Brussell, 14.12.2020

COM(2020) 802 final

2020/0354(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat

Il-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux Irregolat (“il-Ftehim”) huwa l-ewwel ftehim internazzjonali vinkolanti li jimmira speċifikament għas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU).

L-għan ewlieni tiegħu huwa li jimpedixxi, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU billi jimpedixxi lill-bastimenti involuti f’sajd IUU milli jużaw il-portijiet u jintroduċu l-qabdiet tagħhom fis-swieq. B’dan il-mod, il-Ftehim inaqqas l-inċentiv ta' tali bastimenti milli jkomplu joperaw, filwaqt li jimblokka wkoll il-prodotti tas-sajd derivati minn sajd IUU milli jaslu fis-swieq nazzjonali u internazzjonali. L-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u tal-ekosistemi tal-baħar. Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim japplikaw għall-bastimenti tas-sajd li jkunu qed ifittxu li jidħlu f’port ta’ Stat li jkun differenti mill-Istat tal-bandiera tagħhom.

Il-Ftehim ġie nnegozjat fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), li l-Unjoni Ewropea hija membru tagħha. Huwa kien approvat mill-Konferenza tal-FAO fis-sitta u tletin Sessjoni tagħha fit-22 ta’ Novembru 2009, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 12/2009, taħt l-Artikolu XIV, il-paragrafu 1 tal-Kostituzzjoni tal-FAO. Huwa daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Ġunju 2016 u issa għandu 1 67 Parti.

L-Unjoni Ewropea kienet fost l-ewwel li saret parti għall-Ftehim 2 , lura fl-2011.

2.2.Il-laqgħa tal-Partijiet

Il-laqgħa tal-Partijiet hija l-korp deċiżjonali skont il-Ftehim, li għandha tiltaqa’ kull sentejn jew aktar ta’ spiss jekk tiddeċiedi hekk 3 .

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 24 tal-Ftehim jistabbilixxi wkoll li, erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, l-FAO għandha ssejjaħ laqgħa tal-Partijiet biex tiġi riveduta u vvalutata l-effikaċja ta’ dan il-Ftehim biex jintlaħaq l-għan tiegħu 4 . Imbagħad, il-Partijiet għandhom jiddeċiedu dwar aktar laqgħat bħal dawn kif meħtieġ.

Il-laqgħat speċjali tal-Partijiet jistgħu jsiru wkoll drabi oħra skont kif jitqies meħtieġ mill-Partijiet, jew fuq talba bil-miktub ta’ kwalunkwe Parti 5 .

2.3.Deċiżjonijiet meħuda waqt il-laqgħa tal-Partijiet

Il-laqgħa tal-Partijiet għandha l-awtorità li tadotta miżuri li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat u dawn huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.

Fil-prinċipju, il-Partijiet jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet prinċipali b’kunsens iżda, fejn il-President jiddetermina li l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens ikunu ġew eżawriti, id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa 6 .

L-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura għal-Laqgħat tal-Partijiet jistgħu jiġu adottati b’kunsens u, jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, sakemm tali maġġoranza tkun aktar minn nofs il-Partijiet kollha 7 . L-Unjoni għandha d-dritt tal-parteċipazzjoni u dak tal-vot.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Huwa propost li l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet tiġi stabbilita skont approċċ fuq żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill se tistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali, u sussegwentement tiġi aġġustata għal kull laqgħa permezz ta’ dokumenti informali tal-Kummissjoni li għandhom jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill.

Dan l-approċċ bħalissa qed jittieħed ukoll f’organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni f’dawk il-laqgħat.

Id-deċiżjoni preżenti tinkorpora l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd (PKS) kif stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 u hija ggwidata mis-sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1005/2008. Hija tqis id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-PKS 9 , ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni 10 , ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi 11 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 12 .

Din id-deċiżjoni tqis ukoll l-impenji internazzjonali tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS), il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta’ Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi f’Żona Limitata ("Straddling") u Ħażniet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna ("Highly Migratory") tal-4 ta’ Awwissu 1995 (il-Ftehim tan-NU dwar il-Ħażniet ta’ Ħut), il-Ftehim li Jippromwovi l-Osservanza tal-Miżuri Internazzjonali ta’ Konservazzjoni u Maniġġjar minn Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Internazzjonali tal-24 ta’ Novembru 1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-Ftehim ta’ Konformità tal-FAO), kif ukoll ftehimiet bilaterali u multilaterali rilevanti oħrajn.

Din id-Deċiżjoni tirrifletti l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS 13 u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill, il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Oċeani u l-Ibħra 14 , il-konklużjonijiet tal-Kunsill 15 dwar il-komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Kummissjoni dwar “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna” 16 , inkluż b’rabta mal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port. Hija tqis ukoll l-aspetti tas-sajd IUU tal-Istrateġija għas-Sigurtà Marittima tal-UE 17 u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ implimentazzjoni rivedut tagħha 18 .

Fl-aħħar nett, hija ispirata mid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku 19 li hija se tieħu approċċ ta’ tolleranza żero għas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat, objettiv li mbagħad kien affermat mill-ġdid fiż-żewġ Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030” 20 u “Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal Sistema tal-Ikel Ġusta, Tajba għas-Saħħa u Favur l-Ambjent” 21 .

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

“Atti li jkollhom effetti legali” jinkludu atti li għandhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 22 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-kawża preżenti

Il-laqgħa tal-Partijiet hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

L-atti li l-laqgħa tal-Partijiet tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. L-atti previsti tal-laqgħa tal-Partijiet se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri:

·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat 23 ;

·Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 24 ;

·Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni 25 ;

·Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi 26 ;

·Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 27 .

