Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawżi magħquda C‑570/07 u C‑571/07,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Asturias (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ Ottubru u tat-22 ta’ Ottubru 2007, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru u s-27 ta’ Diċembru 2007, fil-proċeduri

José Manuel Blanco Pérez,

María del Pilar Chao Gómez

vs

Consejería de Salud y Servicios Sanitario s (C-570/07),

Principado de Asturias (C-571/07),

fil-preżenza ta’

Federación Empresarial de Farmacéuticos Españoles (C-570/07),

Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias (C-570/07),

Celso Fernández Gómez (C-571/07),

Consejo General de Colegios Oficiales de Farmacéuticos de España ,

Plataforma para la Defensa del Modelo Mediterráneo de Farmacias ,

Muy Ilustre Colegio Oficial de Farmacéuticos de Valencia ,

Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal M. Blanco Pérez, Chao Gómez u l-Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias, minn D. Cueva Díaz, avukat,

– għall-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios u l-Principado de Asturias, minn R. Paredes Ojanguren, avukat,

– għall-Federación Empresarial de Farmacéuticos Españoles, minn R. Ariño Sánchez, avukat,

– għall-Consejo General de Colegios Oficiales de Farmacéuticos de España, minn A. García Castillo, C. Ruixo Claramunt, M. Troncoso Ferrer u I. Igartua Arregui, avukati,

– għall-Plataforma para la Defensa del Modelo Mediterráneo de Farmacias u l-Muy Ilustre Colegio Oficial de Farmacéuticos de Valencia, minn E. Navarro Varona u E. García Aguado, avukati,

– għall-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED), minn J. Pérez-Bustamante Köster, avukat,

– għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

– għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis kif ukoll minn S. Alexandridou u V. Karra, bħala aġenti,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u T. Kröll, bħala aġenti,

– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. P. Antunes, bħala aġenti,

– għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa, R. Vidal Puig u G. Luengo, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2. Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn J.-M. Blanco Pérez u M. Chao Gómez u l-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios (awtorità tas-saħħa u tas‑servizzi sanitarji) (C‑570/07) kif ukoll il-Principado de Asturias (C-571/07) dwar sejħa għal kandidaturi sabiex jingħataw awtorizzazzjoni għall-istabbiliment ta’ spiżeriji ġodda fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3. Skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), li, essenzjalment, hija bħat-tieni premessa tad‑Direttiva tal-Kunsill 85/432/KE, tas-16 ta’ Settembru 1985, li tikkonċerna l‑koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 129):

“Din id-Direttiva ma tikkordinax il-kondizzjonijiet kollha għall-aċċess għal attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. B’mod partikolari, id-distribuzzjoni ġeografika ta’ l-ispiżjeriji u l-monopolju fl-għotja ta’ mediċini jibqgħu kwistjonijiet f’idejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva ma tibdilx id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jżommu kumpanniji milli jeżerċitaw ċerti attivitajiet ta’ spiżjara jew li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet għal ċerti kondizzjonijiet.”

4. L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l‑aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall‑kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi [...] għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar [...] u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni”.

5. L-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ spiżjar” jipprovdi:

“1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet ta’ spiżjar huma dawk, li l-aċċess għalihom u l-eżerċizzju tagħhom jiddependi, f’wieħed mill-Istati Membri jew aktar, mill-kwalifiki professjonali u li huma miftuħa għat-titolari ta’ provi ta’ kwalifiki formali tat-tipi elenkati fl-Anness V, punt 5.6.2.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-titolari ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija f’livell universitarju jew f’livell ikkunsidrat bħala ekwivalenti, li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44, jistgħu jgawdu aċċess għal u jwettqu mhux inqas minn l-attivitajiet li ġejjin, soġġett għar-rekwiżit, fejn xieraq, ta’ esperjenza professjonali supplimentari:

a) il-preparazzjoni tal-forma farmaċewtika ta’ prodotti mediċinali;

b) il-fabbrikazzjoni u l-ittestjar ta’ prodotti mediċinali;

c) l-ittestjar ta’ prodotti mediċinali f’laboratorju għall-kontroll tal-prodotti mediċinali;

d) il-ħażna, il-preservazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa;

e) il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u l-provvista ta’ prodotti mediċinali fl-ispiżjeriji miftuħa għall-pubbliku;

f) il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u t-tqassim ta’ prodotti mediċinali fl-isptarijiet;

g) l-għoti ta’ informazzjoni u pariri dwar prodotti mediċinalil-għoti ta’ informazzjoni u pariri dwar prodotti mediċinali.

[…]

5. Jekk, fis-16 ta’ Settembru 1985, Stat Membru kellu eżami kompetittiv intiż sabiex jintgħażlu minn fost it-titolari msemmija fil-paragrafu 2, dawk li għandhom ikunu awtorizzati li jsiru sidien ta’ farmaċiji ġodda li l-kreazzjoni tagħhom kienet deċiża bħala parti minn sistema nazzjonali ta’ diviżjoni ġeografika, dak l-Istat Membru jista’, b’deroga mill-paragrafu 1, jipproċedi b’dak l-eżami u jirrikjedi ċittadini ta’ Stati Membri li għandhom provi ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Anness V, punt 5.6.2 jew li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 [dwar id-drittijiet miksuba], sabiex jipparteċipaw fih.”

6. Il-paragrafi 2 u 5 tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2005/36 huma, essenzjalment, bħall-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/432.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7. Mill-Artikolu 103(3) tal-liġi ġenerali 14/1986, dwar is-saħħa (Ley General de Sanidad 14/1986), tal-25 ta’ April 1986 (BOE Nru 102, tad-29 ta’ April 1986, p. 15207), jirriżulta li d-diversi spiżeriji huma suġġetti għal pjan sanitarju skont il‑kundizzjonijiet stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni speċjali dwar il-mediċini u l‑ispiżeriji.

8. L-Artikolu 2 tal-liġi 16/1997, dwar ir-regolamentazzjoni tal-ispiżeriji (Ley de Regulación de los Servicios de las Oficinas de Farmacia 16/1997), tal-25 ta’ April 1997 (BOE Nru 100, tas-26 ta’ April 1997, p. 13450), jipprovdi:

“1. […] Sabiex jiġu organizzati s-servizzi farmaċewtiċi pprovduti lill‑popolazzjoni, il-Komunitajiet Awtonomi, li għandhom l-obbligu jivverifikaw li dawn is-servizzi jiġu żgurati, għandhom jistabbilixxu kriterji speċifiċi ta’ pjanifikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spiżeriji.

