|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2529 |
12.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2529
tat-8 ta’ Diċembru 2025
li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) imposta fuq il-provvisti tal-merkanzija u s-servizzi li huma jużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva jistipula li, meta assi ta’ negozju jintuża għall-finijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom, dan għandu jitqies bħala servizz bi ħlas li, sussegwentement, ikun soġġett għall-VAT. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE (2) tawtorizza lill-Italja li tillimita d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE għal 40 % b’rispett għax-xiri ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-mutur, inkluż il-kuntratti ta’ assemblaġġ u oħrajn ta’ dan it-tip, il-manifattura, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-lokazzjoni jew il-kiri, il-modifika, it-tiswija jew il-manutenzjoni, u n-nefqa relatata, fosthom il-lubrikanti u l-fjuwil, meta l-vettura inkwistjoni ma tkunx tintuża biss għal finijiet kummerċjali. Għall-vetturi soġġetti għal dak il-limitu ta’ 40 %, l-Italja teħtieġ li persuni taxxabbli ma jittrattawx l-użu għal finijiet privati ta’ vetturi inklużi fl-assi kummerċjali ta’ persuna taxxabbli bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas f’konformità mal-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżuri speċjali”). |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni 2007/441/KE ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2025, l-Italja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali għal perjodu ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2028 (“it-talba”). |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE, l-Italja ppreżentat, flimkien mat-talba, rapport li jinkludi rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, l-Italja tissottometti li l-limitu ta’ 40 % għadu ġustifikabbli u jibqa’ xieraq. Tissottometti wkoll li l-miżuri speċjali huma ġġustifikati minħabba l-impatt pożittiv tagħhom fir-rigward tal-piż amministrattiv tal-kontribwenti tat-taxxa u tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jissimplifikaw il-ġbir tal-VAT u jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa minħabba ż-żamma skorretta tar-rekords. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għaddiet it-talba tal-Italja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittri datati d-29 u t-30 ta’ Lulju 2025. Permezz ta’ ittra datata l-31 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |
|
(7) |
L-applikazzjoni tal-miżuri speċjali wara l-31 ta’ Diċembru 2025 ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li l-Italja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser taffettwa b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT. |
|
(8) |
Għalhekk jixraq li tiġi estiża l-awtorizzazzjoni stipulata fid-Deċiżjoni 2007/441/KE. L-estensjoni tal-miżuri speċjali jenħtieġ li tiġi limitata fil-ħin biex tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività tagħhom u l-adegwatezza tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2028. |
|
(10) |
Il-miżuri speċjali huma proporzjonati għall-objettivi li jridu jintlaħqu, jiġifieri, is-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li l-miżuri speċjali huma limitati fiż-żmien u fl-ambitu. Barra minn hekk, il-miżuri speċjali ma jagħtux lok għal riskju li l-frodi timxi lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra. |
|
(11) |
Fil-każ li l-Italja tqis li estensjoni tal-miżuri speċjali tkun meħtieġa lil hinn mill-2028, jenħtieġ li tippreżenta lill-Kummissjoni talba għall-estensjoni sal-31 ta’ Marzu 2028. Dik it-talba jenħtieġ li tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċjali, inkluż rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata. |
|
(12) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/441/KE tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2007/441/KE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 6 Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2028. Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.” |
|
(2) |
L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2028.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
R. STOKLUND
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/441/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2529/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)