|
26.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 248/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1643
tal-20 ta’ Settembru 2022
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati mal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) għal ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru. |
|
(2) |
Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill estenda b’sena l-awtorizzazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2016. |
|
(3) |
In-negozjati għall-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess fit-2 ta’ Ġunju 2021. |
|
(4) |
L-Istati Membri tal-ASEAN huma fost l-iktar ekonomiji li qed jikbru malajr fid-dinja, u s-swieq tagħhom għas-servizzi tal-ajru għandhom potenzjal qawwi għal iktar tkabbir. Il-Ftehim għandu l-għan b’mod partikolari li jiżgura kompetizzjoni ġusta, il-faċilitazzjoni tal-ftuħ gradwali tas-suq u żieda fl-aċċess għal rotot u għall-kapaċità bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tal-ASEAN, biex b’hekk ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u għall-ekonomija. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni. |
|
(6) |
L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni ma jaffettwax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża sal-punt li tali kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata internament mill-Unjoni. |
|
(7) |
Sabiex il-Ftehim iwassal il-benefiċċji sħaħ tiegħu malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li huwa jiġi konkluż b’mod rapidu. Għal dak l-għan, huwa previst li, fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Membri tal-Assoċjazzjonijiet tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja jagħmlu dikjarazzjoni (“id-dikjarazzjoni mill-Partijiet”) li, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħhom, se jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex idaħħlu fis-seħħ il-Ftehim malajr kemm jista’ jkun. |
|
(8) |
Ir-rispons mhux koordinat tal-pajjiżi madwar id-dinja għall-pandemija tal-COVID-19 kien partikolarment ta’ tfixkil għall-industrija tal-avjazzjoni. Sabiex jiġi evitat tali tfixkil f’każ ta’ kriżijiet futuri, hemm bżonn koordinazzjoni aħjar bejn l-Unjoni u s-sħab internazzjonali ewlenin. Għalhekk, huwa previst li fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim, il-Partijiet jesprimu wkoll fid-dikjarazzjoni mill-Partijiet l-intenzjoni tagħhom li jibqa’ jkollhom diskussjonijiet u koordinazzjoni mill-qrib, fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt previst skont il-Ftehim, dwar ir-risponsi għal avvenimenti ta’ kriżi mhux mistennija bħall-pandemija tal-COVID-19, bl-objettiv li jittaffew, sa fejn ikun possibbli, kwalunkwe effett ta’ tfixkil għas-servizzi tal-ajru. |
|
(9) |
Id-dikjarazzjoni mill-Partijiet jenġtieġ li tiġi approvata f’isem l-Unjoni. |
|
(10) |
Id-dikjarazzjoni mill-Partijiet, kif ukoll dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-Unjoni u l-Istati Membri tal-ASEAN bl-eċċezzjoni tal-Malasja u dikjarazzjoni mill-Malasja, ser jiġu kkumpilati f’Reġistru ta’ Dikjarazzjonijiet li jsiru fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru ASEAN-UE (“ir-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet”). Jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tar-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim (1).
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja u mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (2) hija b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tar-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet magħmula fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru ASEAN-UE, huwa b’dan awtorizzat (3).
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw ir-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet f’isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK
(1) It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni tal-konklużjoni tiegħu.
(2) It-test tad-Dikjarazzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mal-Ftehim.
(3) It-test tar-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet ser jiġi ppubblikat flimkien mal-Ftehim.