|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/774 |
11.2.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill RESTORE – Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1058 u r-Regolament (UE) 2021/1057
(COM(2024) 496 final — 2024/0275 (COD))
(C/2025/774)
Relatur Ġenerali:
Ioannis VARDAKASTANIS|
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 14.11.2024 Parlament Ewropew, 25.10.2024 |
|
Bażi legali |
Artikoli 164, 175(3), 178 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
4.12.2024 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
592 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
138/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ ċari tiegħu lill-persuni li ntlaqtu serjament mid-diżastri naturali reċenti fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Meta d-diżastri klimatiċi jolqtu lir-reġjuni tal-UE, l-Ewropa tkun aktar b’saħħitha meta ssir vuċi waħda u tkun magħquda. |
|
1.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tar-riżorsi sfortunatament diġà qed jippreżentaw ruħhom. Għalhekk qed ikollna naġġustaw għal realtà li ma esperjenzajniex qabel. Għalkemm l-UE ġustament impenja ruħha li tevita li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, madankollu m’aħniex lesti għal emerġenzi klimatiċi, kriżijiet tal-enerġija u diżastri naturali mhux previsti. |
|
1.3. |
Il-kriżi klimatika hija kwistjoni sistemika li tmur lil hinn mill-konfini, li jfisser li hemm ħtieġa għal bidla sistemika fir-rigward ta’ kif taħdem l-ekonomija tagħna u li huwa kruċjali li l-gvernijiet jimpenjaw ruħhom favur soluzzjonijiet sistemiċi minflok sempliċement jindirizzaw is-sintomi tal-problema. |
|
1.4. |
Il-KESE jemmen li se jkunu meħtieġa miżuri immedjati, sempliċi u effettivi biex jittaffew il-konsegwenzi soċjali, territorjali u ekonomiċi ta’ tali diżastri naturali. Ir-reġjuni tal-UE se jeħtieġu xogħlijiet estensivi ta’ rikostruzzjoni biex jirkupraw minn dawn id-diżastri. |
|
1.5. |
Il-KESE jilqa’ l-flessibbiltajiet proposti fil-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu appoġġjati l-pajjiżi affettwati, minħabba l-impatt sever u dejjiemi li d-diżastri naturali għandhom fuq in-nisġa soċjali u ekonomika tar-reġjuni tal-UE. |
|
1.6. |
Il-KESE jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-politika ta’ koeżjoni bħala għodda ta’ investiment fit-tul tal-UE, u jirrikonoxxi li diżastri naturali estremi jistgħu jipperikolaw l-iżvilupp fit-tul tagħha. |
|
1.7. |
Il-KESE jisħaq li l-prinċipju fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni, li skontu ħadd u l-ebda reġjun ma għandu jitħalla jibqa’ lura, għadu sod u validu, u li l-imsieħba tas-soċjetà ċivili huma lesti li jkomplu jaħdmu favur tiegħu permezz ta’ politika soda ta’ investiment tal-UE. |
|
1.8. |
Fir-Riżoluzzjoni reċenti tiegħu bit-titolu “Ħadd ma għandu jitħalla jaqa’ lura! Għal politika ta’ koeżjoni inklużiva u parteċipattiva b’appoġġ għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali” (1), il-KESE jirreferi bil-qawwa u b’mod ċar għal politika ta’ koeżjoni li hija l-iżjed politika importanti ta’ investiment fit-tul biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali, ekonomiċi u territorjali. |
|
1.9. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ mekkaniżmu ta’ finanzjament ġdid, stabbli u solidu li jrid ikun adattiv, flessibbli u lest biex jindirizza kriżijiet ġodda u emerġenti fis-snin u fid-deċennji li ġejjin. Huwa kruċjali li l-funzjonament ta’dan il-mekkaniżmu, li huwa aktar iffukat fuq reazzjonijiet rapidi u urġenti, ikun koerenti mal-politiki globali tal-UE dwar il-klima, l-ambjent u l-enerġija, li fit-tul se jnaqqsu d-dipendenza mir-reazzjonijiet għall-emerġenzi u jipproteġu l-umanità kif ukoll id-dinja naturali. |
|
1.10. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex isir l-aktar użu effettiv u rapidu tal-possibbiltajiet ta’ appoġġ għar-reġjuni milquta. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema, l-SMEs u l-NGOs sofrew ħsara kbira minħabba d-diżastri naturali u parti sostanzjali tal-fondi jridu jiġu diretti lejhom sabiex jirkupraw mill-ħsarat serji. |
