IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.12.2020
COM(2020) 802 final
ANNESSI
ta'
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat
ANNESS I
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tal-Ftehim dwar dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, l-Unjoni għandha inter alia tosserva l-prinċipji li ġejjin:
(a)tiżgura li l-miżuri adottati bil-Ftehim ikunu konsistenti mal-Ftehim innifsu kif ukoll mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Tan-Nazzjonijiet Uniti Dwar il-Liġi Tal-Baħar (UNCLOS), il- Ftehim fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta' ħut li jpassi ħafna (highly migratory) (UNFSA), il-Ftehim li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993;
(b)taġixxi f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-Politika Komuni tas-Sajd kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tas-sistema tal-Unjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1005/2008;
(c)taġixxi f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd, u timmira li d-dimensjoni esterna ssegwi l-istess prinċipji u tippromwovi l-istess standards għall-ġestjoni u l-kontroll tas-sajd kif applikati fl-ilmijiet tal-Unjoni; tippromwovi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, inter alia biex jappoġġaw kummerċ trasparenti fil-prodotti tas-sajd li huwa soġġett għal standards strettament osservati u kkontrollati; u tippromwovi inizjattivi li jikkonċernaw ir-rwol tal-istati tal-port u l-istati tal-bandiera fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (IUU);
(d)taġixxi f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Oċeani u l-Ibħra, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u tippromwovi miżuri li jappoġġaw u jtejbu l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha;
(e)issegwi approċċ ta’ tolleranza żero għas-sajd IUU, filwaqt li tqis b’mod partikolari li l-kundizzjonijiet politiċi u soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-COVID-19 setgħu ħolqu ambjent favorevoli għal atturi mingħajr skrupli biex iwettqu sajd IUU jew biex jiffaċilitaw il-kummerċ tiegħu, u dan jagħmilha saħansitra aktar meħtieġa li jittieħdu miżuri drastiċi skont dan il-Ftehim;
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżviluppa u tappoġġa l-adozzjoni tal-azzjonijiet u l-orjentazzjonijiet li ġejjin, bil-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni universali fil-Ftehim u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu:
(a)tiżgura koerenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni b’mod partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, l-ambjent, il-kummerċ, l-impjiegi, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u tfittex konsistenza u sinerġija mal-politiki segwiti mill-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma’ pajjiżi terzi;
(b)tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u tal-korpi reġjonali tas-sajd (RFBs) u l-koordinazzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet mal-Ftehim;
(c)tappoġġa l-adozzjoni ta’ programmi ta’ żvilupp tal-kapaċità globali biex jassistu lill-Istati li qed jiżviluppaw fit-tħejjija għall-implimentazzjoni jew fl-implimentazzjoni tal-Ftehim, filwaqt li jiżguraw, fejn meħtieġ, il-komplementarjetà mal-assistenza lil pajjiżi terzi pprovduta mill-Unjoni fil-ġlieda kontra l-IUU;
(d)tippromwovi miżuri li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn il-Ftehim u organizzazzjonijiet globali u reġjonali oħra, fi ħdan il-mandati tagħhom, fejn xieraq, kif ukoll ma’ Stati Mhux Partijiet għall-Ftehim, fejn ikun mixtieq u applikabbli;
(e)tappoġġa miżuri li jippromwovu r-ratifika tal-Ftehim minn dawk li mhumiex Partijiet, inkluż permezz ta’ sensibilizzazzjoni globali u bini ta’ kapaċità biex jiġi żgurat li l-Istati jifhmu kemm il-benefiċċji tal-Ftehim kif ukoll ir-rekwiżiti tal-implimentazzjoni tiegħu, jekk isiru Parti;
(f)tappoġġa miżuri li jiżviluppaw u jippromwovu l-użu ta’ għodod (teknoloġiji, sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, reġistri, eċċ.) biex jappoġġaw u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, u tiżgura li jkunu kompatibbli ma’ dawk żviluppati fl-Unjoni biex jindirizzaw skopijiet simili;
(g)tappoġġa miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tat-trasparenza, id-djalogu u l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi iżda mhux esklużivament, is-sajjieda, l-industrija tas-sajd, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ix-xjenzati u l-akkademja, dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim, u, fejn xieraq, miżuri mmirati lejn it-titjib tal-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma relatata mal-implimentazzjoni tal-Ftehim f’konformità mal-prattika komuni adottata fi ftehimiet multilaterali oħra.
ANNESS II
Speċifikazzjoni sena b’sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed waqt il-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat
Qabel kull laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni relevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.
Jekk waqt laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.