|
13.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 42/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-18 ta' Diċembru 2008
li tirrifjuta l-proposta mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta' sustanzi antimikrobiċi għad-dekontaminazzjoni fil-wiċċ tal-karkassi tat-tjur
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/121/KE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 202 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 853/2004 fir-rigward tal-użu ta' sustanzi antimikrobiċi għad-dekontaminazzjoni fil-wiċċ tal-karkassi tat-tjur,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju alimentari. Huwa jipprevedi li l-operaturi tan-negozju alimentari m'għandhom jużaw ebda sustanza oħra għajr l-ilma għad-dekontaminazzjoni fil-wiċċ minn fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali, sakemm l-użu ta' tali sustanza ma ġietx approvata skont dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Fit-twettiq tal-linji politiċi Komunitarji għandu jkun assigurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-miżuri adottati mill-Komunità li jirregolaw l-ikel u l-għalf għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni adatta tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għandhom, filwaqt li jieħdu kont tal-evidenza xjentifika eżistenti, iżommu fis-seħħ, jew jekk xjentifikament iġġustifikat, iżidu l-livell ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali żgurat fil-Komunità. L-istandards għolja tal-iġjene fil-katina tal-produzzjoni tal-ikel u l-iskartar jew il-projbizzjoni tal-użu ta' sustanzi li potenzjalment jistgħu jaħbu prattiki ħżiena ta' iġjene huma prijorità ċentrali fil-Komunità. |
|
(3) |
Barra minn hekk, għandu jkun żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent fit-twettiq tal-linji politiċi Komunitarji, kemm permezz tal-atti tal-politika ambjentali nfisha kif ukoll permezz tal-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-politika ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' linji politiċi u attivitajiet Komunitarji oħrajn. |
|
(4) |
Il-proposta tal-Kummissjoni tissottolinja li diversi sustanzi antimikrobiċi bħad-diossidu tal-kloru, klorit tas-sodju aċidifikat, fosfat tat-trisodju jew perossiaċidi li jintużaw għad-dekontaminazzjoni fil-wiċċ ta' karkassi tat-tjur jistgħu jkunu ta' riskju għall-ambjent akkwatiku, is-saħħa tal-persunal li jaħdem f'sistemi tal-ilma mormi u fl-operat u l-eżekuzzjoni ta' sistemi ta' dranaġġ u/jew impjanti tat-trattament tal-ilma mormi. L-użu ta' sustanzi antimikrobiċi li jkun fihom il-kloru jista' jwassal ukoll għall-formazzjoni ta' komposti kloroorganiċi, li diversi minnhom ikunu persistenti, bijoakkumulattivi jew karċinoġeniċi. Il-komposti tal-fosfru huma wkoll wieħed mill-għejun tal-ewtrofizzazzjoni tal-ibħra reġjonali Ewropej, li twassal għal tkabbir massiv tal-alga u disturbi mhux mixtieqa oħrajn tal-ambjent akkwatiku. |
|
(5) |
Il-Kumitat Xjentifiku dwar Miżuri Veterinarji marbuta mas-Saħħa Pubblika (SCVPH) ħareġ rapport fit-30 ta' Ottubru 1998 dwar “il-benefiċċji u l-limitazzjonijiet ta' trattamenti antimikrobiċi għal karkassi tat-tjur” u rrakkomanda li qabel ma jiġi awtorizzat kwalunkwe kompost ta' dekontaminazzjoni jew teknika ta' dekontaminazzjoni, din għandha tiġi vvalutata b'mod sħiħ. |
|
(6) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni xjentifika fl- 14-15 ta' Diċembru 2005“dwar l-evalwazzjoni tal-effettività tal-perossiaċidi għall-użu bħala sustanza antimikrobika applikata fuq karkassi tat-tjur.” Hija kkonkludiet li huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-effettività tal-perossiaċidi għaliex il-protokolli ppreżentati mhux dejjem kienu deskritti b'mod ċar, u, anki kieku kienu, ma kienx ikun biżżejjed biex tintwera l-effettività tal-perossiaċidi taħt kondizzjonijiet kummerċjali. |
|
(7) |