|
1.11. |
Il-KESE jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex japprovaw malajr ir-Regolament sabiex dan ikun jista’ jiġi adottat mill-aktar fis possibbli. L-iskala tal-isfida teħtieġ rispons kollettiv u aktar koordinat, speċjalment meta l-istaġun kiesaħ jinsab fuq l-għatba. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. Sfond u deskrizzjoni tal-proposta
|
2.1.1. |
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta għal Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni (RESTORE) li temenda l-FEŻR (2021/1058) u r-Regolamenti tal-FSE+ (2021/1057) b’rispons għall-għargħar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u n-nirien mill-maltempata Boris fil-Portugall f’Settembru 2021, li ħolqot ħtiġijiet serji għar-rikostruzzjoni u appoġġ immedjat għal dawk affettwati. |
|
2.1.2. |
Il-proposta tal-Kummissjoni timmira lejn il-likwidità u għandha l-għan li ttaffi l-piż finanzjarju fuq l-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali, bil-possibbiltà ta’ finanzjament mill-UE tal-prijoritajiet speċifiċi l-ġodda pprogrammati fil-FEŻR u l-FSE+ sa 100 %, prefinanzjament addizzjonali ta’ 30 %, u b’rata massima għar-riprogrammazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻR u l-FSE+ sa 10 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR, il-FSE+ u l-Fond ta’ Koeżjoni flimkien. |
|
2.1.3. |
Flessibbiltà addizzjonali hija possibbli fil-każ ta’ diżastri naturali nazzjonali jew reġjonali kbar, kif definit fir-Regolament dwar il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (FSUE), jew anke jekk ikunu taħt il-limiti tar-Regolament FSUE, dment li dawn ikunu rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Eliġibbiltà retrospettiva mill-1 ta’ Jannar 2024 ’il quddiem hija prevista anke għal operazzjonijiet li l-ambitu fiżiku tagħhom ikun tlesta jew li jkunu ġew implimentati bis-sħiħ. |
|
2.1.4. |
B’mod partikolari, fir-Regolament (UE) 2021/1058 dwar il-FEŻR, ġie introdott objettiv speċifiku ġdid taħt l-Objettiv ta’ Politika 2 (Ewropa aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju), filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tiegħu jibqa’ l-istess, u mingħajr deroga mir-regoli ta’ konċentrazzjoni tematika applikabbli. Barra minn hekk, fir-Regolament (UE) 2021/1057 dwar il-FSE+, il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi għadd ta’ eċċezzjonijiet u flessibbiltà temporanji biex jiġi żgurat li l-assistenza tasal għand iċ-ċittadini permezz tal-inqas għadd ta’ proċeduri burokratiċi possibbli, mingħajr il-ħtieġa li tiġi introdotta prijorità speċifika. |
|
2.1.5. |
Il-proposta tinvolvi programmi ta’ ħidma għal żmien qasir u assistenza materjalment appoġġjata li se tkun permessa mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ akkumpanjament, li jipprovdu liċ-ċittadini b’appoġġ dirett. Għall-kura tas-saħħa, id-durata tal-kopertura hija sa 18-il xahar mid-data tad-diżastru, filwaqt li għall-assistenza materjali, id-durata hija sa 6 xhur, u b’hekk tippermetti rispons aktar rapidu għall-emerġenzi. L-iskadenza għat-tressiq tal-emendi tal-programm hija stabbilita għal 4 xhur wara d-diżastru naturali jew id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Restore. |
|
2.1.6. |
Il-proposta Restore ma tipprevedix appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-objettiv speċifiku l-ġdid, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat mit-Trattat għas-setturi tat-trasport u l-ambjent. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jittrasferixxu riżorsi mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-FEŻR fil-limiti stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (b’kollox sa 20 % tal-allokazzjoni inizjali). |
|
2.1.7. |
