċiżjoni negattiva bbażata fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna għal investiment barrani dirett min-naħa ta’ impriża kbira, ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 t’Ottubru 1998 dwar proposta mill-Awstrija sabiex tagħti għajnuna lil LiftgmbH (C(1998) 3212).

(41)  Kif stipulat fl-Artikoli 3(2) sa (5) tal-kuntratt tal-bejgħ tal-2003, Ellinikos Xrysos kienet mitluba tħejji pjan ta’ investiment fi żmien 24 xahar mill-pubblikazzjoni tal-liġi li tirratifika l-kuntratt tal-bejgħ, sabiex tissottomettih għall-approvazzjonijiet amministrattivi meħtieġa u timplimenta l-pjan approvat sad-data tal-iskadenza amministrattiva.

(42)   ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(43)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(44)  Il-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja [1973] ECR 813, paragrafu 13.

(45)  Il-Kawżaijiet konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja kontra l-Kummissjoni [1994] ECR I-4103, paragrafu 75.

(46)  Il-Kawża C-75/97 Belġju kontra l-Kummissjoni [1999] ECR I-3671, paragrafi 64-65.

(47)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(48)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(49)   ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.