10.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Awwissu 2010

li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE fir-rigward tat-testijiet ta’ profiċjenza għall-finijiet taż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet tal-laboratorji biex iwettqu testijiet seroloġiċi biex jimmonitorizzaw l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5421)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/436/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 li taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandarizazzjoni ta’ testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2000/258/KE ħatret lil-laboratorju tal-Agence française de sécurité sanitaire des aliments de Nancy (“AFSSA, Nancy”), bħala l-istituzzjoni speċifika responsabbli sabiex tistabbilixxi l-kriterji meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet seroloġiċi biex tiġi monitorizzata l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija. Dik id-Deċiżjoni tfassal ukoll id-dmirijiet ta’ dak il-laboratorju.

(2)

B’mod partikolari, AFSSA, Nancy għandha tivvaluta l-laboratorji fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għall-finijiet tal-awotorizzazzjoni tagħhim biex iwettqu testijiet seroloġiċi biex jimmonitorizzaw l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija. Barra minn hekk, AFSSA, Nancy għandha torganizza testijiet interlaboratorji ta’ kapaċità (testijiet ta’ profiċjenza).

(3)

Sabiex tinżamm l-awtorizzazzjoni mogħtija lil laboratorji bħal dawn, AFSSA, Nancy ilha mis-sena 2000 torganizza testijiet ta’ profiċjenza tal-inqas darba fis-sena.

(4)

L-esperjenza wriet li dawk it-testijiet ta’ profiċjenza jipprovdu sistema effettiva ta’ monitoraġġ tal-laboratorji li jwettqu testijiet seroloġiċi biex jimmonitorizzaw l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija.

(5)

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2000/258/KE ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tikkonċerna ż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet li diġà ngħataw mil-laboratorji tal-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi biex iwettqu dawn it-testijiet seroloġiċi.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dak l-Artikolu, huwa xieraq li ż-żamma ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet issir dipendenti fuq ir-rapporti ta’ valutazzjonijiet stabbiliti minn AFSSA, Nancy wara t-testijiet ta’ profiċjenza tal-laboratorji kkonċernati.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu stipulati r-regoli għat-twettiq regolari tat-testijiet ta’ profiċjenza minn AFSSA, Nancy kif ukoll għat-tfassil tar-rapporti ta’ valutazzjoni.

(8)

It-twettiq tat-testijiet ta’ profiċjenza minn AFSSA, Nancy bħalissa huwa inkluż fil-programm ta’ ħidma approvat kull sena għal dak il-laboratorju. Il-programm ta’ ħidma jibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, mogħti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2).

(9)

Mill-1 ta’ Jannar 2011, l-ispejjeż imġarrba minn AFSSA, Nancy għat-twettiq tat-testijiet ta’ profiċjenza ma għandhomx jibqgħu koperti minn din l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li hemm riżorsi adegwati biex twettaq testijiet ta’ profiċjenza, AFSSA, Nancy għandu jitlob ċerti ħlasijiet mil-laboratorji li jieħdu sehem f’dawk it-testijiet.

(10)

Dawk il-ħlasijiet ikunu ffissati minn AFSSA, Nancy skont il-kriterji stipulati fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (3).

(11)

Il-laboratorji fl-Istati Membri awtorizzati li jagħmlu l-analiżi sabiex jiċċekkjaw l-effettività tal-vaċċinazzjonijiet kontra l-idrofobja fuq ċerti annimali domestiċi karnivori huma elenkati fl-Anness I mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/233/KE (4).

(12)

Madankollu, id-Deċiżjoni 2000/258/KE, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE (5), tistipula li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2010, jistgħu jawtorizzaw laboratorji biex iwettqu testijiet seroloġiċi biex jimmonitorizzaw l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija. Dik id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu aġġornata lista ta’ dawk il-laboratorji li huma awtorizzaw u għandhom jagħmluha disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-pubbliku.

(13)

Id-Deċiżjoni 2004/233/KE għalhekk saret obsoleta u għandha titħassar biex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun iktar ċara.

(14)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ittestjar annwali tal-profiċjenza

1.   Kull laboratorju f’xi Stat Membru jew pajjiż terz li huwa awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex tiġi mmonitorizzata l-effettività tal-vaċċini tal-idrofobija skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE għandu jgħaddi minn testijiet ta’ profiċjenza kull sena.

2.   Dak it-test ta’ profiċjenza għandu jitwettaq mil-laboratorju tal-Agence française de sécurité sanitaire des aliments de Nancy (“AFSSA, Nancy”).

3.   Wara kull test ta’ profiċjenza msemmi fil-paragrafu 1, AFSSA, Nancy, għandha tibgħat, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru tal-istess sena, rapport ta’ valutazzjoni rispettiv:

(a)

lil-laboratorju korrispondenti li għamel it-test ta’ profiċjenza,

(b)

lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru; meta l-laboratorju msemmi fil-punt (a) jinsab, fil-każ tal-laboratorju awtorizzat skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE;

(c)

lill-Kummissjoni, f’każ ta’ laboratorju msemmi fil-punt (a) awtorizzat skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE.

4.   B’deroga mid-data ta’ skadenza msemmija fil-paragrafu 3, għandu jintbagħat rapport sfavorevoli fi żmien 30 jum mill-valutazzjoni.

Artikolu 2

Iż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mil-laboratorji fl-Istati Membri

L-awtorizzazzjoni mogħtija lil laboratorju fi Stat Membru skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE għandha tinżamm bil-kundizzjoni li r-rapport tal-valutazzjoni stabbilit minn AFSSA, Nancy wara test tal-profiċjenza stipulat fl-Artikolu 1 ikun favorevoli.

Artikolu 3

Iż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mil-laboratorji f’pajjiżi terzi

L-awtorizzazzjoni mogħtija lil laboratorju f’pajjiż terz skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE għandha tinżamm bil-kundizzjoni li r-rapport tal-valutazzjoni stabbilit minn AFSSA, Nancy wara test tal-profiċjenza stipulat fl-Artikolu 1 ikun favorevoli.

Artikolu 4

Ħlasijiet għall-ittestjar annwali ta’ profiċjenza

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2011, AFSSA, Nancy għandha titlob ħlas mingħand kull laboratorju li jieħu sehem fit-testijiet ta’ profiċjenza stipulat fl-Artikolu 1.

2.   Il-ħlas għandu jkun iffissat minn AFSSA, Nancy skont il-kriterji għall-kalkolu tal-ħlasijiet stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 5

Revoka

Id-Deċiżjoni 2004/233/KE hija revokata.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40.

(2)   ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(3)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(4)   ĠU L 71, 10.3.2004, p. 30.

(5)   ĠU L 219, 14.8.2008, p. 40.