[…]

2. Il-pjanifikazzjoni tal-ispiżeriji għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-densità demografika, il-karatteristiċi ġeografiċi u t-tqassim tal-popolazzjoni, b’mod li jiġu ggarantiti l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizz u provvista adegwata tal-mediċini, fid-dawl tal-bżonnijiet mediċi ta’ kull territorju.

It-tqassim territorjali ta’ dawn l-istabbilimenti għandu jsir fid-dawl tan-numru ta’ residenti għal kull spiżerija u tad-distanza bejn l-ispiżeriji, stabbiliti mill-Komunitajiet Awtonomi, skont il-kriterji ġenerali msemmija iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, ir-regoli ta’ tqassim territorjali għandhom jiggarantixxu servizz farmaċewtiku adattat għall-popolazzjoni.

3. Il-porzjon minimu ta’ popolazzjoni sabiex jiġi permess il-ftuħ ta’ spiżerija huwa, bħala regola ġenerali, ta’ 2 800 resident għal kull stabbiliment. Skont il‑konċentrazzjoni tal-popolazzjoni, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu porzjonijiet ta’ popolazzjoni ogħla, li ma jistgħux jaqbżu l-4 000 resident għal kull spiżerija. Fi kwalunkwe każ, meta jintlaħqu l-limiti, tkun tista’ tinfetaħ spiżerija oħra għal kull frazzjoni ogħla minn 2 000 resident.

Bla ħsara għall-paragrafu preċedenti, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu porzjonijiet ta’ popolazzjoni iżgħar għaż-żoni rurali, turistiċi, fil-muntanja, jew għaż-żoni fejn, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi, demografiċi jew sanitarji tagħhom, l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali ma jippermettux li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku.

4. Id-distanza minima bejn l-ispiżeriji, fid-dawl tal-kriterji ġeografiċi u t-tqassim tal-popolazzjoni, hija, bħala regola ġenerali, ta’ 250 metru. Skont il-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jawtorizzaw distanzi iqsar bejniethom; bl-istess mod, il-Komunitajiet Awtonomi jistgħu jistabbilixxu limiti għall-ftuħ ta’ spiżeriji viċin ċentri mediċi.”

9. Skont din il-leġiżlazzjoni, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias adottat id‑Digriet 72/2001 li jirregola l-ispiżeriji u s-servizzi ta’ spiżerija fil-Prinċipat ta’ Asturias (Decreto 72/2001 regulador de las oficinas de farmacia y botiquines en el Principado de Asturias) tad-19 ta’ Lulju 2001 (BOPA Nru 175, tat-28 ta’ Lulju 2001, p. 10135).

10. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“It-territorju tal-Komunità Awtonoma huwa maqsum f’żoni farmaċewtiċi li jikkoinċidu, bħala regola, maż-żoni sanitarji bażiċi li huma stabbiliti fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni sanitarja tal-Prinċipat ta’ Asturias.”

11. Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios u mill-Principado de Asturias, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias hija maqsuma fi 68 żona sanitarja bażika li jikkoinċidu, bħala regola, maż-żoni farmaċewtiċi.

12. L-Artikolu 2 ta’ dan l-istess digriet jistabbilixxi:

“1. F’kull żona farmaċewtika, in-numru ta’ spiżeriji jirrispetta l-porzjon ta’ popolazzjoni ta’ 2 800 resident għal kull spiżerija. Meta dan il-limitu jinqabeż, tkun tista’ tinfetaħ spiżerija oħra għal kull frazzjoni ogħla minn 2 000 resident.

2. Fiż-żoni sanitarji bażiċi u fid-distr etti kollha, jista’ jkun hemm tal-anqas spiżerija waħda.”

13. L-Artikolu 3 tad-Digriet 72/2001 jipprovdi:

“Għall-fini ta’ dan id-digriet, il-kalkol u tal-popolazzjoni għandu jsir abbażi tal‑informazzjoni li tirriżulta mill-aħħar reviżjoni taċ-ċensiment muniċipali.”

14. L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“1. Id-distanza minima bejn l-ispiżeriji hija, bħala regola, ta’ 250 metru tkun liema tkun iż-żona farmaċewtika li jkunu jinsabu fiha.

2. Din id-distanza minima ta’ 250 metru għandha tiġi rrispettata wkoll fir‑rigward taċ-ċentri tas-saħħa ta’ kwalunkwe żona farmaċewtika, irrispettivament mill-fatt jekk dawn humiex ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati marbutin b’kuntratt biex jipprovdu kura li ma tingħatax fl-isptarijiet jew dik li tingħata fl-isptarijiet, li joffru konsultazzjonijiet esterni jew li jipprovdu servizzi ta’ emerġenza, u irrispettivament mill-fatt jekk dawn humiex qegħdin jiffunzjonaw diġà jew jekk għadhomx fi stat ta’ kostruzzjoni.

Dan ir-rekwiżit tad-distanza bejn iċ-ċentri tas-saħħa ma għandux japplika f’żoni farmaċewtiċi fejn hemm biss spiżerija waħda jew fi bliet li fil-preżent għandhom spiżerija waħda biss, u fejn mhux maħsub, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, li jinfetħu spiżeriji ġodda.

[…]”

15. Il-proċedura tal-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ hija rregolata mill-Artikoli 6 sa 17 tad-Digriet 72/2001.

16. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias għandha, b’mod partikolari, tiftaħ ex officio , proċedura tal-anqas darba fis-sena sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tad‑densità demografika.

17. Is-sejħa għal applikazzjoni tindika ż-żona farmaċewtika u, jekk ikun il-każ, il‑komun u l-lokalità tal-ispiżerija. Wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għall‑applikazzjoni, l-ispiżjara interessati għandhom jippreżentaw l‑applikazzjonijiet u d-dokumenti li jattestaw l-kwalifiki tagħhom. Sussegwentement, għandha tiltaqa’ kummissjoni magħmula minn membri tal‑amministrazzjoni, tal-ordni professjonali u ta’ assoċjazzjonijiet professjonali sabiex tevalwa l-kwalifiki tal-kandidati.

18. Wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, l-ispiżjar magħżul għandu jindika l-post fejn ikun ser jeżerċita l-attività tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk il-kriterji ta’ pjanifikazzjoni territorjali imposti mil-leġiżlazzjoni humiex irrispettati.

19. Id-Digriet 72/2001 jipprovdi wkoll, fl-anness, skala ta’ kwalifiki li jinkludu l‑kriterji li, fil-proċedura msemmija iktar ’il fuq, il-kandidati li jkunu ppreżentaw applikazzjoni sabiex isiru l-proprjetarji ta’ spiżerija ġdida, huma evalwati abbażi tagħhom.

20. L-iskala ta’ kwalifiki tevalwa l-kandidati b’mod partikolari skont il-kwalifiki akkademiċi, l-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll l-esperjenza akkademika tagħhom.