Il-proposta ma tinvolvi l-ebda bidla fil-limiti massimi annwali tal-QFP għall-impenji u l-pagamenti, filwaqt li tibqa’ fil-limiti tal-QFP attwali u tkun newtrali għall-baġit. Il-prefinanzjament ta’ 30 % kif ukoll ir-rata miżjuda sa 100 % tal-finanzjament tal-UE jistgħu jwasslu għal allokazzjoni bikrija tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2025 u l-2026, waqt li fi stadju aktar tard għandhom isiru pagamenti sussegwenti peress li l-qafas finanzjarju ġenerali jibqa’ l-istess. Għall-2025, il-Kummissjoni pproponiet li tkopri l-ħtiġijiet addizzjonali permezz ta’ ittra emendatorja għall-baġit tal-2025. Sabiex jiġi evitat finanzjament doppju, l-ispejjeż koperti minn strumenti oħra nazzjonali jew tal-UE jew minn kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jitnaqqsu mill-applikazzjonijiet għall-ħlas. |
2.2. Kummenti ġenerali
|
2.2.1. |
Il-KESE jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk l-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali, filwaqt li jirrikonoxxi li l-effetti ta’ kriżi, bħal diżastru naturali, jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ reġjun. |
|
2.2.2. |
Id-diżastri naturali reċenti fl-Ewropa Ċentrali, tal-Lvant u tan-Nofsinhar, iżda wkoll fil-belt ta’ Valenzja, kellhom effett devastanti fuq il-popolazzjonijiet li jgħixu f’dawn ir-reġjuni. Se jkunu meħtieġa xogħlijiet estensivi ta’ rikostruzzjoni f’ħafna bliet u rħula biex jissewwew l-infrastruttura u t-tagħmir li saritilhom il-ħsara. |
|
2.2.3. |
Il-KESE jirrimarka li jridu jittieħdu miżuri immedjati u effettivi biex jittaffa l-piż fuq il-baġits lokali, reġjonali u nazzjonali u biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ disparitajiet territorjali aggravati li jirriżultaw minn dawn id-diżastri. |
|
2.2.4. |
F’diversi okkażjonijiet, il-politika ta’ koeżjoni ntużat biex jingħelbu l-aktar konsegwenzi immedjati ta’ kriżi. Pereżempju, din kienet preżenti mill-ewwel jum tal-kriżi kkawżata mill-pandemija. Il-politika ta’ koeżjoni kienet ukoll strument ewlieni meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna: din għenet biex jiġu appoġġjati r-reġjuni tal-fruntieri u r-rifuġjati permezz tar-Regolament CARE. Din intużat ukoll meta l-kontijiet tad-dawl kienu qed jogħlew u għenet lill-SMEs jindirizzaw dan. |
|
2.2.5. |
Madankollu, il-KESE jirrimarka r-riskju li l-politika ta’ koeżjoni tinbidel fi strument ta’ rispons għall-kriżijiet għad-detriment tal-objettivi fit-tul tagħha. Il-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-flessibbiltà u l-iżgurar tan-natura strateġika u fit-tul tal-politika ta’ koeżjoni hija kruċjali għar-reġjuni tal-UE. |
|
2.2.6. |
Fir-Riżoluzzjoni reċenti tagħna bit-titolu “Ħadd ma għandu jitħalla jaqa’ lura! Għal politika ta’ koeżjoni inklużiva u parteċipattiva b’appoġġ għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali”, aħna osservajna li aħna kontra kwalunkwe pass biex titnaqqas il-politika ta’ koeżjoni jew tiġi ttrasformata fi strument biex jiġu indirizzati l-emerġenzi. |
|
2.2.7. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ mekkaniżmu ta’ finanzjament ġdid li jista’ joffri assistenza immedjata u ambizzjuża biex tgħin lill-Istati Membri f’emerġenzi bħal dawk indikati hawn fuq. Għalhekk, il-KESE diġà ppropona l-ħolqien ta’ Fond ta’ Aġġustament għall-Klima ġdid. Dan il-finanzjament għandu jiġi ridirett minn fondi eżistenti tal-UE, b’mod partikolari mill-Fond ta’ Koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, iżda jiġi ġestit b’mod semplifikat u koerenti permezz ta’ dan il-Fond ġdid. |
|
2.2.8. |
Il-KESE jemmen li l-NGOs u l-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu, kemm bħala organizzazzjonijiet ta’ implimentazzjoni kif ukoll bħala msieħba siewja fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ tali programmi, u l-KESE huwa lest li jiffaċilita konverżazzjoni ulterjuri dwar tali involviment għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
|
2.2.9. |
Il-KESE jitlob bil-qawwa li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-piż kbir li waqa’ fuq l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw fil-komunitajiet lokali biex jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minn dawn id-diżastri naturali. F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob li jiġi previst livell minimu ta’ appoġġ fil-prijoritajiet rilevanti għall-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat li dawn it-tipi ta’ benefiċjarji jirċievu sehem adegwat mir-riżorsi minħabba r-rwol attiv tagħhom f’azzjonijiet biex jissewwew il-ħsarat bħal dak li kien previst fil-proposta FAST CARE. |
