1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

262


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1505/2006

tal-11 ta' Ottubru 2006

li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward tal-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom isiru fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini u l-kaprini.

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u l-kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (1). U b’mod partikolari l-punt (a) ta’ l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) jipprevedi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini skond dak ir-Regolament. B’hekk jixraq li jiġi definit il-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom isiru mill-Istati Membri sabiex ikun hemm verifika ta’ l-implimentazzjoni xierqa tal-kondizzjonijiet għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dawk l-annimali, kif inhu previst mir-Regolament (“il-kontrolli”).

(2)

L-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha ġġib fis-seħħ kontrolli bbażati fuq analiżi tar-riskji. L-analiżi tar-riskji għandhom jikkunsidraw il-fatturi rilevanti kollha, inklużi b’mod partikolari, konsiderazzjonijiet dwar saħħet l-annimali.

(3)

Il-perċentwal ta’ l-impriżi u ta’ annimali li għandhom jiġu ċċekkjati fl-Istati Membri għandhom jiġu stipulati. Qabel il-31 ta’ Diċembru 2009 dawk ir-rati għandhom jiġu rriveduti fid-dawl tar-riżultati tar-rapporti dwar il-kontrolli li saru u li tressqu mill-Istati Membri.

(4)

Bħala regola ġenerali, l-annimali kollha għandhom jiġu koperti mill-kontrolli. Madanakollu, għall-impriżi li għandhom iktar minn 20 annimal, l-awtorità kompetenti għandha tingħata permess li tirrestrinġi l-kontrolli fuq kampjun rappreżentattiv xieraq ta’ annimali.

(5)

L-Istati Membri għandhom iressqu rapport ta’ kull sena lill-Kummissjoni fejn għandhom jagħtu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli. Huwa xieraq li jiġi stipulat mudell ta’ rapport f’dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kontrolli li jikkonċernaw il-konformità mid-detenturi mar-Regolament (KE) Nru 21/2004

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ kontrolli fuq il-post (“kontrolli”) biex jivverifikaw il-konformità mid-detenturi mal-kondizzjonijiet għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali kif inhu previst fir-Regolament (KE) Nru 21/2004.

Il-kontrolli għandhom jikkonformaw għall-inqas mal-livelli minimi stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Numru ta’ impriżi fejn għandu jsir il-kontroll

L-awtorità kompetenti għandha ġġib fis-seħħ il-kontrolli kull sena li għandhom ikopru mhux inqas minn 3 % ta’ l-impriżi li jinkludu ta’ l-anqas 5 % ta’ l-annimali fl-Istati Membri.

Madanakollu, fejn dawk il-kontrolli juru grad sinifikanti ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (KE0 Nru 21/2004, dawk ir-rati għandhom jiżdiedu fil-perijodu ta’ spezzjoni li jmiss għas-sena ta’ wara.

Artikolu 3

Għażla ta’ l-impriżi għall-kontrolli

L-awtorità kompetenti għandha tagħżel l-impriżi li għandhom jiġu kkontrollati fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskji li għandha tikkunsidra ta’ l-anqas lil dan li ġej:

(a)

in-numru ta’ l-annimali fl-impriżi;

(b)

konsiderazzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali, partikolarment tfaqqigħ preċedenti ta’ mard ta’ l-annimali;

(c)

l-ammont ta’ ħlas għall-annimali ovini u kaprinin mitlub u/jew imħallas lill-impriżi;

(d)

tibdil sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni fil-perijodi preċedenti ta’ spezzjoni annwali;

(e)

ir-riżultati tal-kontrolli li saru fi perijodi ta’ spezzjoni preċedenti, partikolarment, iż-żamma xierqa ta’ reġistri ta’ l-impriżi u dokumenti ta’ movimenti;

(f)

komunikazzjoni xierqa ta’ l-informazzjoni lill-awtoritajiet lokali kompetenti;

(g)

kriterji oħra li għandhom jiġu ddeterminati mill-Istat Membru.

Artikolu 4

Mod ta’ kontroll

1.   L-awtorità kompetenti għandha ġġib fis-seħħ kontrolli mingħajr avviż minn qabel.

Madanakollu, jistgħu jingħataw avviżi minn qabel fejn huwa neċessarju. Fejn tingħata twissija minn qabel, bil-kondizzjoni li din tkun limitata strettament għall-minimu meħtieġ u bħala regola ġenerali m’għandhiex tkun iktar minn 48 siegħa, ħlief f’każi eċċezzjonali.