21. Id-Digriet 72/2001 jipprovdi wkoll fil-punti 4 u 7 ta’ dan l-anness:

“4. La l-esperjenza professjonali bħala spiżjar proprjetarju jew ko-proprjetarju ta’ spiżerija u lanqas kwalunkwe tip ieħor ta’ kwalifika ma tkun tgħodd jekk waħda jew l-oħra tkun diġà ntużat fil-passat sabiex dak li jkun jakkwista l-awtorizzazzjoni għall-istabbiliment.

[…]

6. Il-kwalifiki professjonali relatati mal-eżerċizzju tal-professjoni miksuba fit-territorji tal-Prinċipat ta’ Asturias għandhom jiżdiedu b’20 %.

7. Fil-każ li tirriżulta ugwalità fl-iskala, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont l-ordni ta’ priorità li ġej:

a) l-ispiżjara li mhumiex proprjetarji ta’ spiżeriji;

b) l-ispiżeriji li huma proprjetarji ta’ spiżerija fiż-żoni ta’ spiżerija jew ta’ muniċipalitajiet li l-popolazzjoni tagħhom hija inqas minn 2 800 resident;

ċ) l-ispiżjara li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Prinċipat ta’ Asturias;

[…]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

22. Fl-2002, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias iddeċidiet li skont l-Artikoli 6 sa 17 tad-Digriet 72/2001, tibda proċedura intiża għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ ftuħ ta’ spiżeriji ġodda.

23. Fl-14 ta’ Ġunju 2002, il-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios ħadet deċiżjoni li tagħti bidu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex jingħataw awtorizzazzjonijiet għal spiżeriji fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias (BOPA Nru 145, tal-24 ta’ Ġunju 2002, p. 8145, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-14 Ġunju 2002”).

24. Ir-regoli tas-sejħa għall-kandidaturi stabbilew il-ftuħ ta’ 24 spiżerija ġdida skont, b’mod partikolari, id-densità demografika, it-tqassim tal-popolazzjoni, id-distanza bejn l-ispiżeriji kif ukoll il-gruppi minimi ta’ popolazzjoni.

25. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, spiżjara kkwalifikati, xtaqu jiftħu spiżerija ġdida fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias, mingħajr, madankollu, ma ġiet applikata għalihom is-sistema ta’ pjanifikazzjoni territorjali skont id-Digriet 72/2001.

26. Konsegwentment, fil-kuntest tal-ewwel kawża prinċipali, huma ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2002, kif ukoll kontra dik tal-Consejo de Gobierno del Principado de Asturias, tal-10 ta’ Ottubru 2002, li tikkonferma d‑deċiżjoni preċedenti.

27. Fit-tieni kawża prinċipali, dawn l-istess rikorrenti ressqu quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias rikors li permezz tiegħu attakkaw id-deċiżjoni impliċita dwar l-oġġezzjoni magħmula kontra d-Digriet 72/2001 u, b’mod partikolari, kontra l-Artikoli 2, 4, 6 u 10 kif ukoll kontra l-anness dwar l-iskala tal‑kwalifiki.

28. F’dawn iż-żewġ kawżi, l-imsemmija rikorrenti kkontestaw il-legalità tad‑deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u tad-Digriet 72/2001 b’mod partikolari minħabba li dawn għandhom l-effett li jċaħħdu l-aċċess tal-ispiżjara għall‑ispiżeriji l-ġodda fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias. Barra minn hekk, dan id-digriet jipprovdi kriterji ta’ selezzjoni tal-ispiżeriji l-ġodda inammissibbli.

29. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk is-sistema prevista mid-Digriet 72/2001 tikkostitwix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment inkompatibbli mal-Artikolu 49 TFUE.

30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti fil-kawża C-570/07:

“L-Artikolu [49 TFUE] jipprekludi dak li huwa stabbilit fl-Artikoli 2, 3 u 4 tad‑[Digriet 72/2001], kif ukoll il-punti 4, 6 u 7 ta’ l-anness tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq?”

31. Fil-kawża C-571/07, it-Tribunal Superior de Justicia de Asturias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu [49 TFUE] jipprekludi d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal‑Komunità awtonoma [...] ta’ Asturias dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġu stabbiliti spiżeriji?”

32. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2008, il‑Kawżi C-570/07 u C-571/07 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil‑miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà

33. Il-Consejo General de Colegios Oficiales de Farmacéuticos de España, kif ukoll il-Gvern Spanjol, Grieg, Franċiż u dak Taljan jikkontestaw l-ammissibbiltà tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari.

34. Il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett ma tipprovdi l-ebda informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija ma tindikax b’mod ċar id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati u ma tesponix biżżejjed ir‑raġunijiet li wassluha tistaqsi lilha nnifisha dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu 49 TFUE. Fl-aħħar nett, id-domandi magħmula huma ipotetiċi peress li l-kawżi prinċipali jinvolvu żewġ ċittadini Spanjoli. Fin-nuqqas ta’ element transkonfinali, dawn id-domandi ma għandhom l‑ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

35. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra, p. I-1721, punt 24).

36. Minn dan isegwi li l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et , C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et , C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22).

37. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fid‑deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti nazzjonali motivat id-deċiżjoni tagħha għalfejn fil-fehma tagħha huwa meħtieġ li jsiru d-domandi preliminari billi osservat li l‑legalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill‑interpretazzjoni li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 49 TFUE.

38. It-tieni nett, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal-fatti jew is-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

39. Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom ċittadinanza Spanjola u li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal ġewwa Stat Membru wieħed. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, ir-risposta tal-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju anki f’tali ċirkustanzi, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali jimponilha li tagħti l-benefiċċju lil ċittadin Spanjol li jgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru, li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, jgawdi minnhom skont id-dritt tal‑Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 29, kif ukoll Cipolla et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

40. Barra minn hekk, minkejja li, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ‑ċittadini Spanjoli u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn – tista’ tirriżulta biss minn dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat inkwantu din tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-iskambji bejn Stati Membri, imkien ma huwa eskluż li ċittadini stabbiliti fl-Istati Membri barra r-Renju ta’ Spanja kienu interessati sabiex iħaddmu spiżeriji fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punti 23 u 24, kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

41. It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jiddeskrivu, b’mod suffiċjenti, il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawżi prinċipali u li l-indikazzjonijiet pprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad‑domandi magħmula. B’hekk, dawn id-deċiżjonijiet taw lill-partijiet interessati possibbiltà effettiva li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif barra minn hekk jattesta l-kontenut tal-osservazzjonijiet magħmula f’dawn il-proċeduri.

42. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu kkunsidrati ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

43. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-premessa 26 tad-Direttiva 2005/36, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li jieħdu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġu organizzati servizzi ta’ saħħa bħal dawk tal‑ispiżeriji. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l‑projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu jew li jżommu restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fil-qasam tal-kura tas‑saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Hartlauer, iċċitata qabel, punt 29; tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑531/06, Ġabra p. I-4103, punt 35 u tad-19 ta’ Mejju 2009, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et , C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I-4171, punt 18).

44. Għalhekk, fl-evalwazzjoni tar-rispett ta’ dan l-obbligu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-assi u l-interessi protetti mit-trattat u li huma l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il‑livell ta’ protezzjoni li huwa jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika kif ukoll il-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑141/07, Ġabra p. I‑6935, punt 51, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

45. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li la d-Direttiva 2005/36 u l-ebda att ieħor li jimplementa l-libertajiet fundamentali ma jistabbilixxu regoli ta’ aċċess għall‑attivitajiet tas-settur tal-farmaċija li huma intiżi sabiex jistabbilixxu l‑kundizzjonijiet li fihom l-ispiżeriji l-ġodda jistgħu jinfetħu fit-territorji tal‑Istati Membri.

46. L-Artikolu 45(5) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li, jekk, fis-16 ta’ Settembru 1985, Stat Membru kellu eżami kompetittiv intiż sabiex jintgħażlu l-ispiżjara magħżula sabiex isiru proprjetarji ta’ spiżeriji ġodda li l-kreazzjoni tagħhom kienet deċiża fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali ta’ diviżjoni ġeografika, l-imsemmi Stat Membru jista’ jipproċedi b’dak l-eżami u jirrikjedi li ċittadini ta’ Stati Membri jipparteċipaw fih.

47. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, f’din id-data, fi Spanja kien jeżisti eżami kompetittiv bħal dan, u li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għal dan l-eżami. Konsegwentement, l-Istat Membru inkwistjoni jista’ jżomm tali proċedura u jissottometti lill-ispiżjara kollha għal dan it-test, fuq il-kundizzjoni li r-regoli relatati miegħu jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.

48. Għaldaqstant, ma jsegwix li r-regoli li jirregolaw il-proċedura kkonċernata jistgħu jaħarbu mid-dispożizzjonijiet tat-trattat f’dak li jikkonċerna l-eżiġenzi dwar it‑tqassim territorjali tal-ispiżeriji, minħabba li dan l-element jibqa’ barra mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36.

49. Fil-fatt, id-direttiva kkonċernata għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali sabiex min ikollu dawn il-kwalifiki jkun jista’ jeżerċita professjoni rregolamentata jew b’mod indipendenti jew bħala impjegat. Min-naħa l-oħra, hija ma tinkludiex regoli li jirregolaw l-istabbiliment ta’ spiżeriji, u lanqas il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom u lanqas it-tqassim territorjali tagħhom.

50. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 26 tad‑Direttiva 2005/36, li tgħid li hija ma tiżgurax il-koordinament tal‑kundizzjonijiet kollha ta’ aċċess għall-attivitajiet tas-settur tal-farmaċija, b’mod li, b’mod partikolari, it-tqassim tal-ispiżeriji fit-territorju jkompli jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

51. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli ta’ dritt intern ikkonċernati, dwar it-tqassim territorjali, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-trattat, u b’mod partikolari tal-Artikolu 49 tiegħu.

Fuq l-ewwel parti tad-domandi preliminari, dwar il-kundizzjonijiet prinċipali marbuta mad-densità demografika u mad-distanza minima bejn l-ispiżeriji

52. Permezz tal-ewwel parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda, billi tipprovdi li:

– f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħd a.

– spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il-limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident; u

– kull spiżerija għandha tirrispetta distanza minima meta mqabbla mal-ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment

53. Skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tista’ tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċiżżju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15, u tal-21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C-140/03, Ġabra p. I-3177, punt 27).

54. B’mod partikolari, taħt din il-kategorija taqa’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ impriża ta’ Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari, peress li din tista’ tostakola, għal din l-impriża, l‑eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment billi ċċaħdu milli jeżerċita liberament l‑attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment stabbli. Fil-fatt, l-imsemmija impriża tirriskja, minn naħa, li tbati spejjeż amministrattivi u finanzjarji addizzjoniali li jimplika l-għoti ta’ kull awtorizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni preliminari teskludi mill-eżerċizzju ta’ attività indipendenti l‑operaturi ekonomiċi li ma jissodisfawx l-eżiġenzi predeterminati li huma meħtieġa sabiex tingħata din l-awtorizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).

55. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni meta tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal kundizzjoni dwar il-bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali li din l-attività għandha tissodisfa, peress li tillimita n-numru ta’ dawk li jipprovdu servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

56. Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-ftuħ ta’ spiżerija ġdida għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva preliminari, u li barra minn hekk, din tingħata biss lil min jgħaddi mill-eżami kompetittiv.

57. It-tieni nett, din il-leġiżlazzjoni tippermetti, f’kull żona farmaċewtika, il-ftuħ ta’ spiżerija waħda għal kull porzjon ta’ popolazzjoni ta’ 2 800 resident, fejn spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss meta jinqabeż dan il-limitu, u li din tista’ tinfetaħ għall-frazzjoni superjuri għal 2 000 resident.

58. It-tielet nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprekludi spiżjara milli jeżerċitaw attività ekonomika indipendenti f’lokalità tal-għażla tagħhom, peress li huma għandhom jirrispettaw, bħala regola, distanza minima ta’ 250 metru mill-ispiżeriji li jeżistu diġà.

59. Għalhekk, tali regoli għandhom l-effett li jillimitaw u jrendu inqas attraenti l‑eżerċizzju, minn spiżjara ta’ Stati Membri oħra, l-attivitajiet tagħhom fit-territorju Spanjol permezz ta’ stabbiliment stabbli.

60. Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

Fuq il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

61. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil‑kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 44, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et , punt 25).

62. Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

63. It-tieni nett, mill-Artikolu 52(1) TFUE jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat bħal-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punt 46, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et , punt 27).

64. B’mod iktar preċiż, restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati mill-għan li tiġi żgurata provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, punt 52, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et , punt 28).

65. L-importanza tal-imsemmi għan hija kkonfermata mill-Artikoli 168(1) TFUE u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdu b’mod partikolari li l-livell ta’ ħarsien tas-saħħa umana għandu jiġi żgurat fid‑definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni Ewropea.

66. Minn dan isegwi li l-għan li huwa intiż sabiex jiżgura provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni jista’ jiġġustifika leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67. Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk tali leġiżlazzjoni hijiex adatta sabiex tiggarantixxi dan il-għan.

68. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni mfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli iktar stretti fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika minn dawk stabbiliti minn Stat Membru ieħor ma jistax jimplika li dawn ir-regoli huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertajiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, Ġabra p. I-519, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69. Konsegwentement, il-fatt li l-Istati Membri jadottaw regoli differenti f’dan il‑qasam, u b’mod iktar partikolari, li wħud fosthom ma jillimitawx in-numru ta’ spiżeriji li jistgħu jinfetħu fit-territorju nazzjonali filwaqt li oħrajn jillimitaw in-numru tagħhom billi jissuġġettawhom għal regoli ta’ pjanifikazzjoni ġeografika ma huwiex determinanti għas-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi.

70. It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilimenti u infrastrutturi sanitarji jistgħu jiġu ppjanifikati. Din il‑pjanifikazzjoni tista’ tinkludi awtorizzazzjoni preliminari għall-professjonisti ġodda li jipprovdu l-kura, meta din issir indispensabbli sabiex timla lakuni eventwali fl-aċċess għall-prestazzjonijiet sanitarji u sabiex tevita l-kreazzjoni ta’ strutturi inutli, b’mod li jiġi żgurat servizz sanitarju adattat għall-bżonnijiet tal‑popolazzjoni, li jkopri t-territorju kollu u li jieħu inkunsiderazzjoni reġjuni li huma ġeografikament iżolati jew b’xi mod ieħor żvantaġġati (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punti 76 sa 80; tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra, p. I-4325, punti 108 sa 110, kif ukoll Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52).

71. Din il-konklużjoni tista’ tiġi applikata kollha kemm hi għall-professjonisti li joffru servizzi sanitarji fil-qasam tal-farmaċija.

72. It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li jeżistu agglomerazzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati minn ħafna spiżjara bħala postijiet li jħallu ħafna profitt, u, għaldaqstat, iktar attraenti, bħal dawk li jinsabu fiż-żoni urbani. Min-naħa l-oħra, partijiet oħra tat-territorju nazzjonali jistgħu jiġu kkunsidrati inqas attraenti, bħal dawk fiż-żoni rurali, ġeografikament iżolati jew li huma b’xi mod ieħor żvantaġġati.

73. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni, l-ispiżjara jkkonċentraw lilhom infushom fil-lokalitajiet meqjusa attraenti, b’mod li ċerti lokalitajiet oħrajn inqas attraenti jsofru minn numru mhux biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adegwat u ta’ kwalità.

74. Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, meta jkun hemm inċertezzi fir-rigward tal‑eżistenza jew tal-importanza ta’ riskji għas-saħħa pubblika, l-Istat Membru għandu jkun jista’ jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna sa meta r-realtà ta’ dawn ir-riskji tkun evidenti (sentenza ċċitata iktar ’il fuq Apothekerkammer des Saarlandes et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

75. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru jista’ jqis li jeżisti riskju ta’ nuqqas ta’ spiżeriji f’ċerti partijiet tat-territorju tiegħu, u, għaldaqstant, ta’ nuqqas ta’ provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali.

76. Isegwi li fid-dawl ta’ dan ir-riskju, Stat Membru jista’ jadotta leġiżlazzjoni li tipprovdi li tista’ tinfetaħ biss spiżerija waħda għal ċertu numru ta’ residenti (ara l‑punt 57 ta’ din is-sentenza).

77. Fil-fatt, tali kundizzjoni jista’ jkollha l-effett li tidderieġi l-ftuħ ta’ spiżeriji lejn partijiet tat-territorju nazzjonali fejn l-aċċess għas-servizz farmaċewtiku huwa nieqes peress li, billi tipprojbixxi l-ispiżjara milli jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni fejn diġà jkun hemm numru biżżejjed ta’ spiżeriji, hija b’hekk tistidinhom jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni fejn hemm nuqqas ta’ spiżeriji.

78. Minn dan isegwi li l-imsemmija kundizzjoni tista’ tqassam l-ispiżeriji b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali, li b’hekk jiġi żgurat għall-poplazzjoni kollha aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku, u, għalhekk, li tiżdied l-adegwatezza u l‑kwalità tal-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni.

79. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-unika kundizzjoni marbuta mal‑porzjonijiet ta’ popolazzjoni tirriskja li ma tippermettix li tiġi evitata konċentrazzjoni ta’ spiżeriji, fi ħdan żona ġeografika partikolari skont din il‑kundizzjoni, f’ċerti lokalitajiet attraenti ta’ din iż-żona. Tali konċentrazzjoni ta’ spiżeriji tista’ twassal għall-ħolqien ta’ strutturi inutli, filwaqt li partijiet oħra tal‑istess żona jistgħu jsofru nuqqas ta’ spiżeriji.

80. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa permess li Stat Membru jimplementa kundizzjonijiet addizzjonali intiżi sabiex ma jħallux din il-konċentrazzjoni, billi jadotta kundizzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi distanzi minimi bejn l‑ispiżeriji.

81. Fil-fatt, din il-kundizzjoni tippermetti li tiġi evitata tali konċentrazzjoni minħabba n-natura tagħha stess, u b’hekk tista’ tqassam l-ispiżeriji b’mod iktar ekwilibrat fi ħdan żona ġeografika partikolari.

82. Konsegwentement, il-kundizzjoni marbuta mad-distanza minima żżid ukoll iċ‑ċertezza tal-pazjenti li huma għandhom spiżerija viċin, u, għalhekk, li għandhom aċċess faċli u rapidu għal servizz farmaċewtiku xieraq.

83. Tali kundizzjonijiet ta’ aċċess jistgħu jiġu kkunsidrati neċessarji iktar u iktar peress li, minn naħa, l-użu tal-prodotti mediċinali jista’ jsir urġenti u li, min-naħa l-oħra, il-klijentela tal-ispiżeriji tinkludi persuni b’mobilità nieqsa, bħall-persuni anzjani jew morda serjament.

84. Għalhekk, il-kundizzjoni marbuta mad-distanza minima hija komplementari għal dik marbuta mal-porzjonijiet tal-popolazzjoni, u, għaldaqstant, tista’ tgħin sabiex jitwettaq l-għan intiż għat-tqassim tal-ispiżeriji b’mod ekwilibrat fit-territorju nazzjonali, u b’hekk ikun żgurat għall-popolazzjoni kollha aċċess xieraq għas‑servizz farmaċewtiku, u, b’hekk, tiżdied l-adegwatezza u l-kwalità tal‑provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni.

85. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li t-tfittxija li jintlaħaq l-għan intiż miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq hija msaħħa permezz ta’ ċerti kriterji li japplikaw, skont id-Digriet 72/2001, matul il-fażi ta’ selezzjoni tal-proprjetarji ta’ spiżeriji ġodda.