2.3. Kummenti speċifiċi
|
2.3.1. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-flessibbiltajiet proposti jkopru wkoll id-diżastri naturali mit-tieni nofs tal-2023 minflok mill-1 ta’ Jannar 2024, filwaqt li jisħaq li l-għargħar li laqat lill-Greċja f’Settembru u s-Slovenja f’Awwissu 2023 ikkawża ħsara estensiva li tirrikjedi proġetti ta’ restawr pluriennali u kumplessi, li f’xi każijiet jibdew biss ladarba jitlestew l-istudji meħtieġa. Ħafna minn dawn l-ispejjeż se jseħħu f’data aktar tard, u dan jagħmel it-trattament ugwali tal-Istati Membri diġà affettwati kruċjali. |
|
2.3.2. |
Il-KESE jinnota li l-miżuri proposti x’aktarx imorru lil hinn mill-appoġġ immirat imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u juru eżempju ieħor tal-użu tal-politika ta’ koeżjoni bħala mezz biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżijiet, lil hinn mill-objettiv tat-TFUE. |
|
2.3.3. |
Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm komplementarjetà effettiva, effiċjenti u aktar semplifikata tal-isforzi kemm fir-rispons għall-kriżijiet kif ukoll fil-ġestjoni u l-prevenzjoni tar-riskju, fid-dawl tad-dibattitu dwar il-QFP li jmiss. |
|
2.3.4. |
Il-KESE huwa xettiku dwar il-fatt li l-proposta ma tinvolvi l-ebda bidla fil-limiti massimi annwali tal-QFP għall-impenji u l-pagamenti, waqt li tibqa’ fil-limiti tal-QFP attwali u tkun newtrali għall-baġit. |
|
2.3.5. |
Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li l-prattika li jiġi pprovdut finanzjament tal-UE sa 100 % għandha t-tendenza li tiġi aċċettata bħala n-norma fil-politika ta’ koeżjoni u li l-Kummissjoni Ewropea trid issib soluzzjonijiet alternattivi u aktar stabbli biex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi klimatika fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid. |
|
2.3.6. |
Il-KESE huwa ħerqan li jżid ukoll il-possibbiltajiet ta’ finanzjament għal miżuri preventivi, minbarra l-miżuri ta’ restawr, billi jestendi l-Artikolu 1(1)(a) tal-proposta, u jisħaq li l-prevenzjoni tista’ tipprevjeni spejjeż futuri ta’ restawr. Barra minn hekk, il-KESE jitlob aktar kjarifiki dwar kif il-prijoritajiet il-ġodda jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi, peress li r-riallokazzjoni tar-riżorsi tista’ taffettwa l-konformità mal-impenji rilevanti li saru s’issa mill-perjodu ta’ programmazzjoni eżistenti 2021-2027. |
|
2.3.7. |
Il-KESE jaqbel mal-programmi ta’ ħidma fuq perjodu qasir ta’ żmien u mal-assistenza materjalment appoġġjata li se tkun possibbli mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ akkumpanjament, li jipprovdu liċ-ċittadini b’appoġġ dirett, madankollu, jitlob aktar kjarifika dwar il-proċedura li se tiġi segwita u kif fil-fatt se taħdem għall-Istati Membri. Il-KESE jitlob aktar ċarezza dwar il-mekkaniżmi eżatti li jridu jiġu skattati sabiex jiġu mmobilizzati l-fondi u r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fil-kontroll tal-ispejjeż. |
|
2.3.8. |
Il-KESE huwa tal-fehma li jrid ikun hemm definizzjoni ta’ diżastri naturali sabiex l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu japplikaw kif xieraq. Huwa importanti li jkun hemm stampa ċara tal-kuntest u liema miżuri se jkunu eliġibbli jew le. |
|
2.3.9. |
Il-KESE jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ġarrbu ħsara serja minħabba d-diżastri u jitlob ukoll li s-soċjetà ċivili jkollha rwol attiv fil-proċess tar-rikostruzzjoni u l-irkupru. |
Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — “Ħadd ma għandu jitħalla jaqa’ lura! — Għal politika ta’ koeżjoni inklużiva u parteċipattiva b’appoġġ għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali”; ĠU C, C/2024/6016, 23.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6016/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/774/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)