2.   Il-kontrolli għandhom isiru flimkien ma’ kull spezzjoni oħra prevista fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

Artikolu 5

Numru ta’ annimali għandhom jiġu kkontrollati

1.   L-awtorità kompetenti għandha tikkontrolla l-identifikazzjoni ta’ l-annimali kollha fl-impriża.

Madanakollu, fejn in-numru ta’ annimali fl-impriża jkun ogħla minn għoxrin, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tikkontrolla l-mezzi ta’ l-identifikazzjoni ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ dawk l-annimali skond l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment bil-kondizzjoni li n-numru ta’ annimali kkontrollati ikun wieħed suffiċjenti għall-osservanza ta’ 5 % ta’ non-konformità mar-Regolament (KE) Nru 21/2004 mid-detenturi ta’ tali annimali għal-livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

2.   Fejn kontroll ta’ kampjun rappreżentattiv juri li kampjun ta’ annimali meħud skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li l-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 ma ġewx rispettati mid-detentur, l-annimali kollha fl-impriża għandhom jiġu inklużi fil-kontrolli.

Madanakollu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tikkontrolla l-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ dawk l-annimali skond l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment u taċċerta stima ta’ non-konformità ogħla minn 5 % bi preċiżjoni ta’ bejn wieħed u ieħor 2 % għal-livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

Artikolu 6

Rapporti mill-awtorità kompetenti

L-awtorità kompetenti għandha tfassal rapport għal kull kontroll fil-format standardizzat fuq livell nazzjonali mill-Istat Membru fejn jiġu stipulati ta’ l-anqas dawn li ġejjin:

(a)

ir-raġuni għall-għażla ta’ l-impriża għall-kontroll;

(b)

il-persuni preżenti għall-kontrolli;

(c)

ir-riżultati tal-kontrolli u s-sejbiet ta’ non-konformità mar-Regolament (KE) Nru 21/2004.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti l-opportunità lid-detentur jew lir-rappreżentant tiegħu li jiffirma r-rapport u, kif xieraq, li jesprimi l-osservazzjonijiet dwar il-kontenut tar-rapport.

Artikolu 7

Rapporti annwali mill-Istat Membru

L-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Awissu 2008 u minn hemm sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Awissu ta’ kull sena, rapport annwali skond il-mudell stipulat fl-Anness mar-riżultati tal-kontrolli li saru fil-perijodu ta’ l-ispezzjonijiet annwali preċedenti u li fihom ta’ l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ l-impriżi fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

in-numru ta’ kontrolli fl-impriżi;

(c)

in-numru totali ta’ annimali rreġistrati fil-bidu tal-perijodu ta’ rappurtar;

(d)

in-numru ta’ annimali li ġew ikkontrollati;

(e)

kull riżultat ta’ kontrolli li juru nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 21/2004 mid-detenturi;

(f)

kull penali impost skond l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u l-applikabilità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta' Ottubru 2006

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.


ANNESS

Rapport tar-riżultati tal-kontrolli li saru fis-settur ovin u kaprin fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dawk l-annimali skond ir-Regolament (KE) Nru 21/2004

1.

Informazzjoni ġenerali fuq l-impriżi, l-annimali u l-kontrolli.

Numru totali ta’ impriżi fl-Istat Membru kif inhu rreġistrat fil-bidu tal-perijodu tar-rappurtar (1)

 

Numru totali ta’ impriżi kkontrollati

 

Numru ta’ kontrolli li jkunu saru

 

Numru totali ta’ annimali ovini u kaprini fl-Istat Membru kif inhu rreġistrat fil-bidu tal-perijodu tar-rappurtar (1)

 

Numru totali ta’ annimali ovini u kaprini fl-impriżi kkontrollati matul il-perijodu ta’ rappurtar (1)

 

2.

Nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 21/2004 elenkat skond il-kategorija

 

Numru ta’ l-annimali kkonċernati

Numru ta’ impriżi kkonċernati

1(a)

Osservanza ta’ nuqqas ta’ konformità li tikkonċerna l-annimali ovini

 

 

1(b)

Osservanza ta’ nuqqas ta’ konformità li tikkonċerna l-annimali kaprini

 

 

2.

Diskrepanza fir-reġistru ta’ l-impriża

 

 

3.

Nuqqas ta’ notifika dwar movimenti (2)

 

 

4.

Anomalija fid-dokument ta’ moviment

 

 

5.

Annimali/impriżi li għandhom osservanza waħda biss ta’ nuqqas ta’ konformità kif elenkat fil-punti 1 sa 4

 

 

6.

Annimali/impriżi li għandhom iktar minn osservanza waħda ta’ nuqqas ta’ konformità kif elenkat fil-punti 1 sa 4

 

 

7.

Numru totali ta’ osservanzi ta’ nuqqas ta’ konformità li jikkonċernaw l-annimali/l-impriżi (punti 5 u 6)

 

 

3.

Penalitajiet imposti

 

Numru ta’ l-annimali kkonċernati b’ nuqqas ta’ konformità

Numru ta’ impriżi kkonċernati b’ nuqqas ta’ konformità

Total:

 

 


(1)  jew data ta’ referenza nazzjonali għall-istatistika dwar l-annimali

(2)  Fejn huw applikabbli, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004