86. Fil-fatt, skont il-punt 7(b) tal-Anness ta’ dan id-digriet, fil-każ ta’ ugwaljanza li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskala tal-kwalifiki li biha l-proprjetarji tal‑ispiżeriji l-ġodda jintagħżlu, l-awtorizzazzjonijiet jingħataw skont ordni li jagħti priorità, wara l-kategoriji ta’ spiżjara li jinsabu fl-imsemmi punt 7(a), lill-ispiżjara li kienu proprjetarji ta’ spiżeriji li jinsabu f’żoni jew muniċipalitajiet fejn il-popolazzjoni hija inqas minn 2 800 resident.

87. Fid-dawl tal-fatt li ż-żoni ġeografiċi li l-popolazzjoni tagħhom hija inqas minn 2 800 resident huma ġeneralment żoni kkunsidrati mill-ispiżjara bħala inqas attraenti (ara l-punt 72 ta’ din is-sentenza), l-imsemmija kundizzjoni tal-għoti tal‑awtorizzazzjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-ispiżjara jinstallaw irwieħhom f’dawn iż-żoni bil-ħsieb li jiġu rrikompensati ulterjorament meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda.

88. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias isostnu li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata li tista’ tilħaq dan il-għan invokat peress li għandha l‑konsegwenza li ċerti spiżjara jiġu mċaħħda minn kull aċċess għal attività professjonali indipendenti filwaqt li l-ispiżjara stabbiliti fuq is-suq jibbenefikaw minn profitti sproporzjonati.

89. Tali argument ma jistax jintlaqa’.

90. Fil-fatt, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ekonomiċi għandha tiġi bbilanċjata mal-obbligi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li l-gravità tal-għanijiet intiżi f’dan il-qasam tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet li għandhom konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C-183/95, Ġabra p. I‑4315, punti 42 u 43).

91. Sussegwentement, mill-proċess jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw tal‑anqas darba f’sena proċedura intiża sabiex jingħataw awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda skont l-evoluzzjoni demografika. Għalhekk, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2002, il-Komunità Awtonoma ta’ Asturias bdiet proċedura intiża għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta’ 24 spiżerija ġdida fit-territorju tagħha sa mis-sena 2002.

92. Fl-aħħar nett, skont il-punt 4 tal-Anness tad-Digriet 72/2001, la l-esperjenza professjonali bħala spiżjar proprjetarju jew koproprjetarju ta’ spiżerija u lanqas l‑ebda kategorija oħra ta’ kwalifiki ma tittieħed inkunsiderazzjoni meta waħda jew l-oħra tkun serviet preċedentement sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ ftuħ. Bl‑istess mod, il-punt 7(a) ta’ dan l-istess anness jistabbilixxi li, fil-każ ta’ riżultat ugwali skont l-iskala, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont ordni li tagħti priorità lill-ispiżjara li ma kinux proprjetarji ta’ spiżerija.

93. B’dawn il-kriterji, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tiffavorixxi, fil-konsegwenzi tagħha, lill-ispiżjara li jkunu għadhom ma kisbux awtorizzazzjoni ta’ stabbilment, u, għaldaqstant, hija intiża sabiex tiggarantixxi lil iktar spiżjara l-aċċess għall‑attività professjonali indipendenti.

94. Minkejja li minn dak li ntqal qabel jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija bħala prinċipju adatta għall-għan intiż sabiex jiżgura provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-mod kif din il-leġiżlazzjoni ssegwi l-imsemmi għan ma jkunx inkoerenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja r-regoli differenti kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-intier tagħha, hija adattata sabiex tiggarantixxi l-kisba ta’ għan invokat biss jekk din b’mod ġenwin tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Hartlauer, punt 55 kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et , punt 42).

95. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-Digriet 72/2001 jipprovax isegwi b’mod koerenti u sistematiku l-għan li tiġi żgurata provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni meta jistabbilixxi n-numru minimu ta’ residenti għal kull spiżerija, bħala regola, għal 2 800 jew 2 000, u d-distanza minima bejn l-ispiżeriji, bħala regola, għal 250 metru. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-liġi 16/1997, peress li d-Digriet 72/2001 jimplementa din il-liġi.

96. Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ kundizzjonijiet previsti minn dan id-digriet – applikabbli għat-territorju kollu kkonċernat – għandhom jiżguraw provvista adegwata u ta’ kwalità ta’ mediċinali għall-popolazzjoni abbażi ta’ indikazzjonijiet ta’ natura fissa li jieħdu neċessarjament inkunsiderazzjoni tal‑elementi demografiċi ordinarji, ikkunsidrati bħala medji. Minn dan isegwi li l‑applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet hekk maħsuba tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’żoni li għandhom ċerti partikolaritajiet demografiċi.

97. Dan jista’ jkun il-każ, l-ewwel nett, f’ċerti żoni rurali li l-popolazzjoni tagħhom ġeneralment hija mxerrda u iżgħar. Din il-partikolarità jista’ jkollha l-effett li, minkejja li l-kundizzjoni tan-numru minimu ta’ 2 800 resident tiġi dejjem applikata, ċerti residenti affettwati jsibu ruħhom barra mill-portata lokali raġonevoli ta’ spiżerija, u b’hekk ikunu mċaħħda minn aċċess xieraq għal servizz farmaċewtiku.

98. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi ċerti miżuri ta’ aġġustament li jippermettu li jittaffew il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tar-regola bażi ta’ 2 800 resident. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(3) tal-liġi 16/1997, il-komunitajiet awtonomi jistgħu jistabbilixxu porzjonijiet ta’ popolazzjoni iżgħar minn 2 800 resident għal kull spiżerija għaż-żoni rurali, turistiċi, fil-muntanja jew għaż-żoni fejn, minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi, demografiċi jew sanitarji tagħhom, l-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali ma tippermettix li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku, u tagħmel spiżerija li tinsab f’tali żona partikolari iktar aċċessibbli għall-porzjon tal-popolazzjoni li tinsab madwaru.

99. It-tieni nett, jirriżulta li applikazzjoni stretta tal-kundizzjoni l-oħra tad‑Digriet 72/2001, dwar id-distanza minima bejn l-ispiżeriji, tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’ċerti żoni ġeografiċi b’konċentrazzjoni demografika qawwija. Fil-fatt, f’dawn iż-żoni, id-densità tal‑popolazzjoni madwar spiżerija tista’ nettament taqbeż in-numru ta’ residenti stabbilit b’mod fiss. F’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, l-applikazzjoni tal‑kundizzjoni tad-distanza minima ta’ 250 metru bejn l-ispiżeriji tirriskja li twassal għal sitwazzjoni fejn il-perimetru previst għal spiżerija waħda jkun jinkludi iktar minn 2 800 resident – anki iktar minn 4 000 resident fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 2(3) tal-liġi 16/1997. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li r-residenti taż-żoni hekk ikkaratterizzati, minħabba l-applikazzjoni stretta tar‑regola dwar id-distanza minima, jistgħu jsibu diffikultajiet sabiex jaslu għal spiżerija f’kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku xieraq.