Madankollu, l-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik li jirrikjedi l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-kawża preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti jirrigwardjaw is-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-bażi ġuridika li tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f’din il-pożizzjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2020/0354 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (“il-Ftehim”), innegozjat taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), li tagħha l-Unjoni hija Membru, ġie approvat mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2011/443 28 . Il-Ftehim daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Ġunju 2016.

(2)Il-laqgħa tal-Partijiet hija l-korp deċiżjonali skont il-Ftehim u għandha l-awtorità li tadotta miżuri li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Hija għandha tiltaqa’ kull sentejn jew aktar spiss jekk tiddeċiedi hekk.

(3)Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 24 tal-Ftehim jistabbilixxi wkoll li, erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, l-FAO għandha ssejjaħ laqgħa tal-Partijiet biex tiġi riveduta u vvalutata l-effikaċja ta’ dan il-Ftehim biex jintlaħaq l-għan tiegħu. Imbagħad, il-Partijiet għandhom jiddeċiedu dwar aktar laqgħat bħal dawn kif meħtieġ. Il-laqgħat speċjali tal-Partijiet jistgħu jsiru wkoll f’dawk il-ħinijiet l-oħrajn li jistgħu jitqiesu meħtieġa mill-Partijiet, jew fuq talba bil-miktub ta’ kwalunkwe Parti.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim għall-ewwel laqgħa ta’ rieżami tal-Ftehim 29 kif stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal-Ftehim, u għat-tliet laqgħat biennali sussegwenti tal-Partijiet u kwalunkwe laqgħa intersessjonali relatata f’dak ir-rigward mill-adozzjoni tal-pożizzjoni attwali, billi l-miżuri taħt il-Ftehim se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jkunu kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 30 u (KE) Nru 1224/2009 31 , ir-Regolament (UE) 2017/2403 32 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd 33 .

(5)Fid-dawl tal-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, abbażi tal-informazzjoni rilevanti ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-Partijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll proċeduri, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-ewwel laqgħa ta’ rieżami tal-Ftehim kif stabbilit fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 24 tiegħu, kif ukoll għat-tliet laqgħat biennali sussegwenti tal-Partijiet u kwalunkwe laqgħa intersessjonali relatata.

(6)L-objettiv ewlieni tal-Ftehim huwa li jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) billi jimpedixxi lill-bastimenti involuti f’sajd IUU milli jużaw il-portijiet u jintroduċu l-qabdiet tagħhom fis-swieq. B’dan il-mod, il-Ftehim inaqqas l-inċentiv ta' tali bastimenti milli jkomplu joperaw, filwaqt li jimblokka wkoll il-prodotti tas-sajd derivati minn sajd IUU milli jaslu fis-swieq nazzjonali u internazzjonali.

(7)Is-sajd IUU jikkostitwixxi waħda mill-aktar theddidiet serji għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u jipperikola l-pedament stess tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni u l-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni ta’ governanza aħjar tal-oċeani.

(8)Il-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim hija responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri mfassla biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, u b’hekk jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar. Jenħtieġ li l-Unjoni jkollha rwol attiv, effettiv u kostruttiv f’dawn il-laqgħat biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim u trawwem kooperazzjoni internazzjonali dwar is-sajd IUU.

ADOTTA D-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat hija stabbilita fl-Anness I.

Din il-pożizzjoni hija stabbilita għall-ewwel laqgħa ta’ rieżami tal-Ftehim kif stabbilit fl-Artikolu 24(2) tiegħu, kif ukoll għat-tliet laqgħat biennali sussegwenti tal-Partijiet u kwalunkwe laqgħa intersessjonali relatata.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Partijiet għall-Ftehim imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandha titwettaq f’konformità mal-Anness II.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-ħin tal-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim wara t-tielet laqgħa biennali msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

               Għall-Kunsill

               Il-President

(1)    Ottubru 2020; http://www.fao.org/port-state-measures/background/parties-psma/en/  
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2011/443 tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (ĠU L 191, 22.7.2011, p. 1).
(3)    Ir-Regola 5.1 tar-Regoli ta’ Proċedura għal-Laqgħat tal-Partijiet.
(4)    Din il-laqgħa, li għandha tiġi ospitata mill-UE, kellha ssir fl-2020, iżda ġiet posposta għall-2021 minħabba l-COVID-19.
(5)    Ir-Regola 5.2. tar-Regoli ta’ Proċedura għal-Laqgħat tal-Partijiet.
(6)    Ir-Regoli 7.2. u 7.3. tar-Regoli ta’ Proċedura għal-Laqgħat tal-Partijiet.    Ir-Regola XVII.3(a) tar-Regoli Ġenerali tal-Organizzazzjoni.
(7)    Ir-Regola 13 tar-Regoli ta’ Proċedura għal-Laqgħat tal-Partijiet.
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(9)    ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(10)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(11)    ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.
(12)    ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.
(13)    COM (2011) 424, 13.7.2011.
(14)    14249/19, 19.11.2019.
(15)    7348/1/17 REV 1, 24.3.2017.
(16)    JOIN (2016) 49 final, 10.11.2016.
(17)    Dok. 11205/14 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.06.2014
(18)    Dok. 10494/18 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.06.2018
(19)    COM (2019) 640 final, 11.12.2019.
(20)    COM (2020) 380 final, 20.05.2020.
(21)    COM (2020) 381 final, 20.05.2020.
(22)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(23)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(24)    ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(25)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(26)    ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.
(27)    ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.
(28)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2011/443 tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (ĠU L 191, 22.7.2011, p. 1).
(29)    Attwalment ippjanat mill-31 ta’ Mejju sal-4 ta’ Ġunju 2021.
(30)    ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(31)    ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(32)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(33)    ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.