L-EFSA adottat opinjoni xjentifika fis-6 ta' Marzu 2008“dwar il-valutazzjoni tal-effett possibbli tad-diossidu tal-kloru, il-klorit tas-sodju aċidifikat, il-fosfat tat-trisodju u l-perossiaċidi fuq il-feġġa ta' reżistenza għall-antimikrobiċi.” Is-sejbiet wasslu lill-EFSA biex tħeġġeġ aktar riċerka dwar il-probabbiltà tal-feġġa ta' suxxettibbiltà mnaqqsa għal dawn it-tipi ta' sustanzi, u l-possibbiltà tar-reżistenza tagħhom għal antibijotiċi terapewtiċi u aġenti antimikrobiċi oħrajn. |
|
(8) |
Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent (SCHER) u l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa Emerġenti u Reċentement Identifikati (SCENIHR) adottaw opinjoni xjentifika konġunta fit-18 ta' Marzu 2008 u fit-2 ta' April 2008 dwar l-impatt ambjentali u l-effett fuq ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tal-erba' sustanzi użati għad-dekontaminazzjoni mikrobika fil-wiċċ tal-karkassi tat-tjur. Huma ddikjaraw li “attwalment m'hemmx għarfien biżżejjed dwar l-effetti negattivi potenzjali tal-użu ta' bijoċidi differenti” u kkonkludew li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli għall-produzzjoni ta' valutazzjonijiet kwantitattivi komprensivi. Kien hemm tħassib ambjentali dwar il-possibbiltà li jinxterdu jew jintgħażlu forom aktar reżistenti u fir-rigward tar-residwi potenzjali fil-karkassi tat-tjur. |
|
(9) |
B'kont meħud tal-informazzjoni xjentifika disponibbli, ma jistax jiġi eskluż li l-approvazzjoni ta' dawn is-sustanzi tista' twassal għal żieda tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fil-bnedmin. |
|
(10) |
Il-feġġa ta' reżistenza għall-antimikrobiċi tikkostitwixxi wkoll kwistjoni ta' importanza kbira u permanenti tal-korpi internazzjonali involuti fil-mediċina tal-bniedem. Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi leġislattivi importanti li għandhom l-għan li jnaqqsu r-reżistenza għall-antimikrobiċi marbuta mal-għalf, mat-trattament veterinarju tal-annimali u mal-ikel. |
|
(11) |
Bl-istess mod, il-Kunsill adotta, fis-sessjoni tiegħu tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2008, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi filwaqt li enfasizza li r-reżistenza għall-antimikrobiċi għadha problema tas-saħħa li qed tikber fl-Ewropa u fid-dinja. |
|
(12) |
Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008, esprima d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq u talab lill-Kunsill biex jirrifjutaha. |
|
(13) |
In-nuqqas ta' data xjentifika fir-rigward ta' perikli relatati mal-użu ta' dawn is-sustanzi twassal għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (3). Skont dan il-prinċipju, f'ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara valutazzjoni tal-informazzjoni disponibbli, il-possibbiltà ta' effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, jistgħu jiġu adottati miżuri proviżorji tal-ġestjoni tar-riskju meħtieġa biex jiġi żgurat il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa magħżula fil-Komunità, sakemm ikun hemm aktar informazzjoni xjentifika disponibbli għal valutazzjoni tar-riskju aktar komprensiva. |
|
(14) |
Il-ġbir tad-data mill-operturi tan-negozju alimentari u l-programmi tar-riċerka għandhom għalhekk ikunu mħeġġa sabiex kemm l-effettività ta' dawn is-sustanzi u l-iżvilupp ta' reżistenza għall-antimikrobiċi kif ukoll l-impatt ambjentali possibbli jkunu jistgħu jiġu vvalutati b'mod sħiħ. Għal dan il-għan, l-EFSA ppubblikat dokument konġunt ta' gwida AFC/BIOHAZ (4) dwar il-preżentazzjoni ta' data għall-evalwazzjoni tas-sikurezza u l-effettività ta' sustanzi għad-dekontaminazzjoni tal-mikrobi fil-wiċċ ta' ikel li joriġina mill-annimali. Sakemm tinġabar id-data u tiġi evalwata tali data, il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ li wieħed jistenna l-eżitu ta' dan u, sadanitant, li jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-proposta mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta' sustanzi antimikrobiċi għad-dekontaminazzjoni fil-wiċċ tal-karkassi tat-tjur hija rrifjutata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BARNIER
(1) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(2) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(4) Il-Ġurnal tal-EFSA (2006) 3888, p. 1.