100. Għalhekk, anki f’tali każ, dawn il-konsegwenzi jistgħu jittaffew bil-miżura ta’ flessibbiltà prevista fl-Artikolu 2(4) tal-liġi 16/1997 li tipprovdi li minkejja li d‑distanza minima bejn l-ispiżeriji hija stabbilita “bħala regola” għal 250 metru, il-komunitajiet awtonomi jistgħu jawtorizzaw, minħabba l-konċentrazzjoni tal‑popolazzjoni, distanza iżgħar bejn l-ispiżeriji, u b’hekk iżidu n-numru ta’ spiżeriji disponibbli fiż-żoni b’konċentrazzjoni kbira ta’ popolazzjoni.

101. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat servizz farmaċewtiku xieraq b’mod koerenti u sistematiku, fil-każ bħal dak deskritt fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu anki jaslu sabiex jinterpretaw ir-regola ġenerali bħala regola li tippermetti li tingħata awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ spiżerija f’distanza inqas minn 250 metru mhux biss f’każijiet kompletament eċċezzjonali, imma kull darba li l-applikazzjoni stretta tar-regola ġenerali tal-250 metru tirriskja li ma tiżgurax aċċess xieraq għas-servizz farmaċewtiku f’ċerti żoni ġeografiċi b’konċentrazzjoni demografika qawwija.

102. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l‑awtoritajiet kompetenti jużawx, fis-sens spjegat fil-punti 98, 100 u 101 ta’ din is‑sentenza, il-possibbiltà offerta minn tali dispożizzjonijiet f’kull żona ġeografika li għandha karatteristiċi demografiċi partikolari fejn l-applikazzjoni stretta tar-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident u ta’ 250 metru tirriskja li tfixkel il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċetiku xieraq.

103. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, b’riżerva għall‑kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 94 sa 100 ta’ din is-sentenza, il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija adatta sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

104. Ir-raba’ nett, jibqa’ li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż, jiġifieri jekk jeżistux miżuri inqas minatorji sabiex jintlaħaq.

105. Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Plataforma para la Libre Apertura de Farmacias u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li huwa biżżejjed li jiġu stabbiliti regoli li jistabbilixxu numru minimu ta’ spiżeriji fiż-żoni ġeografiċi determinati (iktar ’il quddiem is-“sistema ‘ a minima ’”). B’dan il-mod, l-ebda ftuħ ta’ spiżerija ġdida ma jista’ jiġi awtorizzat – bħas-sistema attwali – fiż-żoni fejn diġà hemm numru biżżejjed ta’ spiżeriji, u dan sakemm kull waħda miż-żoni ġeografiċi stabbiliti jkollha n-numru minimu meħtieġ ta’ spiżeriji. Għaldaqstant, il-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda jista’ jsir mill-mument fejn kull waħda minn dawn iż‑żoni jkollha dan in-numru minimu ta’ spiżeriji.

106. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, Stat Membru jista’ jqis li s-sistema “ a minima ” ma tippermettix li jintlaħaq – bl-istess effikaċa bħas-sistema attwali – l-għan intiż sabiex jiżgura provvista garantita u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali fiż-żoni l‑inqas imfittxija.

107. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fis-sistema attwali, il-fattur li jħeġġeġ lill-ispiżjara jiftħu fiż-żoni neqsin mill-ispiżeriji jirriżulta mill-fatt li ma jistgħux jiftħu fiż-żoni fejn diġà hemm numru biżżejjed ta’ spiżeriji, u dan skont kriterju demografiku oġġettiv, jiġifieri sal-mument fejn il-popolazzjoni ta’ dawn iż-żoni tiżdied iktar mil-limitu stabbilit. Għalhekk, bħala regola, din is-sistema ma tħallix għażla oħra għall-ispiżjara li jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività professjonali indipendenti ħlief li joperaw f’żoni fejn hemm nuqqas ta’ spiżeriji, fejn il-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-popolazzjoni hija nieqsa u fejn għalhekk il-ftuħ ta’ spiżeriji huwa awtorizzat.

108. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li Stat Membru, bħar-Renju ta’ Spanja, jista’ leġittimament japplika s-sistema ta’ tqassim territorjali għal-livell reġjonali, jiġifieri li jagħti lir-reġjuni differenti r-responsabbiltà li jorganizzaw it-tqassim tal‑ispiżeriji bejn iż-żoni ġeografiċi tat-territorji rispettivi tagħhom.

109. Is-sitwazzjoni fid-diversi reġjuni tista’ tkun differenti b’mod kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda l-ftuħ tal-ispiżeriji.

110. Iktar preċiżament, huwa possibbli li fi ħdan ċerti reġjuni, jkunu jeżistu żona jew żoni ġeografiċi fejn in-numru minimu meħtieġ ta’ spiżjara ma jkunx għadu ntlaħaq. Għalhekk, huwa biss f’dawn iż-żoni fejn hemm nuqqas li tippreżenta ruħha l-possibbiltà tal-ftuħ ta’ spiżeriji ġodda.

111. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ reġjuni oħrajn, jista’ jkun hemm sitwazzjoni fejn fiż-żoni ġeografiċi kollha tagħhom jkun diġà hemm in-numru minimu meħtieġ ta’ spiżeriji, u – fis-sistema alternattiva “ a minima ” deskritta fil-punt 105 ta’ din is‑sentenza – it-territorju kollu tagħhom huwa għalhekk miftuħ għall-ftuħ liberu ta’ spiżeriji, inkluż ukoll iż-żoni l-iktar attraenti. Din is-sitwazzjoni tista’ timmina l-għan nazzjonali, kif jirriżulta mil-liġi 16/1997, li jidderieġi l-ispiżeriji lejn żona nieqsa minn spiżeriji ikun liema jkun ir-reġjun. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l‑ispiżjara kkonċernati għandhom tendenza jiżdiedu ma’ spiżjara li jkunu stabbilew irwieħhom fiż-żoni diġà mimlija – u għalhekk miftuħa għall-ftuħ liberu – minflok jikkunsidraw il-ftuħ fiż-żoni nieqsin mill-ispiżeriji fir-reġjuni mhux mimlijin.

112. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan intiż.

113. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domandi preliminari li saru għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis‑sens li bħala regola ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda li tistabbilixxi li:

– f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħda;

– spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il-limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident, u

– kull spiżerija għandha tirrispetta distanza minima meta mqabbla mal‑ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

114. Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu r-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident jew ta’ 250 metru jfixklu, f’kull żona ġeografika b’karatteristiċi demografiċi partikolari, il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adattat, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika.

Fuq it-tieni parti tad-domandi preliminari, dwar il-kriterji ta’ selezzjoni tal‑proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda stabbiliti fil-punti 4, 6 u 7(a) sa (ċ) tal‑Anness tad-Digriet 72/2001

115. Bit-tieni parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix kriterji, bħal dawk stabbiliti fil-punti 4, 6 u 7 (a) sa (ċ) tal-Anness tad-Digriet 72/2001, li bihom jintagħżlu l-proprjetarji tal‑ispiżeriji l-ġodda.

116. F’dak li jikkonċerna l-kriterji previsti fil-punti 4 u 7(a) u (b) ta’ dan l-anness, mill‑kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 86, 87, 92 u 93 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn jikkontribwixxu, skont l-Artikolu 49 TFUE, għall‑implementazzjoni tal-għan ta’ interess ġenerali invokat.

117. F’dawn iċ-ċirkustanzi jibqa’ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix il-kriterji stabbiliti fil-punti 6 u 7(ċ) tal-imsemmi anness, fid-dawl tal‑fatt li dan l-artikolu jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-kriterji applikabbli fil-kuntest ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva ma jkunux diskriminatorji (ara s-sentenza Hartlauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

118. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti jew ċari, ibbażati fuq in‑nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-użu ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-212/99, Ġabra p. I-4923, punt 24, u tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑224/00, Ġabra p. I-2965, punt 15).

119. Għalhekk, sakemm ma hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja meta hija suxxettibbli, min-natura tagħha stess, li taffettwa iktar liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli liċ-ċittadini nazzjonali u li tirriskja, konsegwentement, li tqiegħed fi żvantaġġ iktar partikolarment lil tal‑ewwel (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, Ġabra p. I‑6303, punt 30).

120. F’dan il-każ, il-punt 6 tal-Anness tad-Digriet 72/2001 jistabbilixxi li l-kwalifiki professjonali dwar l-eżerċizzju tal-professjoni miksuba fit-territorju tal‑Komunità Awtonoma ta’ Asturias jiżdiedu b’20 %.

121. Għalhekk, mill-punt 7(ċ) ta’ dan l-istess anness jirriżulta li, fil-każ ta’ riżultat ugwali skont l-applikazzjoni tal-iskala, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw skont ordni li jagħti priorità, wara l-kategoriji ta’ spiżjara imsemmija fl-imsemmi punt 7(a) u (b), lill-ispiżjara li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil‑Komunità Awtonoma ta’ Asturias.

122. Għalhekk, dawn iż-żewġ kriterji jipprivileġġaw lill-ispiżjara fil-proċedura ta’ selezzjoni minħabba li jkunu eżerċitaw l-attività tagħhom f’parti mit-territorju nazzjonali. Għaldaqstant, tali kriterju huwa naturalment iktar faċli sabiex jintlaħaq għall-ispiżjara nazzjonali li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom ħafna drabi fit-territorju nazzjonali tagħhom, milli għall-ispiżjara ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jeżerċitaw din l-attività ħafna drabi fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza Hartmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

123. Għaldaqstant, il-Consejería de Salud y Servicios Sanitarios u l-Principado de Asturias isostnu li d-differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jinżamm livell ta’ kwalità tas-servizz farmaċewtiku, fid-dawl tal-fatt li dan il‑livell jitbaxxa jekk l-ispiżjara li jiftħu ma jkunux kapaċi li jipprovdu s-servizz farmaċewtiku. Tali operabbiltà immedjata tal-ispiżjara tirrikjedi, b’mod partikolari, li jkunu jafu l-programmi ta’ saħħa previsti mill-amministrazzjoni reġjonali, kif ukoll il-funzjonament tal-ispiżeriji f’dan ir-reġjun.

124. Tali argument ma jistax jintlaqa’ peress li l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 85/432 u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad-Direttiva 2005/36 jeħtieġu li l-proprjetarji ta’ kwalifika universitarja fil-farmaċija jkunu jistgħu jaċċedu għall-attivitajiet ta’ preparazzjoni, ta’ kontroll, ta’ ħażna u ta’ distribuzzjoni tal-prodotti mediċinali fl‑ispiżeriji miftuħa għall-pubbliku kif ukoll għall-attivitajiet ta’ għoti ta’ informazzjoni u ta’ pariri dwar il-prodotti mediċinali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l‑eżiġenzi msemmija fil-punt preċedenti ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw trattament mhux ugwali bħal dak fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

125. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni parti tad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tad‑Direttiva 85/432 u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad-Direttiva 2005/36, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kriterji, bħal dawk stabbiliti fil-punti 6 u 7(ċ) tal‑Anness tad-Digriet 72/2001, li bihom jintagħżlu l-proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda.

Fuq l-ispejjeż

126. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1) L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala regola ma jipprekludix, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ stabbiliment ta’ spiżeriji ġodda li tistabbilixxi li

– f’kull żona farmaċewtika, għal kull porzjon ta’ 2 800 resident, tista’ tinħoloq biss spiżerija waħda;

– spiżerija addizzjonali tista’ tinfetaħ biss jekk jinqabeż dan il‑limitu, u għal kull frazzjoni superjuri għal 2 000 resident, u

– kull spiżerija għandha tirrispetta distanza minima meta mqabbla mal-ispiżeriji li jeżistu diġà, u li din id-distanza bħala regola hija ta’ 250 metru.

Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu r-regoli bażiċi ta’ 2 800 resident jew ta’ 250 metru jfixklu, f’kull żona ġeografika b’karatteristiċi demografiċi partikolari, il-ftuħ ta’ numru biżżejjed ta’ spiżeriji li jistgħu jiżguraw servizz farmaċewtiku adattat, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika.

2) L-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tad‑Direttiva tal-Kunsill 85/432/KEE, tas-16 ta’ Settembru 1985, li tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija u l-Artikolu 45(2)(e) u (g) tad‑Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta' Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kriterji, bħal dawk stabbiliti fil-punti 6 u 7(ċ) tal-Anness tad-Digriet 72/2001, li jirregola l‑ispiżeriji u s-servizzi ta’ spiżerija fil-Prinċipat ta’ Asturias (Decreto 72/2001 regulador de las oficinas de farmacia y botiquines en el Principado de Asturias), tad-19 ta’ Lulju 2001, li bihom jintgħażlu l‑proprjetarji tal-ispiżeriji l-ġodda.